Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa ta’ San Ġwann Battista dei Fiorentini

Print Friendly, PDF & Email

OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II

Ruma, 8 ta’ Marzu 1981

1. “Adura lill-Mulej Alla tiegħek u lilu biss aqdi” (Mt 4,10).

Dan il-kliem kategoriku, indirizzat minn Sidna Ġesù Kriestu lit-tentatur Satana, u mqiegħed mil-liturġija fuq l-għatba tar-Randan, huwa program inċiżiv u perpetwu tal-ħajja għall-bniedem, imsejjaħ mill-qawwa tal-Imħabba eterna għas-servizz u għas-Saltna ta’ Alla u ta’ Alla biss, u bdanakollu, sa mill-bidu tal-eżistenza eventwali tiegħu u għal ħajtu kollha, hekk espost u suxxettbbli quddiem it-“tentazzjonijiet” kollha, li fihom jimbuttawh kontinwament ir-“renju” ta’ din id-dinja u il-“prinċep” ta’ din id-dinja (cf.Ġw 12,31; 14,30; 16,11), li jagħmlu minn kollox biex jiddominaw u jimmanipolaw lill-bniedem billi jfittxu li jqegħduh f’oppożizzjoni ma’ Alla.

Quddiem Satana li saħansitra jwegħdu “is-saltniet kollha tad-dinja bil-glorja tagħhom” wara l-kumpens tal-adorazzjoni, Ġesù jwieġeb bid-dawl u bil-qawwa tal-Kelma ta’ Alla, li kienet wissiet lill-poplu magħżul dwar it-tentazzjoni affaxxinanti u perikoluża tal-adolatrij: “Ara li ma tinsiex lill-Mulej li ħarġek mill-pajjiż tal-Eġittu, mill-kundizzjoni servili. Tibżà mill-Mulej Alla tiegħek, taqdieh… Tagħmel dak kollu li huwa ġust u tajjeb f’għajnejn il-Mulej” (Dt 6,12-13.18).

U llum mistenni li aħna nafu nisimgħu mill-ġdid għal darb’oħra u nimmeditaw b’mod profond dan il-kliem kategoriku ta’ Ġesù bħala program awtentiku għar-Randan tas-sena tal-Mulej 1981; mistenni li nisimgħuh u nimmeditawh, b’mod speċjali, f’din il-Bażilika parrokkjali ta’ San Ġwann Battista dei Fiorentini, li illum għandi l-fortuna li nżur bħala l-Isqof ta’ Ruma.

2. Nixtieq, qabel kollox, nesprimi, ħuti l-għeżież, ferħ sinċier għal-laqgħa tallum magħkom ilkoll f’din il-Knisja, imfawra bl-istorja u bl-arti, li fiha San Filippu Neri kien kappillan mill-1564 sal-1575, u li għandha tradizzjoni twila ta’ ħajja pastorali.

It-tislima ta’ mħabba tiegħi tmur għall-arċipriet kappillan, Monsinjur Giuseppe Generali, li, wara li żvolġa il-ministeru tiegħu f’diversi parroċċi Rumani, mill-1961, jiġifieri għal għoxrin sena, iddedika ż-żelu tiegħu u l-enerġiji tiegħu għat-tkabbir u l-maturazzjoni tagħkom fil-fidi nisranija.

Tislima kordjali lill-Viċi Kappillan, lis-saċerdoti kollaboraturi, lill-Membri tal-Kapitlu, lir-reliġjużi nisa u lir-reliġjużi rgiel, li jgħixu u jaħdmu fil-limiti tal-parroċċa: “le Figlie della Carità” ta’ San Vinċenz de’ Paoli; dawk tal-Istitut Apostoliku “Verbum Dei”; Is-Sorijiet ta’ Betanja tal-Qalb ta’ Ġesù; dawk li jiffurmaw il-“Fraternità Clarettiana”; il-Missjunarji tal-qlub Imqaddsa ta’ Ġesù u ta’ Marija ta’ Maiorka u l-Haddiema Siekta tas-Salib.

Linqas ma nistà ninsa lill-2500 fidili, flimkien mas-700 mitt familja rispettiva tal-parroċċa: insellem lill-missirijiet u l-ommijiet, imħassba dwar il-ġejjieni ta’ wliedhom; insellem liż-żgħażagħ, ġuvintur u xebbiet, lill-adoloxxenti, lit-tfal, diġa mgħaddsin, kull wieħed u waħda skont il-mod tagħhom, fl-avventura l-kbira tal-ħajja; insellem lill-morda u lill-fqar, u dawk li qegħdin ibatu, fil-ġisem u fl-ispirtu; nawgura li l-fidili kollha ta’ din il-parroċċa, li hija hekk qrib tal-Bażilika ta’ San Pietru , u għar-residenza tal-Papa, jgħixu b’impenn dejjem ikbar ix-xhieda nisranija tagħhom, fit-tieba u l-karità.

3. Ir-Randan, żmien liturġiku privileġġjat, huwa – kif nafu- żmien ta’ konverżjoni. L-Iskrittura Mqaddsa tippreżenta l-ħajja tal-bniedem fil-konfronti tiegħu ma’ Alla bħala konverżjoni nterna kontinwa, għaliex Alla fl-imħabba nfinita tiegħu jsejjaħ lill-bniedem biex jgħix f’komunjon miegħu. Imma l-bniedem huwa fraġli, dgħajjef, midneb, biex mela jqiegħed lilu nnifsu f’kuntatt, f’komunjoni ma’ Alla, huwa għandu bżonn atteġġjament ta’ umiltà u ta’ penitenza, għandu jorjenta ruħu lejn Alla, “ifittex il-wiċċ ta’ Alla”; jibdel imġiebtu etika; jibdel saħansitra il-konċepiment u l-modi tal-ħsieb individwali, li huma f’oppożizzjoni tar-Rieda u tal-Kelma ta’ Alla.

U Ġesù, Bin Alla nkarnat, diġa sa mill-bidu tal-ministeru messjaniku tiegħu jagħmel l-appell tiegħu għall-konverżjoni lill-bnedmin: “Iż-żmien wasal u s-Saltna ta’ Alla hija fil-qrib: ikkonvertu u emmnu fil-Vanġelu!” (Mc 1,15; cf. Mt 4,17).

U huwa propju r-Randan li jirrapreżenta fil-ħajja tal-Knisja kważi karba speċjali għall-konverżjoni: “Utinam hodie vocem eius audiatis, nolite obdurare corda vestra! (Isimgħu llum leħnu, la twebbsux qalbkom!”) (Sal 95,8). Din l-“hodie” tirreferi propju għar-Randan, li fl-għana suġġestiva straordinarja tat-testi liturġiċi tiegħu huwa appell kontinwu, pressanti għall-urġenza tal-konverżjoni nterna awtentika.

4. Il-konverżjoni b’mod fundamentali tbigħed mid-dnub u kuntatt, ritorn lejn Alla Ħaj, lejn Alla tal-Patt. “Ejjew, nerġgħu lura għand il-Mulej: / Huwa  mmassakrana u huwa ifejjaqna. / Huwa regħdna u huwa jinfaxxana” (Os 6,1): din hija l-istedina tal-Profeta Osea, li jinsisti dwar il-karattru ntern tal-konverżjoni vera, li għandha dejjem tkun ispirata u animata mill-imħabba u mill-għarfien ta’ Alla. U l-Profeta Ġeremija, l-imgħallem kbir tar-reliġjożità nterna, iħabbar bil-quddiem da parti ta’ Alla bidla straordinarja spiritwali tal-membri tal-poplu magħżul: “Nagħtihom qalb li kapaċi tarani għaliex jiena l-Mulej, huma jkunu l-poplu tiegħi u jiena nkun Alla tagħhom, kemm-il darba jerġgħu lura għandi b’qalbhom kollha” (Ġer 24,7).

Il-konverżjoni hija don ta’ Alla, li l-bniedem għandu jitlob b’talb żelanti u li kien immeritat għalina minn Kristu “Adam il-ġdid”. Dan huwa dak li l-liturġija tallum ġagħlitna nimmeditaw fis-silta mill-ittra lir-Rumani ta’ San Pawl: Għad-diżubbidjenza tal-ewwel Adam id-dnub u l-mewt daħlu fid-dinja u jiddominaw lill-bniedem. Imma jekk inhu minnu li “għall-waqgħa ta’ wieħed (jiġifieri Adam) il-mewt saltnet minħabba dak l-uniku bniedem, ferm iktar dawk li jirċievu l-abbundanza tal-grazzja u tad-don tal-ġustizzja jsaltnu fil-ħajja permezz tal-uniku Ġesù Kristu” (cf. Rm 5,17).

In-nisrani, imqawwi mill-qawwa li tiġih minn Kristu, dejjem jitbiegħed iktar mid-dnub, mid-dnubiet konkreti, mejtin jew venjali, waqt li jegħleb l-inklinazzjonijiet ħżiena, il-vizzji, id-dnub abitwali, u, il-fatt li jagħmel hekk, jirrendi dejjem iktar dgħajjef is-sors tad-dnub, jiġifieri l-wirt miżerabbli tad-diżubbidjenza oriġinarja. Dan iseħħ bil-qies li bih issir fina abbundanti dejjem iktar il-Grazzja, don ta’ Alla, mogħti għall-merti ta’ bniedem wieħed, Ġesù Kristu” (cf. Rm 5,15). Il-konverżjoni tkun, b’dan il-mod, transizzjoni gradwali, effikaċi, kontinwa minn Adam “il-qadim” għall-“ġdid”, li huwa Kristu. Tali process spiritwali eżaltanti, fil-perijodu tar-Randan, għandu jsir f’kull nisrani partikolarment koxjenti u inċisiv.

5. Imma l-konverżjoni hija possibbli biss a bażi tas-superament tat-tentazzjonijiet, bħal ma b’mod ċar enfasizzat il-liturġija tal-Kelma ta dan l-ewwel Ħadd tar-Randan.

Il-pluralità u l-multiplicità tat-tentazzjonijiet isibu s-sies f’dik il-konkupixxenza tripla, li dwarha tkellimna l-ewwel ittra ta’ San Ġwann: “Tħobbu la d-dinja u linqas il-ħwejjeġ tad-dinja! Jekk wieħed iħobb lid-dinja, l-imħabba tal-Missier mhijiex fih, għaliex dak kollu li huwa fid-dinja, il-konkupixxenza tal-ġisem, il-konkupixxenza tal-għajnejn u s-suppervja tal-ħajja ma jiġux mill-Missier, imma mid-dinja” (1Ġw 2,15 s).

Kif inhu magħruf, fil-kiunċett ta’ San Ġwann, id-“dinja” li minnha jrid jitbiegħed n-nisrani mhijiex il-ħolqien, l-opra ta’ Alla, li kienet afdata għat-trażżin tal-bniedem; imma hija s-simbolu u s-sinjal ta’ dak kollu li jisseparana minn Alla jew li jrid jeskludi lil Alla, jiġifieri huwa l-oppost tas-“Saltna ta’ Alla”. Huma għalhekk tlieta l-aspetti tad-dinja, li minnhom in-nisrani, biex ikun fidil lejn il-messaġġ ta’ Ġesù, għandu jżomm ‘il bogħod: l-aptiti senswali; il-kilba eċċessiva tal-ħwejjeġ terreni, li fuqhom il-bniedem jilludi ruħu li jistà jibni ħajtu kollha; u fl-aħħar l-awtosuffiċjenza mkabbra fil-konfront ta’ Alla.

Fit-tliet “tentazzjonijiet”, li Satana jagħmel lil Kristu fid-deżert, wieħed jistà b’mod faċli jinnota t-tliet “konkupixxenzi” diġa msemmija, huma t-tliet tentazzjonijiet il-kbar, li għalihom ikun ukoll sottomess in-nisrani fil-korsa ta’ ħajtu terrena.

Imma fil-bażi ta’ din it-tentazzjoni tripla nerġgħu nsibu t-tentazzjoni primittiva u nklussiva, magħmula mill-istess Satana lill-proġenituri tagħna: “Issiru bħal Alla, tagħrfu it-tajjeb u l-ħażin” (cf. Ġen 3,5). Satana jwiegħed lill-bniedem l-omnipotenza u l-omnixjenza ta’ Alla; jiġifieri l-awtosuffiċjenza u l-indipendenza assoluta. Issa, il-bniedem mhuwiex tali jekk mhux għall-possibiltà tiegħu li “jagħżel” lil Alla li xbiha tiegħu kien maħluq. Imma l-ewwel Adam jagħżel lilu nnifsu minflok lil Alla; iċedi għat-tentazzjoni u jsib ruħu miskin, fraġli, dgħajjef, “għeri”, “ilsir tad-dnub” (cf. Ġw 8,34). It-tieni Adam, Kristu, jerġà jasserixxi minflok kontra Satana d-dipendenza fundamentali, strutturali u ontoloġika tal-bniedem minn Alla. Il-bniedem – jgħidilna Kristu – ma jiġix umiljat, imma għall-kuntrarju jiġi eżaltat fid-dinjità tiegħu stess kull darba li jinxteħet minn tulu biex jadura l-Esseri Infinit, Ħallieq tiegħu u Missieru: “Adura lill-Mulej Alla tiegħek u lilu biss aqdi!” (Mt 4,10).

6. Dan l-appell kwareżimali għall-konverżjoni jonvolvi xogħol kontinwu u paċenzjuż fuqna nfusna, xogħol li jwassal għall-għarfien tal-mottivi moħbija u tax-xjenzi dgħajfa tal-kburija, tas-senswalità, tal-egoiżmu.

Għal tali xogħol li jinħtieġ impenn u kostanza aħna msejħin ilkoll u kull wieħed u waħda, mingħajr eċċezzjoni, kemm fil-livell personali, kif ukoll fil-livell komunitarju, sabiex inkunu nistgħu ngħinu, b’mod mutwu fil-mixja tal-konverżjoni, li hija dejjem frott tas-“sejba mill-ġdid” ta’ Alla, Missier, għani bil-ħniena. “L-għarfien awtentiku tal-Alla tal-ħniena, tal-imħabba twajba – jiena ktibt fit-tieni enċiklika tiegħi –  huwa sors kostanti u ineżawribbli ta’ konverżjoni. Mhux biss bħala att mumentanju intern. Imma wkoll bħala dispożizzjoni stabbli, bħala stat tal-moħħ.  Dawk li b’dan il-mod jaslu biex jagħrfu lil Alla, li b’dan il-mod “jarawh”, ma jistgħux jgħixu b’mod differenti għajr billi jikkonvertu għalih. Jgħixu, mela, “in statu conversionis”; u huwa dan l-istat li jfassal il-komponent l-iktar profond tal-pellegrinaġġ ta’ kull bniedem fuq l-art “in statu viatoris” (Ġwanni Pawlu II, Dives in Misericordia, 13).

Il-parroċċa kollha, bħala xbiha tal-Knisja, għandha twettaq dan l-ideal u tgħin lill-fidili tagħha biex jgħixu dan il-messaġġ ta’ konverżjoni perpetwa lil Alla, li għandu jkun dejjem preżenti fil-komunità  għandu jibqà l-Esseri uniku u waħdu, li lilu nitkabbru li naqdu u li nirrendu l-qima tal-adorazzjoni filjali tagħna: “Adura lill-Mulej Alla tiegħek u Lilu biss aqdi” (Mt 4,10).

Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.