Ġwanni Pawlu II fi Guam

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-PAKISTAN, IL-FILIPPINI,
GUAM (USA), IL-ĠAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIESA GĦALL-VOKAZZJONIJIET
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Gżira ta’ Guam (USA), 23 ta’ Frar 1981

Għeżież ħuti

1. “Wieħed biss il-medjatur bejn Alla u l-bnedmin, il-bniedem Ġesù Kristu, li ta lilu nnifsu għall-fidwa ta’ kulħadd…” (1Tm 2,5)  F’dan il-kliem tat-tieni qari tallum huwa espress b’mod ċar u b’qawwa il-mottiv tal-laqgħa tagħna.  Alla il-maħbub Missierna wera l-imħabba abbundanti tiegħu għalina, uliedu, billi ppermetta li Ibnu nnifsu, jkun il-fidwa tagħna, u allura billi stabilixxa ruħu bħala l-uniku medjatur tal-patt il-ġdid u etern. Bil-qiegħda fuq il-lemin tal-Missier, Kristu jeżerċita missjoni universali ta’ salvazzjoni, li testendi ruħha għall-umanità kollha.

2. B’dan lill-Knisja, bħala l-Ġisem ta’ Kristu, kienet afdata l-missjoni li xxandar Vanġelu li għandu dimensjoni universali. Ladarba fil-providenza misterjuża ta’ Alla, hija kienet imsejħa biex tieħu sehem fix-xogħol tas-salvazzjoni b’mod li “x-xewqa” tas-Salvatur “li l-bnedmin kollha jkunu salvati” (1Tm 2,4) tkun tistà titwettaq fid-dinja kollha.

Kultant dan ix-xogħol jidher li ma jistax jingħeleb, imma huwa hemm li l-Knisja tintebaħ li l-kelma mqiegħda fuq xuftejha hija l-muftieħ għall-fehim tas-sinifikat tal-eżistenza tagħna terrena.

U hekk ferħ inkomparabbli jimla l-qalb tal-kleru, tar-reliġjużi, tal-lajċi meta l-amar tal-Imgħallem divin jinstemà għal darb’oħra fi żmienna: “Morru fid-dinja kollha, xandru l-Bxara t-Tajba lill-ħolqien kollu” (Mk 16,15).

Iva, taħt il-gwida tal-Ispirtu Santu, dejjem preżenti biex jikkonsla u jispira, il-Knisja xxandar, l-ewwel lill-komunitajiet insara u mbagħad lill-umanità kollha, il-bxara meraviljuża li Ġesù huwa l-Paċi tagħna, Ġesù huwa t-tama tagħna, Ġesù huwa t-triq għall-ħajja eterna.

3. L-evanġelizzazzjoni hija l-essenza tal-attività tal-Knisja fid-dinja. F’dan tikkonsisti l-isfida l-kbira tagħha. Il-predeċessur tiegħi Pawlu VI kien spjega dan il-punt b’mod hekk elokwenti fl-Eżortazzjoni Apostolika dwar l-evanġelizzazzjoni: “Il-Knisja tibqà fid-dinja meta l-Mulej tal-glorja jerġà lura għand il-Missier. Hija tibqà bħala sinjal – kontemporanjament oskur u mdawwal – mill-preżenza ġdida ta’ Ġesù. Hija testendih u tkomplih. U hija fuq kollox il-missjoni tagħha u l-kondizzjoni tagħha ta’ evanġelizzazzjoni li hija msejħa biex tkompli” (Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 15).

4. Il-Knisja tittrażmetti lid-dinja fidi ħajja għaliex meta tħabbar tgħallem jew tgħammed. Kristu jirrendi ruħu preżenti f’dik il-ġrajja. Għalhekk il-Vanġelu li għandu jkun imħabbar huwa dejjem ġdid, u jmiss bi freskezza u vitalità kull ġenerazzjoni suċċessiva u jsejjaħ lejn Kristu kull persuna b’relazzjoni li hija profondament personali. U din il-kwalità dinamika tal-Vanġelu ma tieqaf qatt, la darba il-kredent huwa msejjaħ għal konverżjoni kontinwa tal-qalb u tal-moħħ bl-iskop li jikkonferma ruħu b’mod iktar fidil għall-qalb u l-moħħ ta’ Kristu. Fl-istess ħin, liema privileġġ tremend jiġi msawwab fuq dawk li huma msejħa biex ikunu l-ħabbara tal-Vanġelu! Liema sodisfazzjon straordinarju jiskopri fli jikkomunika lil Kristu lil xi ħadd ieħor!

5. Sa mill-wasla tiegħi fi Guam, diġa tkellimt dwar id-dejn ta’ gratitudni li jixraq lill-ispirtu evanġelizzatur ta’ dawk li ddedikaw ruħhom b’ sagrifiċċju personali biex jikkomunikaw il-fidi ta’ Kristu. Ix-xhieda enerġetika ta’ missjunarju bħal Patri Luis Diego San Vitores, per eżempju, tkompli tispirana llum. U kemm kienet meraviljuża t-tweġiba ta’ dawk li semgħu l-kelma ta’ Alla permezz tal-predikazzjoni tal-missjunarju. Biċ-ċelebrazzjoni tal-ewwel quddiesa fl-1521 iż-żerriegħa tal-fidi bdiet tixħet għeruqha fil-qlub tal-poplu Kamorro. Fl-1668, l-apprezzament tagħhom tal-Vanġelu intwera mid-don ġeneruż tal-Mexxej Quipuha li rregala l-art li fuqha kellu jinbena l-ewwel Katidral. U dak l-istess Katidral sar is-simbolu tal-perseveranza devota tal-fidi tan-nies, għaliex il-Knisja kellha tinbena diversi drabi, u l-aħħar darba f’din l-epoka tagħna. Iva, l-istorja tal-fidi ta’ Guam għandha primat impressjonanti ta’ xhieda fidila ta’ rġiel u nisa li għexu l-Vanġelu bil-kliem u bil-fatti għal iktar minn tliet sekli, sa din l-istess assemblea liturġika.

6.Imma m’għandniex nikkuntentaw rwieħna billi niftaħru b’wirt glorjuż tal-imgħoddi bla ma ndawru l-attenzjoni tagħna lejn l-esiġenzi tal-waqt attwali. Il-Kredu tagħna ma jistà qatt ikun meqjus bħala propjetà prezzjuża li tistà tkun biss ammirata u mbagħad imwarrba minħabba s-sikurezza. Pjuttost għandna nesprimu l-Amen tagħna għal dak li aħna nemmnu waqt li nqegħdu fil-prattika il-fidi tagħna fil-ħajja ta’ kuljum.

Mela, m’għandniex nillimitaw il-konsiderazzjonijiet tagħna dwar l-evanġelizzazzjoni, purament għat-tixrid tal-fidi fid-diversi oqsma ġejografiċi tad-dinja jew fost il-kulturi differenti. Għandna wkoll  niżguraw ruħna li x-xogħol tal-evanġelizzazzjoni jmiss kull aspett tal-ħajja umana, “billi naġixxu fuq il-kriterji ta’ ħaqq tal-umanità, il-valuri determinant, il-punti ta’ interess, il-linji tal-ħsieb, is-sorsi ta’ ispirazzjoni u l-mudelli tal-ħajja, li huma f’kuntrast mal-Kelma ta’ Alla u l-pjan tas-salvazzjoni” (Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 19).

Għal dan ir-rigward nixtieq nippuntwalizza l-irwol essenzjali li l-familja tiżvolġi fix-xogħol tal-evanġelizzazzjoni. Il-familja, kif il-Konċilju Vatikan II għallimna, hija “komunità profonda ta’ ħajja u ta’ mħabba” (Gaudium et Spes, 48). Il-miżżewġin, fl-immudellar ta’ mħabbithom skont l-eżempju ta’ Kristu, jikkultivaw fid-dar il-valuri nsara ta’ sensibiltà, ħniena, sabar u fehim; dawn, min-naħa tagħhom iqanqlu stil ta’ ħajja li tikkomunika minnha nfiha l-messaġġ tal-Vanġelu. Dawn il-valuri allura jiġu impjantatii u kkurati fl-ulied li jitwieldu minn din l-imħabba sponsali. B’dan il-mod il-familja ssir l-ewwel skola ta’ ħajja nisranija fejn l-imħabba tmantni lilha nfisha għal Kristu, għall-Knisja tiegħu, għas-sejħa tiegħu għall-qdusija.

Bl-istess mod huwa fil-familja li jseħħ it-tkabbir meħtieġ tal- vokazzjonijiet għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża. Il-ġenituri għandhom sa minn l-ewwel sinjali ta’ tali vokazzjonijiet jitolbu li, bil grazzja ta’ Alla, binhom jew binthom iridu jipperseveraw f’din is-sejħa. Liema barka ikbar tistà tiġi lil familja milli jaraw l-isforzi tagħhom li jgħixu l-Vanġelu nkoronati mis-suċċess li jkollhom wieħed jew waħda minnhom imsejjaħ jew imsejħa għal ħajjithom kollha għal servizz ta’ predikazzjoni jew ta’ tagħlim tal-Bxara t-Tajba!

7. Fuq l-imgħammdin kollha, mela, “telgħet il-glorja tal-Mulej” (Iż 60,1),li timbotta lil kull kredent biex jieħu sehem f’dan id-dawl kullimkien u f’kull żmien. Dan id-dawl tal-Vanġelu ma jistax jintefa, ukoll jekk id-dlamijiet jistgħu tassew ikebbu l-valuri u l-prijoritajiet tad-dinja. Imma bil-perseveranza u t-talb, il-fidili jirċievu l-grazzja li jirriflettu l-verità li hija Kristu bl-iskop li “jurina l-glorja tiegħu” (Iż 60,2). Mela nibqgħu sodi fil-fidi, waqt li waqt li nimmudellaw lilna nfusna fuq l-eżempju ta’ dawk l-evanġelizzaturi distinti li ġew qabilna. La taqtgħux qalbkom u la tiddispraw qatt, għaliex Kristu huwa magħna biex jimmudella u jsaħħaħ lil kull wieħed u waħda minna fl-isforz tagħna għad-difiża tal-Vanġelu.

8. Hawn, f’din l-Ewkaristija, niċċelebraw ir-realtà profonda tal-universalità tal-Knisja. Fis-sehem tagħna f’Ġismu u f’Demmu, Ġesù fl-istess ħin iħejjijna biex jiftħilna u biex jaċċetta lill-irġiel u n-nisa kollha bħala ħutu. Il-komunjoni tagħna fi Kristu, mela, timbuttana biex naqsmu ma’ kull persuna il-misteru meraviljuż tal-ħajja ta’ Kristu li ġiet irregalata lilna. Fir-riċeviment tal-Ħobż tal-Ħajja, aħna nassumu x-xewqa li “il-bnedmin kollha jkunu salvati” (1Tm 2,4).

Ladarba għal darb’oħra noqorbu lejn il-waqt l-iktar imqaddes li fih il-ħobż u l-imbid jiġu mibdula fil-Ġisem u d-Demm  tas-Salvatur tagħna, ejjew inġeddu il-proponiment tagħna li nwasslu l-preżenza ta’ kelmtu fi djarna u fil-komunitajiet, fl-uffiċċji u fil-postijiet tax-xogħol tagħna, kull fejn inmorru u f’kull ħaġa li nagħmlu. U billi ġejna mkebba bis-sħana tal-imħabba ewkaristika ta’ Kristu, ejjew infittxu modi iktar effikaċi biex inxandru l-messaġġ ta’ dik l-imħabba lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom.

Ħuti, ħallu jiddi d-dawl tal-Vanġelu ta’ Kristu permezz ta’ kliemkom u l-azzjonijiet tagħkom. Għollu għajnejkom lejn Ġesù, waqt li tiġbdu kontinwament l-attenzjoni tad-dinja Lejh.

Kunu dejjem ferħana, billi tafu li Ġesù huwa mal-Knisja; u li t-talb tiegħu ikun mismugħ għal kollox; li huwa jġedded il-ħwejjeġ kollha. U għalhekk bil-“qlub li jridu jtiru bil-ferħ” (cf. Iż 60,5),  ejjew inkantaw it-tifħir tagħna lil Missier għall-imħabba li sawwab fuqna f’Ġesù Kristu Ibnu, li ta lilu nnifsu bħala fidwa għal kulħadd” (1Tm 2,5). Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: