Aqta’ min ġie Final? L-Ingliżi u t-Taljani!

Print Friendly, PDF & Email

Aqta’ min ġie Final? L-Ingliżi u t-Taljani! Din hi l-frażi li l-Ispirtu s-Santu qed jagħtini kontinwament mill-kunvent mobile tiegħi. Li m’għandux post! M’għandux kwiet! Għax dejjem fi ħruġ, kif iridni Ġesù u l-Papa Franġisku li nkun!

Il-logħba Ingilterra-Italja hi l-logħba li tefgħetna, bħala Maltin, fl-akkanitiżmu tal-football. Ngħiduha kif inhi: aħna ċkejkna fil-football ħdejn dawn in-nazzjonijiet qawwija. Dan ma jfissirx li m’għandniex talenti fil-football. Nafu bi players li għamlu u qed jagħmlu suċċess wara l-ieħor fix-xena internazzjonali. U, dan il-fatt, sempliċiment iferraħna fuq li jferraħna! Imma, fil-ħajja, hu sabiħ ukoll li nkun naf il-limitu tiegħi qabel nibda’ immattar riġlejja għall-passi li jeħtieġli nagħmel ‘il quddiem. U meta dan iseħħ hemmhekk inkunu kbar għax inkunu fl-umiltà li hi l-verità mħawwra bit-tama u bl-impenn. Intant …

Ingilterra-Italja! Bnadar ma’ kullimkien! Daqqa l-Union Jack u daqqa t-tre colori. Jaqbadni d-daħk meta xi wħud jgħiduli: Għax aħna se nirbħulhom lit-Taljani! Jew, aħna se nirbħulhom lill-Ingliżi! Skużi ta! Mela intom m’intomx Maltin bħali x’kull waħda tnejn? Meta nħares lejn il-karta tal-identità, il-passaport, lejn fejn twelidt u fejn trabbejt, jien Malti! U ta’ dan m’għandix ilsien biex nirringrazzja lill-Mulej Alla tiegħi u tagħkom! Mela, la jien Malti, m’għandix għalfejn ngħid: Lill-Ingliżi aqta’ x’xebgħa u tidwira se nagħtuhom! Jew: Lit-Taljani aqta’ kif se nbellħuhom bil-goals li se nimluhom bihom!

Biss, min jgħid hekk, nista’ nifhmu wkoll l-għaliex jasal jgħid diskors bħal dan. L-istorja Maltija hi bħall-password li l-MITA, b’għaqal u b’responsabbiltà kbira, tridna nagħmlu: ikkumplikata. U, dan tixhdu l-kultura u l-istorja tant għanja tal-għażiż ġensa stess. Matul iż-żminijiet Malta rat biżibilju nies, ġejjin mil-lvant u mill-punent, mit-tramuntana u min-nofsinhar (Lq 13:29).U, fost dawn il-ġnus, hemm it-Taljani u l-Ingliżi.

It-Taljani għandna storja twila twila magħhom. Tant hu hekk li xi studjużi tal-istorja paleolitika u neolitika ta’ Malta jgħidulna li l-ewwel nies ġew minn Sqallija. U Sqallija fejn hi? Mhux fl-Italja qiegħdha? Hemm aħna! Ara xi storja qadima għandna magħhom! Imma l-istorja ma tieqafx hawn! Għandna mbagħad l-istorja mal-poplu Ingliż. Mill-anqas ta’ 179 sena friski friski! Anki din ħalliet impatt kbir fuq l-istorja ta’ pajjiżna. Taħt il-Kuruna Rjali Ingliża Malta bdiet ħierġa ħierġa sa ma saret sidt tagħha nnifisha. U illum, għall-grazzja tal-Mulej, bit-tlajja’ u l-inżul li kull ġens taħt is-sema jkollu, Malta hi sovrana ta’ mixjietha.

Anki jekk naraw il-koplavur ta’ pajjiżna, l-ilsien Malti, mill-ewwel nintebħu li fih hemm l-aspetti rumanzi, Taljani u dawk Ingliżi fih. Araw il-kelmiet Taljani fl-ilsien Malti: induratur, librar, dentist, furnar, barbier, skarpan. U verbi, bħal nappoġġja, inparla u nikkopera. Imbagħad, ir-reliġjon Nisranija, tgħidx kemm daħħlet kliem Rumanz fil-Malti bħal liturġija, tabernaklu, altar u rużarju.

Minn meta l-Ingliżi rifsu f’Malta fl-1800 ‘il quddiem, l-ilsien Malti beda jiġi wiċċ imbwiċċ mal-ilsien Ingliż. Bil-gwerra l-Maltin u l-Ingliżi aktar resqu lejn xulxin. U hekku li beda dieħel kliem Ingliż fil-ġawhra mitkellma tagħna, l-ilsien Malti, bħal tank, xelter, gaxin, u dokjard. L-ilsien Ingliż beda jindiehes sewwa fl-Ilsien Malti. Tant li bdejna, biż-żmien, naddattaw kliem f’qafas semitiku bħal irrejdja, ikkonsma, ittestja, u irreffja.

Issa, dan kollu, iwassalni ħelu ħelu għall-punt li l-element Taljan u Ingliż f’Malta hu f’demmna wkoll. Allura, misjuq mit-tnebbiħa tal-Ispirtu s-Santu, nasal ngħid li pajjiżna għandu pulmun Taljan u ieħor Ingliż b’qalb Maltija li ssuqhom. Ejjew ma ninsewx li l-qalb kollox!

U hawn nagħti raġun bil-kbir lil Dun Karm, il-poeta nazzjonali, meta jgħid fil-poeżija tiegħu: Għaliex? Jedd l-ilsien Malti: Għaliex immela tiċħad, Malti ħija,/ Lil dan l-ilsien li bih int Malti sewwa? Ħobb, jekk jiswewlek, l-ilsna barranija,/ Iżda le tbarri lil min hu ta’ ġewwa.

Mela, f’din imħabbti lejn l-għażiża Malta, art twelidi, u bħala Patri Franġiskan ma nistax ma nsemmix talba li kemm l-Ingliżi u kif ukoll it-Taljani tant iħobbu: Mulej agħmilni strument tal-paċi tiegħek! Nissuġġerixxi li qabel il-partita, nhar il-Ħadd 11 ta’ Lulju 2021, nitolbuha wkoll. Forsi, għaliex le, il-programm li se jkun hemm fit-TVM 2 jista’ jinkludieha qabel il-logħba. Għax minn minna m’għandux bżonn jisma’ li fejn hemm il-mibegħda ejjew inxerrdu l-maħfra? Fejn hemm id-dubju u s-suspetti fil-Mulej u f’xulxin ejjew indaħħlu l-fidi, li hi l-fiduċja? Fejn hemm il-qtiegħ il-qalb ejjew inqawwu t-tama? Fejn hemm in-niket ejjew inxerrdu l-ferħ? Għax jekk il-football ma jwassalx dawn il-valuri sbieħ min tridu jwassalhom illum ħbieb?

Għal dan il-għan qed naqsam ma’ kulħadd din it-talba sabiħa ta’ San Franġisk:

Mulej, agħmilni strument tal-paċi tiegħek: Fejn hemm il-mibegħda ħallini nħeġġeġ l-imħabba; Fejn hemm il-ħtija, ħallini nferrex il-maħfra; Fejn hemm id-dubju, ħallini ndaħħal il-fidi; Fejn hemm il-qtigħ il-qalb, ħallini nqawwi t-tama; Fejn hemm id-dlam, ħallini nkebbes id-dawl; Fejn hemm in-niket, ħallini nxerred il-ferħ. Mgħallem divin, la tħallix:
Li iżjed infittex li nkun imfarraġ, milli nfarraġ jien, Li iżjed jifhimni ħaddieħor, milli nifhem lil ħaddieħor jien, Li iżjed inkun maħbub, milli nħobb jien. Għaliex meta nagħtu, aħna naqilgħu, Meta naħfru, aħna niġu maħfura; Meta mmutu, nerġgħu nitwieldu għall-ħajja ta’ dejjem.

Nhar il-Ħadd, fuq TVM 2, fix-xandira diretta Italja-Ingilterra, jien, flimkien mal-eluf ta’ Maltin u Għawdxin, se nkunu qed nistennew bil-ħerqa li tintalab din it-talba ferm sabiħa li kemm l-Ingliżi, it-Taljani u l-Maltin tant iħobbu u jitlobu ta’ kuljum! Għax il-football il-festa tiegħu hi li joħloq il-paċi u l-fraternità! Kif jgħallimna l-Mulej permezz ta’ San Franġisk!

U ħallina mill-imħatri! Din kelma ta’ Kristu u mhux tal-Patri!

Mela, Viva l-Italja! Viva l-Ingilterra! Viva Malta! Viva San Franġisk!

Patri Mario Attard OFM Cap