Il-mistiċi fil-Kristjaneżmu, Ġudaiżmu u Islam

Print Friendly, PDF & Email

It-tieni parti fis-sensiela dwar il-mistiċi …

Għaliex l-interess għall-mistiċiżmu jikkonċerna wkoll reliġjonijiet mhux Kristjani?

L-interess li qed jidher mill-ġdid għall-mistiċiżmu ġej mill-esperjenza reliġjuża li qiegħda f’din l-ispiritwalità. Irridu niftakru li s-sejħa għall-qdusija, għax l-ispiritwalità hemmekk trid twassal, hi għal kulħadd. Id-don tal-mistiċiżmu jista’ jingħata lil kulħadd, imma b’modi differenti u b’intensità differenti.

Naturalment il-mistiċi magħrufa kellhom esperjenza iktar qawwija u x’aktarx li aħna aktar midħla ta’ personaġġi Nsara. Imma din l-ispiritwalità tista’ tieħu forom differenti u f’reliġjonijiet differenti, fejn teżisti bil-mod tagħhom.

Dan il-fatt jistieden lill-bnedmin tal-lum biex jinteressaw ruħhom fir-reliġjonijiet il-kbar, li għandhom rabta antropoloġika bejniethom. Hawnhekk nirreferu għall-Kristjaniżmu, il-Ġudaiżmu u l-Islam.

Illum tant nitkellmu dwar djalogu inter-reliġjuż fejn wieħed mill-ispazji, forsi xi ftit moħbi, fejn dan id-djalogu jista’ jġib il-frott hu dak tal-mistiċiżmu. Huwa kamp fejn ir-reliġjonijiet il-kbar li semmejna jistgħu jiltaqgħu.

Irridu però noqogħdu attenti li meta nieħdu interess f’reliġjonijet oħra, ma’ nistgħux nibqgħu fuq il-qoxra ta’ barra jew nirriduċu t-tagħrif li niksbu għal qari mgħaġġel dwar dawn ir-reliġjonijiet.

‘Il quddiem nitkellmu wkoll dwar mistiċi ta’ reliġjonijiet oħra, bħal Kwaja Abdallah al-Ansari, stampa (Islam), Djalâl-od-Din Rûmî (Islam), Abd el-Kader (Islam), Ibn Arabi (Islam) u Rabbi de Gur (Ġudaiżmu).

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.