Il-Ħanut tal-Anġlu

Print Friendly, PDF & Email

Bħala żagħżugħ, niftakar li ridt kollox u malajr.  Peress li ma stajtx indaħħalha f’rasi li din kienet ħaġa diffiċli ħafna, bdejt insir nervuż u mdejjaq.  Imma darba waħda kont il-knisja, u qassis anzjan fetaħli tieqa li minna stajt nara l-istampa kollha aktar ċara.   Dan qal hekk:

“Ħuti, nistqarr magħkom li għal xi raġuni l-bieraħ assolutament ma stajtx nipprepara din il-prietka.  Imma l-Mulej għoġbu jħenn għalija  b’ħolma li kelli dal-lejl.  F’dil-ħolma jien sibt ruħi f’ħanut, u wara l-bank kien hemm anġlu. Jien ikkonfondejt x’se nagħmel, għalhekk staqsejtu x’kellu għall-bejgħ.  Hu weġibni: ‘Kulma trid qalbek.’  Jien kont pront biex inwieġbu: ‘Mela rrid paċi fid-dinja kollha, u li jispiċċa l-faqar, il-mard u n-niket.’  L-anġlu ħares lejja u bil-ħlewwa kolha weġibni: ‘Mid-dehra mhux qed tinduna  – jekk tħares sew, hawn ma nbigħux frott lest imma żerriegħa biss.’

“Illum,” kompla l-qassis, “intom u ħerġin mill-knisja, se nqassmulkom ftit żerriegħa mħallta.  Morru d-dar u iżirgħuhom fil-ġnien jew f’xi qasrija. Waqt li jkunu qed jikbru, iggustawhom u ieqfu aħsbu. Iż-żrieragħ ma jagħmlu ebda ħoss, ma jokorbux għall-ilma li għandhom bżonn, imma jitennewkom lmssaquhom intom.  Xemx jew xita, kesħa jew sħana, riħ jew kalma,tarahom jadattaw ruħhom, jissaportu u jistennew.  Imma jibqgħu inibbtu werqa wara werqa, anki meta l-weraq jinxfulhom, tarahom inibbtu weraq ġodda.  Qatt ma jgergru, qatt ma jipprototestaw, qatt ma jippretendu, qatt ma jitilfu s-sabar.  Imma jkomplu jikbru b’dak li jsibu, b’dak li jirċievu, sa ma jasal iż-żmien u l-istaġun biex joħorġu l-fjura li minnha titwieled il-frotta.

Hekk hi l-kelma t’Alla li tisimgħu met tiġu hawn il-knisja.  Ħalluha tinżel fil-fond ta’ qalbkommu tindifen hemm fis-skiet u d-dlam.  Imma saqquha, ħudu ħsiebha, għarfu stennew magħha u tuha ż-żmien ħalli tikber minnha nfisha.

Alla hekk jaħdem fil-bniedem.  Ma jużax forza, “Qasba mġenġla ma jiksirhiex, u musbieħ inemnem ma jitfihx” (Mt 12, 20).  Huwa jaf jistenna l-bniedem. Intom ukoll għarfu stennew, basta tibqgħu fidili u tieħdu ħsieb sew tal-kelma li Alla jiżra’ fi qlubkom. Huwa mhux qed jistenna li nsolvu l-problemi tad-dinja.  Qed jitlobna nieħdu ħsieb iż-żerriegħa ċkejkna ta’ mħabba li fdalna f’qalbna.

Tinsewx x’qalilna meta tkellem fuq is-sikrana li nibtet mal-qamħ: “Ħalluhom jikbru flimkien. Meta jasal żmien il-ħsad, imbagħad jifirdu  l-qamħ mis-sikrana.”

Jekk tridu li jkun hawn paċi fuq l-art, agħmlu opri ta’ paċi (Madre Tereża).    

Kitba ta’ Edward Tagliferro

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.