Rivoluzzjoni, riskju u ġenerożità

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 18 ta’ Settembru 2021: Riflessjoni waqt is-Seminar Navis (KDŻG) mill-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma. Ċentru taż-Żgħażagħ (NTYC), Nadur.

Riflessjoni mill-Isqof Anton Teuma

Veru qed nieħu pjaċir niltaqa’ magħkom. Ħafna minnkom, barra li intom żgħażagħ, intom ukoll animaturi taż-żgħażagħ. Nixtieq nibda l-ewwel nett billi nirringrazzjakom. Nirringrazzja b’mod speċjali lil Dun Mark [Bonello] u lil kull min jgħinu f’din l-esperjenza ta’ Pastorali taż-Żgħażagħ, ta’ tiġdid li dejjem iżid f’din il-ħidma. Nirringrazzja b’mod partikulari lilkom li għoġobkom tiddedikaw dan il-ħin. Naf li l-parti kbira tagħkom ikollkom x’tagħmlu. Uħud minnkom naf li saħansitra ħallew il-post tax-xogħol biex ikunu hawn. Grazzi mill-qalb!

Nixtieq ngħidilkom tliet kelmiet, kemm għal dawk li huma żgħażagħ u kemm għal dawk li huma animaturi taż-żgħażagħ. Nixtieq nibnihom fuq il-figura tal-persuna ta’ Ġesù. L-ewwel u qabel kollox, Ġesù kien żagħżugħ. Ħafna drabi, b’mod speċjali aħna x-xjuħ, ninsew li Ġesù kien żagħżugħ, li ħajtu ħaraqha. Ta’ 33 sena ħaraq ħajtu! Kieku llum ngħidu li ma kienx jaf jiġġestixxi ħajtu. Ngħidu li, kieku kien ‘smart’, kien jgħid: “Meta nkun ta’ 40, 60 sena, nibda ninkihom lill-Fariżej u l-Pubblikani”. Imma hu ħajtu ħaraqha kmieni. Allura nixtieq li verament niffukaw fuqu, għax naħseb illi jekk inħarsu lejh, il-pastorali kollha trid issir pastorali taż-żgħażagħ, jekk aħna rridu li hu jkun iċ-ċentru tal-komunità li temmen.

It-tliet kelmiet huma dawn:rivoluzzjoni, riskju u ġenerożità. Tliet kelmiet li għex u miet bihom Kristu. Naħseb li huma tliet kelmiet li huma għall-qalb ħafna taż-żgħażagħ. Min hu żagħżugħ ma jħallihomx imutu fih u min hu animatur nippruvaw inħarsuhom dawn it-tliet kelmiet fil-qalb taż-żgħażagħ.

Rivoluzzjoni

Mhux kulma hu marbut mar-rivoluzzjoni huwa tajjeb, u daqshekk ieħor mhux kulma hu marbut mar-ribelljoni huwa ħażin. Għaliex mhux ħażin, anzi, hu importanti ħafna? Jien naħseb li rridu nirrispettaw, nistmaw u noqgħodu ftit aktar bi kwietna – ngħid għalija jien – quddiem l-ispirtu rivoluzzjonarju taż-żgħażagħ, ir-ribelljoni taż-żgħażagħ. F’dik ir-ribelljoni hemm it-tfittix tas-sabiħ, tal-veru, tat-tajjeb. Forsi ċertu sabiħ, veru u tajjeb li aħna l-adulti nippruvaw inħarsu jkun tqadded u qdiem, jekk ma sarx ikrah, falz u ħażin… u ma ndunajniex għax qegħdin ġol-ilma maħmuġ! Meta tidħol f’kamra fejn xi ħadd ikun qed isajjar, kif tidħol ixxomm ir-riħa. Imma wara li jgħaddu ħames minuti, dik ir-riħa ma tibqax ixxommha għax tidraha. Jien lil Alla nitolbu biex kull xħin nidħol il-Kurja nimmaġinani dieħel l-ewwel darba, għax inkella nispiċċa nitqadded.

Nara li l-ispirtu rivoluzzjonarju taż-żgħażagħ għalina l-Knisja hu l-parti l-oħra tar-Rivelazzjoni, jiġifieri Alla juri lilu nnifsu permezz ta’ Kristu fiż-żgħażagħ, permezz ta’ dan l-ispirtu ribelluż. Allura rridu nħarsuh, nirrispettawh u nistmawh. Mhux ngħidu: “Għadek żgħir, m’għandekx esperjenza”. Min m’għandux esperjenza kapaċi jagħmel affarijiet li min għandu esperjenza jibża’ jagħmilhom, għax joqgħod jikkalkula li mhux ħa jlaħħaq u ma jagħmilhomx.

Riskju

Din marbuta mal-ewwel waħda. Iż-żagħżugħ jirriskja. Sintendi, m’hemmx għalfejn noqgħod ngħidilkom kif Ġesù kien rivoluzzjonarju. U lanqas hemm għalfejn ngħidilkom kemm Ġesù kien jirriskja. Xi jfisser tirriskja? Ifisser ma tkunx tibża’ mill-periklu. Anki hawn hemm ħafna tajjeb, imma hemm ukoll il-ħażin. Jista’ jkun li jekk nirriskjaw iżżejjed, jekk nintefgħu żżejjed ’l barra, jekk immiddu saqajna wisq aktar mill-kapaċità tal-pass tagħna, nibqgħu mweġġgħin għal għomorna. Imma r-riskju hu tipiku taż-żgħażagħ, tipiku tagħhom u ta’ dawk li tieħdu ħsieb. Anki hawn, irridu nisfidawhom, ngħinuhom jippruvaw il-kapaċijiet tagħhom u nwassluhomlhom sat-truf il-kapaċijiet intellettwali, il-kapaċijiet emottivi, fid-direzzjoni t-tajba.

Illum għandna ħafna żgħażagħ imwerwrin, imbeżżgħin, paranojċi, insikuri, għax għexu fiċ-ċentru tal-attenzjoni għal żmien twil, sa minn meta twieldu, u jibqgħu ma’ ommhom u missierhom waħedhom ħafna drabi għal snin twal, u allura kollox ikkonċentrat fuqhom. Meta aħna nisfidawhom fir-riskju, meta ngħinuhom jirriskjaw, inkunu qed inlaqqgħuhom bil-mod il-mod mal-għarfien tal-kapaċità tagħhom. Jibdew jindunaw kemm huma kapaċi. Allura r-riskju importanti.

Ġenerożità

Iż-żagħżugħ u ż-żagħżugħa huma ġenerużi ħafna, wisq aktar minn dawk li huma kbar fl-età. Din il-ġenerożità aħna rridu, kemm jista’ jkun, mhux biss inkomplu nistimolawha, inkabbruha, imma aħna stess nibqgħu żgħażagħ biha. Għax dawn mhumiex tliet objettivi li jridu jilħqu ż-żgħażagħ biss, imma jien naħseb li rridu nibqgħu nilħquhom flimkien, jekk ma rridux immutu qabel iż-żmien.

Jekk tindunaw u tirriflettu, ix-xjuħija minn fejn tagħrafha? Mhux tant miż-żmien, imma mill-bniedem li ma baqagħlu xejn ġdid, isaħħan il-brodu tal-bieraħ u ta’ qabel ilbieraħ, allura m’hemmx rivoluzzjoni, m’hemmx riskju, bniedem li jibża’. L-anzjan x’jagħmel? L-anzjani vera (għax hawn dawk li għandhom 90 sena u Alla jbierek għadhom kapaċi jirriskjaw), aktar ma jkollhom aktar jibżgħu li mhux ser iservihom. L-anzjan is-sigurtà tiegħu jpoġġiha f’affarijiet li jmisshom, b’mod speċjali fil-flus, b’mod speċjali fil-proprjetà.

Nerġa’ nispiċċa kif bdejt: Ġesù Kristu kien bniedem rivoluzzjonarju, kien bniedem li jirriskja, saħansitra ħajtu, kien bniedem ġeneruż. Allura hawnx żagħżugħ aktar minn Kristu! Illum iż-żgħożija m’għadhiex maħkuma bejn it-18 u l-25 sena. Ġesù Kristu ma tantx kellu aktar minn 25. Illum iż-żgħożija titwal: 33, 35, 35… Naħseb tifhmuni. Iż-“Żagħżugħ ta’ dejjem” ta’ Dun Karm huwa Ġesù Kristu!

Leave a Reply