Ġwanni Pawlu II f’Ordinazzjoni Saċerdotali

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-PAKISTAN, Il-FILIPPINI,
GUAM (USA),IL-ĠAPPUN U ANCHORAGE (USA)
QUDDIESA BL- ORDINAZZJONI SAĊERDOTALI
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Nagasaki (Il-Ġappun), 25 ta’ Frar 1981

Għeżież ħuti fi Kristu,

Niżżi ħajr lil Alla li tani l-possibiltà li niġi hawn f’Nagasaki, Belt li l-istorja tagħha hija mmarkata mill-glorja u mit-traġedja, u li nindirizza lilkom, dixxendenti u suċcessuri ta’ dawk li kisbu l-glorja u għelbu t-traġedja. Niżżikom ħajr  b’qalbi kollha u b’rispett profond  għat-tradizzjoni kattolika manifika ta’ din il-Knisja lokali.

 Dan huwa bla dubju stadju fundamentali tal-vjaġġ apostoliku tiegħi fil-Ġappun, għaliex is-suċċessur ta’ Pietru jinsab hawn biex jordna numru ta’ saċerdoti f’wieħed mill-postijiet l-iktar imbegħda mis-Sedja tiegħu ta’ Ruma, u b’dan il-mod jagħti xhieda tal-universalità tal-missjoni tiegħu.

Għall-Papa dan huwa waqt sollenni u emozzjonanti, imma huwa ferm iktar għalikom, għeżież uliedi, li se tkunu kkonsagrati sagramentalment, bħala “ministri ta’ Ġesù Kristu fost il-pagani, billi teżerċitaw l-uffiċċju sagru tal-Vanġelu ta’ Alla” (Rm 15,16) u  “amministraturi tal-misteri ta’ Alla” (1Kor 4,1).

Imma jkun biss tul il-korsa ta’ bosta snin ta’ fedeltà għad-don li sejrin tirċievu llum li jirnexxilkom b’mod gradwali tifhmu u dejjem aħjar, din iċ-ċirkustanza u l-meravilja tagħha. Ħajja sħiħa, fis-sewwa, mhijiex biżżejjed biex dak li jkun jifhem għal kollox xi jfisser tkun saċerdot ta’ Ġesù Kristu. Hawn nistgħu biss ninnutaw xi aspetti ta’ dan il-misteru, bl-għajnuna tal-qari ta’ din il-liturġija sollenni.

1. L-ewwel sentenza li tolqotkom hija dik li l-Profeta Iżaija uża biex jiddeskrivi l-vokazzjoni tiegħu: “L-Ispirtu tal-Mulej Alla huwa fuqi għaliex il-Mulej ikkonsagrani bid-dlik” (Iż 61,1).

Dan il-kliem japplika għal kull saċerdot, dan japplika wkoll għalikom. Dan ifisser li fl-għeruq ta’ kull vokazzjoni sacerdotali, mhemmx inizjattiva umana personali bil-limitazzjonijiet inevitabbli tagħha, imma pjuttost inizjattiva misterjuża ta’ Alla. Fir-rigward tas-saċerdozju ta’ Kristu, l-ittra lil-Lhud tgħid: “Bl-istess mod Kristu attribwixxa lilu nnifsu l-glorja tas-sommu saċerdot, imma taha lil dak li qallu: “Inti ibni, illum jien iġġenerajtek” (Lh 5,5). U dan huwa veru mhux biss għal Kristu personalment, imma għal dawk kollha li jaqsmu s-saċerdozju tiegħu.

Kull saċerdot jistà jgħid: “Il-Mulej ikkonsagrani”. Qabel xejn il-Mulej ikkonsagrani sa mill-eternità, minn qabel ma jien stess kont neżisti meta ppronunzja ismi. Iżaija jgħid: “Il-Mulej mill-ġuf matern sejjaħli, sa minn ħdan ommi ppronunzja ismi” (Iż 49,1).

Għal fehim sħih tal-vokazzjoni saċerdotali hemm bżonn inmorru ura għal din l-imħabba preferenzjali u konsagratorja ta’ Alla għal persuna determinata saħansitra minn qabel l-eżistenza tagħha, u għas-sejħa li Alla jindirizzalha minħabba din l-imħabba.

Saċerdot jistà jgħid ukoll li l-Mulej ikkonsagrah meta fl-infanzja jew fiż-żgħożija qalbu wieġbet għas-sejħa tal-Mulej, “ejja warajja”.

Mhux dejjem faċli li tindividwa dan il-waqt, jew tindika l-ġrajja li permezz tagħha tasal is-sejħa: l-eżempju ta’ saċerdot jew ta’ ħabib? Is-sejba ta’ vojt li biss servizz lil Alla setà jimla? Xewqa li tirrejaġixxi għal diffikultà materjali, spiritwali jew morali b’mod validu u sħiħ? Imma ikunu xi jkunu ċ-ċirkustanzi, kien Alla li sejjaħlek.

Huwiex possibbli jew le, għal saċerdot, li jistabilixxi l-jum li fih ta żvolta lil ħajtu, billi ċeda għall-unfluwenza tal-Mulej, dik li l-Profeta Ġeremija jsejjaħ “is-seduzzjoni ta’ Alla” (Ġer 20,7) huwa għandu jkun konxju li Alla sejjaħlu.

Fit-tielet post saċerdot jistà jgħid li Alla kkonsagrah fil-jum tal-Ordinazzjoni tiegħu, il-jum li fih finalment isir għal dejjem saċerdot ta’ Ġesù Kristu. Dan huwa l-jum li fih jiġi uffiċċjalment ikkonsagrat minn idejn l-Isqof. Aħna s-saċerdoti għandna dejjem inżommu preżenti dak il-jum. Hekk imur iħeġġeġ Pawlu lil Timotju: “Infakkrek biex tħeġġeġ mill-ġdid id-don ta’ Alla li hemm fik permezz tal-impożizzjoni ta’ jdejja” (2Tm 1,6). Hemm bżonn li dejjem niftakru l-Ordinazzjoni tagħna, biex b’mod kostanti nġeddu ż-żelu inizjali, u nieħdu mit-tifkira tiegħu qawwa biex ngħixu ħajja koerenti bis-sinifikat profond tiegħu. Għaliex il-konsagrazzjoni tallum hija għalikom, għeżież uliedi, is-sinjal estern qasir ta’ tebgħa permanenti ittimbrata fil-personalità tagħkom. Dan huwa s-sinjal sagramentali ta’ grazzja li biha Kristu Saċerdot jikkonsagrakom għal missjoni speċjali għas-servizz tas-Saltna tiegħu billi jirrendikom saċerdoti ta’ Ġesù Kristu għal dejjem.

2. X’intom imsejħa biex tagħmlu bħala saċerdoti? Pass ieħor tal-liturġija tallum jagħtikom it-tweġiba. Intom id-dawl tad-dinja (Mt 5,14). Huwa skonċertanti għalina, konxji kif aħna mix-xejn u l-miżerja tagħna, li nisimgħu ndirizzat lilna il-kliem ċar: “Intom id-dawl tad-dinja”.L-Appostli bilfors li tregħdu kif semgħuh bħal ma għamlu eluf ta’ oħrajn wara dakinhar.

Madankollu l-Mulej għaddihom lil esseri umani, li, Huwa kien jaf tali, bil-limitazzjonijiet u l-miżerji tagħhom. Infatti Huwa kien jaf ukoll li huma kienu se jkunu dawl, mhux bil-forzi propji tagħhom, imma bħala rifless u komunikazzjoni tad-dawl tiegħu, mill-waqt li dwaru huwa kien qal: “Jiena d-dawl tad-dinja” (Ġw 8,12; 9,5; cf. Ġw 1,5.9; 3,19; 12,46).

Kull saċerdot jintebaħ li jistà jdawwal lil min hu fid-dlamijiet biss bil-qies li bih hu nnifsu aċċetta d-dawl tal-Imgħallem Ġesù Kristu. Huwa hu madankollu mkebbeb f’dellijiet perikolużi u mhux kapaċi jdawwal oħrajn, meta jitbiegħed mill-uniku sors tad-dawl veru. Minħabba dan għeżież uliedi, għandkom dejjem tibqgħu magħqudin ma’ Kristu Saċerdot, waqt li b’mod regolari tisimgħu Kelmtu, billi tiċċelebraw il-misteri tiegħu fl-Ewkaristija, u billi tgħixu dejjem fi ħbiberija ntima miegħu. Il-poplu jagħraf il-komunjoni tagħkom miegħu mill-ħila tagħkom li tkunu dawl veru għad-dinja kollha spiss ferm fid-dlamijiet.

3. Bħala analiżi aħħarija, mhuwiex biżżejjed għal saċerdot li jirrifletti b’mod iktar jew inqas imperfett id-dawl ta’ Kristu; huwa għandu jqiegħed lilu nnifsu fid-dell u jħalli lil Kristu jiddi b’mod dirett. “Aħna nfatti ma nippridkawx lilna nfusna imma lil Ġesù Kristu Sidna … Dak Alla li qal: Ħa jiddi d-dawl mid-dlamijiet, jiddi fi qlubna, biex jagħmel ileħħ l-għarfien tal-glorja divina li tiddi fuq il-wiċċ ta’ Kristu” (2Kor 4,5.6).

Bħala saċerdoti, intom se tkunu ministri tad-dawl li jiddi mill-wiċċ ta’ Kristu permezz tal-fidi.

Għalhekk l-ewwel u l-iktar missjoni importanti tagħkom hija li tiggarantixxu dik il-predikazzjoni li s-smigħ tagħha jnissel il-fidi (cf. Rm 10,17). Il-Konċilju Vatikan II jiddefinixxi lis-saċerdoti bħala “edukaturi fil-fidi” (Presbyterorum Ordinis, 6). Is-servizz fundamentali tagħkom huwa li xxandru lil kull wieħed u waħda l-Kristu Verità u l-veritajiet tal-fidi; li titimgħu din il-fidi b’mod kostanti, li tqawwuha meta fraġli u li tiddifenduha kontra kull theddida.

Inutli tgħidu li tkunu edukaturi aħjar fil-fidi fil-qies li fih intom stess għandkom ta’ fidi radikata profondament, matura, qalbiena u infettiva. L-evanġelisti kienu jiddeskrivu s-snin li Ġesù għadda fil-kumpanija tat-tnax, bħala process ddestinat għall-alimentazzjoni tal-fidi tagħhom: “Ġesù… wera l-glorja tiegħu u d-dixxipli tiegħu emmnu Fih” (Ġw 2,11; cf. Ġw 11,15). Intom, bħat-tnax, għaddejtu snin ma’ Ġesù qabel ma wasaltu għal dan il-waqt; hemm bżonn tkunu dixxipli b’fidi ppruvata u matura, fermament ankrata għall-kliem tal-Imgħallem, u lesta għat-taqtigħa. La taqtgħu qatt milli tingħaqdu mat-talb umli u żeluż tal-appostli : “Qawwilna l-fidi tagħna” (Lq 17,5) u tistgħu intom tisimghu bħala replika dak li Kristu qal lil Pietru: “Tlabt għalik, sabiex il-fidi tiegħek ma tonqsokx” (Lq 22,32). Hekk biss tkunu mħejjija biex twasslu ħafna oħrajn għall-fidi.

Jeżisti obbligu speċjali għal kull saċerdot, u għall-presbiterju stess biex jippromwovi l-vokazzjonijiet għas-saċerdoti. Għal dan ir-rigward it-talb huwa essenzjali. Imma huwa wkoll essenzjali li ż-żgħażagħ ikunu sostnuti mill-eżempju ta’ qdusija u ta’ ferħ li jaraw fis-saċerdoti tagħhom. Għal din ir-raġuni Ġesù Kristu, dalgħodu afda b’mod effettiv liż-żgħażagħ saċerdoti rwol important, dak li jinfluwenzaw bl-eżempju il-qalb taż-żgħażagħ.

4. Irrid issa ngħid ftit kliem lill-familji tas-saċerdoti l-ġodda u lill-familji nsara kollha tal-Ġappun.

Niftakar b’emozzjoni kbira l-laqgħa li saret hawn f’Nagasaki bejn missjunarju li wasal hawn ftit ilu u grupp ta’ persuni li, wara li kienu aċċertati li kien saċerdot kattoliku qalulu: “Ilna nistennewkom sekli sħaħ!”. Kienu baqgħu bla saċerdoti, linqas knejjes, linqas ċelebrazzjonijiet pubbliċi għal iktar minn mitejn sena, bdanakollu minkejja ċ-ċirkustanzi kuntrarji il-fidi nisranija ma kinitx intfiet. Kienet sabet ruħha fil-familji minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni. B’dan il-mod il-familja nisranija wriet l-importanza mmensa tagħha għall-vokazzjoni biex tkunu nsara.

Il-familja nisranija hija wkoll b’mod estrem essenzjali għall-vokazzjonijiet, għas-saċerdozju u għall-ħajja reliġjuża.

Il-biċċa l-kbira tagħhom, jitwieldu u jiżviluppaw fil-familji, fil-familji profondament insara. Huwa għalhekk li l-Konċilju Vatikan II sejjaħ lill-Familja l-“ewwel seminarju” (cf. Optatam Totius, 2). Jiena ċert ukoll li l-vokazzjonijiet numerużi fil-“merħla ż-żgħira” tal-komunità kattolika fil-Ġappun twieldu u kibru f’familji animati minn spirtu ta’ fidi, karità u ħniena.

Jiena, suċċessur ta’ Pietru, waqt li nordna s-saċerdoti l-ġodda għal Pajjiżkom, inħeġġeġ ukoll lil kull familja nisranija fil-Ġappun biex tkun realment “knisja domestika”, post fejn Alla huwa rringrazzjat u nfaħħar, post fejn Kelmtu hija mismugħa u l-liġi tiegħu pprattikata, post fejn kulħadd jiġi edukat għall-fidi, u fejn il-fidi hija mitmugħa u mqawwija, post ta’ karità fraterna u ta’ servizz mutwu, post ta’ ftuħ lejn l-oħrajn, b’mod speċjali l-foqra u dawk fil-bżonn.

Kunu miftuħa għall-vokazzjonijiet li jiżviluppaw fi ħdankom. Itolbu li bħala sinjal ta’ mħabba speċjali il-Mulej isejjaħ wieħed jew iktar mill-membri tagħkom biex iservuh. Għixu l-fidi tagħkom bil-ferħ u biż-żelu li jinkuraġġixxi tali vokazzjonijiet. Kunu ġenerużi jekk binkom jew bintkom, ħukom jew oħtkom, jiddeċiedu li jsegwu lil Kristu f’din it-triq speċjali. Ippermettu li l-vokazzjoni tagħhom tikber u titqawwa. Agħtu l-appoġġ sħiħ tagħkom għal għażla magħmula b’mod liberu.

Ejjew issa nkomplu, aħna li aħna miġburin hawn, iċ-ċelebrazzjoni Ewkaristika tas-sagrifiċċju ta’ Ġesù Saċerdot, b’fidi u devozzjoni. Waqt li niftakru fis-saċerdoti Ġappuniżi, ir-reliġjużi u l-lajċi, li taw f’dan il-post, ix-xhieda suprema ta’ ħajjithom, għall-imħabba ta’ Ġesù Kristu, ejjew nitolbu għall-familji nsara ta’ dan il-Pajjiż sabiex ikunu jistgħu jgħixu b’intensità l-vokazzjoni nisranija tagħhom.

Nitolbu lill-Mulej li minn ħadanhom joħorġu ħafna saċerdoti bħal dawk li llum jibdew ħajjithom u l-ministeru tagħhom saċerdotali, kif ukoll ħafna reliġjużi, għall-glorja ta’ Ġesù Kristu u għas-salvazzjoni tad-dinja. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.