Qari tat-Tnejn tal-Ġimgħa Mqaddsa

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa Mqaddsa – It-Tnejn

Qari I

Ma jgħajjatx, ma jsemmax leħnu fil-pjazez.

Iż 42, 1-7

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

“Araw il-qaddej tiegħi, li jiena nwieżen,

il-maħtur tiegħi li fih qalbi strieħet!

Qegħedt l-ispirtu tiegħi fuqu,

biex iġib il-ġustizzja lill-ġnus.

Ma jgħajjatx, ma jgħollix leħnu;

ma jsemmax leħnu fil-pjazez,

qasba mġelġla ma jiksirhiex,

musbieħ inemnem ma jitfihx.

Iġib il-ġustizzja fis-sewwa.

Ma jegħjiex, ma jitfarrakx,

sakemm ma jwaqqafx il-ġustizzja fuq l-art;

u l-gżejjer imbiegħda jistennew il-liġi tiegħu”.

Dan jgħid Alla, il-Mulej,

li ħalaq u firex is-smewwiet,

u l-medda tal-art bil-frott u l-ħdura tagħha,

li jagħti l-ħajja lill-poplu li hemm fiha,

u r-ruħ lil dawk li jgħixu fiha:

“Jien, il-Mulej, sejjaħtlek fis-sewwa,

qbadtek minn idek u ħaristek,

u għamilt minnek patt tal-poplu,

dawl għall-ġnus,

biex int tiftaħ għajnejn l-għomja,

toħroġ lill-ilsiera mill-ħabs,

u ’l dawk li hemm fid-dlam minn dar l-għeluq”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 26 (27), 1.2.3.13-14

R/. (1a): Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi

Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi;

minn min għandi nibża’?

Il-Mulej hu l-kenn tiegħi;

quddiem min għandi nitwerwer? R/.

Meta jqumu għalija l-ħżiena,

biex jaħtfuni u jikluni,

dawk li għandhom għalija, l-għedewwa tiegħi,

huma jitfixklu u jaqgħu. R/.

Imqar jekk eżerċtu jqum għalija,

xejn ma tibża’ qalbi;

imqar jekk gwerra tqum kontrija,

jiena nibqa’ qalbi qawwija. R/.

Nemmen li għad nara

t-tieba tal-Mulej f’art il-ħajjin.

Ittama fil-Mulej, żomm sħiħ u qawwi qalbek;

ittama fil-Mulej. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Is-sliem għalik, Sultan tagħna,

int biss ħennejt għalina fl-iżbalji tagħna.

R/. Glorja u tifħir lilek, Kristu!

Evanġelju

Ħalliha, din il-fwieħa refgħetha għal jum id-difna tiegħi.

Ġw 12, 1-11

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

Sitt ijiem qabel il-festa tal-Għid, Ġesù mar Betanja, fejn kien joqgħod Lazzru li Ġesù kien qajjem mill-imwiet. Hemmhekk għamlulu ikla; Marta bdiet isservi, waqt li Lazzru kien wieħed minn dawk li qagħdu fuq il-mejda ma’ Ġesù. Marija ħadet libbra fwieħa tan-nard pur,

tiswa ħafna, u dilket biha riġlejn Ġesù, imbagħad ixxttathomlu b’xagħarha; u d-dar imtliet bir-riħa tfuħ.

Ġuda l-Iskarjota, wieħed mid-dixxipli tiegħu, dak li kien se jittradih, qal: “Din il-fwieħa għax ma nbigħetx tliet mitt dinar biex jingħataw lill-foqra?”. Issa dan qalu mhux għax kien jimpurtah mill-foqra, imma għax kien ħalliel, u, billi hu kien il-kaxxier, kien jisraq kulma kienu jaqilgħu.

Qallu Ġesù: “Ħalliha, din il-fwieħa kienet refgħetha għal jum id-difna tiegħi. Il-foqra dejjem issibuhom magħkom, imma lili mhux dejjem issibuni”.

Kotra kbira ta’ Lhud saru jafu li hu kien qiegħed hemm, u marru mhux biss minħabba Ġesù, imma wkoll biex jaraw lil Lazzru, li hu kien qajjem mill-imwiet. Għalhekk il-qassisin il-kbar ftiehmu li joqtlu lil Lazzru wkoll, għax minħabba fih ħafna mil-Lhud bdew jitilquhom u jemmnu f’Ġesù.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu