Ir-Raba’ Ġimgħa tar-Randan – L-Erbgħa
Qari I
Għamilt minnek patt mal-poplu, biex nerġa’ nqajjem l-art.
Iż 49, 8-15
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija
Dan jgħid il-Mulej:
“Fiż-żmien it-tajjeb smajtek,
u f’jum is-salvazzjoni għentek.
Ħaristek u għamilt minnek patt mal-poplu,
biex nerġa’ nqajjem l-art,
u nqassam il-wirt imħarbat;
biex ngħid lill-imjassrin: “Oħorġu!”
u lil dawk li huma fid-dlam: “Ejjew għad-dawl!”
Huma jirgħu matul it-triq,
u fuq kull għolja għerja jsibu l-merħla tagħhom.
Ma jeħodhomx il-ġuħ u anqas l-għatx,
u ma tolqothomx is-sħana u lanqas ix-xemx.
Għax min ħenn għalihom imexxihom,
u jgħaddihom minn ħdejn għejun ta’ ilma.
Minn kull muntanja nagħmel triq,
u ngħolli l-mogħdijiet tiegħi.
Ara, dawn jiġu mill-bogħod;
ara, dawn mit-Tramuntana u l-Punent,
u dawn mill-art ta’ Sinim”.
Għannu, o smewwiet,
aqbeż bil-ferħ, o art,
infexxu fl-għana, o muntanji!
Għax farraġ il-Mulej lill-poplu tiegħu;
u ħenn għall-imsejknin tiegħu!
U Sijon kienet tgħid: “Ħallieni l-Mulej,
Sidi nsieni”.
Tista’ mara tinsa t-tarbija tagħha,
u ma tħennx għal bin ġufha?
Imqar jekk din tinsa,
jien ma ninsiek qatt!
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 144 (145), 8-9.13ċd-14.17-18
R/. (8a): Twajjeb u ħanin il-Mulej
Twajjeb u ħanin il-Mulej,
idum biex jagħdab u kollu tieba.
Twajjeb ma’ kulħadd il-Mulej,
tjubitu fuq kulma għamel. R/.
Ta’ kelmtu l-Mulej fil-wegħdiet tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Iwieżen il-Mulej ’il kull min se jaqa’,
iqajjem ’il kull min hu mitluq. R/.
Ġust il-Mulej fl-imġiba tiegħu kollha,
twajjeb f’dak kollu li għamel.
Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu,
lejn kull min isejjaħlu fis-sewwa. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Ġw 11, 25a.26
Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Jien hu l-qawmien u l-ħajja, jgħid il-Mulej,
kull min jgħix u jemmen fija, dan ma jmut qatt.
R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!
Evanġelju
Bħalma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu.
Ġw 5, 17-30
Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lill-ġemgħa tal-Lhud: “Missieri għadu jaħdem sa issa; mela naħdem jien ukoll”. U minħabba f’hekk il-Lhud wisq iżjed minn qabel bdew ifittxu li joqtluh, mhux biss għax kien jikser is-Sibt, imma wkoll għax lil Alla kien jgħidlu Missieru u jqis ruħu daqs Alla.
Ġesù qabad u qalilhom: “Tassew tassew ngħidilkom li l-Iben ebda ħaġa ma jista’ jagħmel minn rajh jekk ma jarax lil Missieru jagħmilha; għax il-ħwejjeġ li jagħmel il-Missier, jagħmilhom l-Iben ukoll, bħalu. Għax il-Missier lill-Iben iħobbu u jurih kulma jagħmel, anzi ħwejjeġ akbar minn dawn jurih, ħalli jkollkom biex tistagħġbu. Għax bħalma l-Missier iqajjem lill-mejtin u jagħtihom il-ħajja, hekk ukoll l-Iben jagħti l-ħajja lil dawk li jrid hu. Il-Missier ma jagħmel ħaqq minn ħadd, imma ħalla f’idejn l-Iben biex jagħmel il-ħaqq kollu hu, biex kulħadd jagħti ġieħ lill-Iben bħalma jagħti ġieħ lill-Missier; u min ma jagħtix ġieħ lill-Iben anqas ma jagħti ġieħ lill-Missier li bagħtu.
Tassew tassew ngħidilkom li min jisma’ kelmti u jemmen f’min bagħatni għandu l-ħajja ta’ dejjem, u ma jsirx ħaqq minnu, imma għadda mill-mewt għall-ħajja. Tassew tassew ngħidilkom li tiġi siegħa, anzi issa hi, meta l-mejtin jisimgħu l-leħen tal-Iben ta’ Alla, u dawk li jisimgħuh jgħixu. Għax bħalma l-Missier għandu l-ħajja fih innifsu, hekk ukoll ta lill-Iben li jkollu l-ħajja fih innifsu, u tah ukoll is-setgħa li jagħmel ħaqq, għax hu Bin il-bniedem. Tistagħġbux b’dan; tiġi siegħa meta dawk kollha li jkunu fl-oqbra jisimgħu leħnu u joħorġu; dawk li jkunu għamlu t-tajjeb iqumu għall-ħajja, imma dawk li jkunu għamlu l-ħażin iqumu għall-kundanna.
Jiena ma nista’ nagħmel xejn minn rajja; il-ħaqq nagħmlu fuq dak li nisma’, u l-ħaqq li nagħmel jien huwa ġust, għax jien ma nfittixx ir-rieda tiegħi, imma r-rieda ta’ min bagħatni”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu