Bniedem tal-familja li baqa’ jwassal sal-aħħar il-familja

Print Friendly, PDF & Email

L-ex President Amerikan Ronald Reagan, darba qal hekk: M’hemmx ferħ akbar għal raġel milli jersaq lejn bieb, wara jum xogħol, u jaf li xi ħadd, fuq in-naħa l-oħra ta’ dak il-bieb, qed jistenna l-ħsejjes tal-passi tiegħu.

Hekk nimmaġinah lill-għażiż ħuna Saviour Bianco, li għadda għall-ħajja ta’ dejjem nhar is-Sibt 7 t’Awwissu 2021, sewwasew nhar il-festa tal-qaddis kbir San Gejtanu. Għax, għal Saviour, li jkun raġel tal-familja kien ferħ u ferħ mill-aktar kbir! Kien ferħ l-għaliex, kif fisser tant tajjeb Patri Vincent Magri SJ fl-omelija sabiħa li għamel nhar iċ-ċelebrazzjoni tal-ħajja ta’ Saviour, nhar it-Tlieta 10 t’Awwissu 2021, fil-Knisja Parrokjali ta’ San Ġużepp fil-Kalkara, Saviour kien kapaċi jingħata. U jingħata b’impenn minn qalbu.

Laqtitni ħafna frażi li Patri Magri semma fl-omelija tiegħu: Saviour kien il-bniedem li żamm kelmtu. Jiġifieri, kien il-bniedem tal-familja u anki ċ-ċittadin onest u responsabbli li kelmtu li jagħmel dak li hu sewwa b’ġenerożità kbira, żammha sal-aħħar. Ħares bl-akbar reqqa l-wegħdiet tiegħu taż-żwieġ fl-imħabba tiegħu lejn martu Jacqueline u kien missier tabilħaqq eżemplari għal uliedu Maria u Rebecca. F’dan id-dawl Saviour fakkarni f’dak li nsibu fil-Ktieb tan-Numri dwar il-wegħdi meta jgħid hekk: U Mosè kellem lill-prinċpijiet tat-tribujiet ta’ wlied Iżrael u qalilhom: “Dan hu li ordna l-Mulej. Jekk xi ħadd jagħmel wegħda lill-Mulej, jew jintrabat b’ġurament, m’għandux jonqos minn kelmtu, imma jagħmel skond ma jkun ħareġ minn fommu (Num 30:2-3).

Lil Saviour sirt nafu meta kien magħna fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo. Minn mindu l-Mulej laqqagħni miegħu, bejnietna nibtet fraternità mill-isbaħ. Kemm kont nammirah meta kien jgħidli l-kelma: IMPORTANTI! U, wara li għarrixt ftit ħa nara xi tfisser aktar stajt nara l-kobor li kien hemm f’dan il-bniedem straordinarju. Minn fuq is-sodda tal-mard tiegħu Saviour kien qed jisħaq dwar l-importanza tal-għaqda fil-familja. L-għaqda fiż-żwieġ ma’ martu Jacqueline u anki dik ma’ uliedu Maria u Rebecca.

Dan l-episodju tant sabiħ u li se nibqa’ inġorr u ngħożż miegħi tul ħajti kollha jfakkarni f’diskors sabiħ li kien għamel il-Papa Franġisku dwar il-Familja eżattament nhar il-Ħadd 27 ta’ Diċembru 2020, mill-Biblijoteka tal-Palazz Appostoliku fil-Vatikan meta qal hekk:

U mbagħad fil-familja hemm tliet kelmiet li hemm bżonn ngħożżu dejjem: “nista'”, “grazzi”, “aħfirli“.  “Nista’?” biex ma nkunux invadenti fil-ħajja tal-oħrajn.  “Nista’ nagħmel din, dan?  Jidhirlek li dan nista’ nagħmlu?”  Dejjem nitlob permess.  Dejjem biex ma nkunx invadenti.  “Nista'”, l-ewwel kelma.  “Grazzi”: tant għajnuniet, tant qadi li nagħmlu fi ħdan il-familja.  Irroddu ħajr dejjem.  Il-gratitudni hija d-demm ta’ qalb nobbli.  “Grazzi”.  Imbagħad, l-aktar waħda diffiċli li tgħid: “aħfirli“.  Għax aħna dejjem nagħmlu affarijiet koroħ u xi kultant xi ħadd iħossu offiż b’li nkunu għamilna.  Tinsewx dawn it-tliet kelmiet: “nista'”, “grazzi”, “aħfirli“.  Jekk fil-familja, fl-ambjent familjari jsaltnu dawn it-tliet kelmiet, il-familja sejra tajjeb.

Inħossni persważ li Saviour kien tassew jimxi b’qalb kbira ma’ dawn it-tlett kelmiet-kwalitajiet li jsawru l-familja f’waħda tassew sabiħa, armonjuża, mimlija għaqda, imħabba u għożża. Il-preżenza tiegħu fostna fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija għaniet lilna ilkoll, pazjenti u staff, b’dawn il-valuri u virtujiet tant sbieħ. Fil-fatt, meta kont inżuru, kważi kważi lanqas kont inkun irrid ninqala’ minn ħdejh. Din il-barka sabiħa tal-familja li ġabilna miegħu Saviour kienet timla’ l-arja ta’ dan il-post tat-tbatija. Kos hux kemm l-imħabba hi bil-wisq aktar qawwija minn kull tbatija!

Imbagħad, xi ħaġa li żgur se nibqa’ ngħożż ħafna ma’ qalbi dwar Saviour hi s-sens umoristiku tiegħu fil-konfront tiegħi. Kont niggustah mill-mod kif kien iħares lejja u anki b’dak is-subgħa biex bħal donnu jiġbidli widnejja. Donnu kien jaf li jien nitqarqaċ ukoll. U, b’dik il-ħarsa tiegħu ta’ missier li jrid l-akbar ġid lil ibnu, kemm kienet timlini b’ħafna kuraġġ! Kos hux! Anki fit-tbatija jaf ikun hemm il-mumenti ta’ faraġ, ferħ u umoriżmu. Veru li fil-ħajja ġieli ngħaddu minn sqaqien mudlama imma dan ma jfissirx li b’daqshekk tlifna l-umanità tagħna li tagħmilna persuni li nafu mhux biss nibku imma wkoll nidħku u napprezzaw ir-relazzjonijiet sbieħ ta’ bejnietna.

U, la issemmiet il-kelma relazzjonijiet, nixtieq pubblikament niżżi ħajr minn qalbi lil Jacqueline, Maria, Rebecca u l-ġenituri ta’ Jacqueline għall-eżempju sabiħ li ħallew fija u f’dawk kollha li kellhom il-grazzja li jiltaqgħu magħhom permezz ta’ ħuna Saviour fiċ-Ċentru tal-Onkoloġija. Nixtieq pubblikament nirringrazzjahom għax tawna xhieda ta’ xi tfisser l-imħabba fil-familja sal-aħħar. U, fuq nota aktar personali, nixtieq minn qalbi niżżihom ħajr ta’ kemm għallmuni nemmen u nittama fil-Mulej anki f’mumenti tabilħaqq diffiċli li, għax jien bniedem bħalkom, minix eżenti minnhom.

Meta nara familja sabiħa ta’ dan it-tip qalbi timtela b’kuraġġ ta’ sur! Anki illum, f’Malta tagħna, għadek iwa issib familji li żammew sod kontra l-kurrent u baqgħu maqgħudin. Għadek issib fedeltà sħiħa fiż-żwieġ u mħabba u rispett kbir lejn l-ulied u l-ulied lejn il-ġenituri. Kif qal Patri Magri, Saviour għex l-imħabba li tingħata kollha kemm hi. Bħal Ġesù Saviour kien il-bniedem li qeda sal-aħħar. Għax ħabb mingħajr ma stenna xejn lura. Għalhekk, ma’ David Beckham, seta’ jgħid: Jiena bniedem b’saħħti. Jien raġel tal-familja sod. Jiena raġel u missier sod.

Ħalluni nagħlaq dawn il-kelmtejn ċkejknin ċkejknin, kif ħarġu mill-forn ta’ qalbi b’imħabba u apprezzament kbir għal ħuna Saviour, bi strofa tal-poeżija li l-Ispirtu s-Santu nebbaħni nikteb għal Saviour, bit-titlu Insellimlek raġel twajjeb: Grazzi, grazzi ta’ din ħajtek/Li ħlewwa ġabet fost tant nies,/ Għax l-imħabba wisq tingħaraf/ Għax tingħata bla ebda qjies!

Dan hu għalija l-għażiż ħija u ħabib Saviour Bianco li għalih qalbi tibqa’ titlob, lilu tgħożż u anki timita! Il-bniedem tal-familja li baqa’ jwassal sal-aħħar il-familja!

Patri Mario Attard OFM Cap