Jiffirma l-ktieb ma’ missier it-terrorista li qatel lil bintu

Print Friendly, PDF & Email

Georges Salines, tabib, hu missier Lola, li kienet tikteb kotba għat-tfal u li nqatlet fil-Bataclan ftit ġranet qabel ma għalqet 29 sena. Missierha kien il-fundatur tal-assoċjazzjoni ‘Fraternità u Verità’. Kien imur fl-iskejjel biex jitkellem dwar bintu Lola u jikkumbatti l-mibegħda. George Salines hu awtur ta’ diversi kotba.

Wieħed mill-kotba ta’ George Salines, ‘Il nous reste les mots’ (Jibqgħalna biss il-kliem), kitbu flimkien ma’ Azdyne Amimour, missier Samy Amimour, wieħed mit-tliet terroristi li mietu fil-Bataclan, sala tal-kunċerti f’Pariġi, nhar it-13 ta’ Novembru tal-2015 wara li qatlu 90 żgħażagħ, fosthom Lola Salines.

Missier Lola, il-vittma ma’ missier Samy, it-terrorista.

Iż-żagħżugħa kienet marret il-Balaclan għall-kunċert tal-grupp Eagles of Death ma’ ħabiba tagħha li stednitha għax kellha biljett żejjed. Lola ntlaqtet minn żewġ balal li waħda minnhom qatlitha. Il-ħabiba tagħha sfat feruta wkoll minn arma tan-nar. Lola kienet tifla ferriħija, tħobb il-mużika ‘metal’, il-vjaġġi, l-isports u kellha ħafna ħbieb li kienet tieħu gost iddaħħaqhom.

L-idea li t-tabib George Salines jiltaqa’ ma’ missier it-terrorista, u saħansitra jikteb ktieb miegħu, nibtet meta kitiblu Azdyne Amimour. Donnu li Georges kien qed jistenna ittra bħal din għaliex xi xhur qabel kien ħa sehem f’konferenza ma’ familji tal-vittmi u ma’ wħud li waqfu milli jkunu jihadisti. Għall-ewwel beża’ mir-reazzjoni li seta’ jkollu mill-membri l-oħra tal-assoċjazzjoni imma fl-aħħar għamel il-kuraġġ u ddeċieda li jsir jafu lil Azdyne Amimour.

Hekk kif raw lil xulxin, Azdyne Mimour urih ir-ritratt ta’ ibnu Samy meta kellu 12 jew 13-il sena, tifel bit-tbissima li ma kienx juri xi aggressività. Azdyne ma ħafirhiex lilu nnifsu li ma rnexxilux ibiegħed lill-ibnu mir-radikalizzazjoni.

Ibnu Samy kien sar bniedem ieħor, vittma ta’ setta. Kien għalxejn li missieru Azdyne mar is-Sirja biex ifittxu u jġibu lura d-dar.

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.