1221 Ġublew Dumnikan

Print Friendly, PDF & Email

Jiena u dieħel il-Belt rajt għadd ta’ strixxuni fi triq ir-Republika li ilkoll qalu l-istess kliem: 1221 Ġublew Dumnikan. Meta fittixt ftit mill-ewwel intbaħt li din is-sena hi t-tmin ċentinarju mid-daħla fis-sema ta’ Missierna San Duminku.

Iwa! Hekk riedna nsejħulu lil San Duminku Missierna San Franġisk! U dan qed ngħidu b’ferħ kbir ġewwa qalbi! Minix xi espert la fl-Ordni Franġiskan u aħseb u ara kemm jien fl-Ordni Dumnikan! Biss dan ma jżommnix, anzi, aktar jimbuttani biex noħroġ l-apprezzament tiegħi għal San Duminku u għall-Ordni tal-Predikaturi li ħalla warajh u li bih il-Mulej agħmel bil-wisq ġid u se jkompli jwettaq ġid fuq ġid lill-umanità kollha.

Laqatitni ħafna l-post li kiteb Fra Timothy Radcliffe O.P., l-ex Majjistru Ġenerali Dumnikan, meta iddefinixxa lil San Duminku bħala l-predikatur tal-grazzja. Fl-Ittra tant sabiħa li Papa Franġisku kiteb lill-Ordni Dumnikan u indirizzata lil Fra Gerard Francisco Timoner, O.P., il-Majjistru Ġenerali tal-Ordni tal-Predikaturi, fl-okkażjoni tat-tmin ċentinarju mill-mewt ta’ San Duminku ta’ Caleruega, li ġġib id-data tal-24 ta’ Mejju 2021, ifaħħar bil-kbir iż-żelu liema bħalu għall-Vanġelu li bih kienet imkebbsa l-qalb ta’ dan il-bniedem kbir u umli. Jiktbilna l-Papa Franġisku: Iz-zelu ta’ San Duminku għall-Vanġelu u x-xewqa tiegħu għall-ħajja appostolika ġenwina mexxewh biex jenfasizza l-importanza tal-ħajja komuni. Iwa ħbieb! Minn hemm trid toħroġ il-qawwa, mill-għaqda ta’ bejn l-aħwa.

Għall-grazzja tal-Mulej, dan l-eżempju qawwi ma waqafx ma’ San Duminku iżda issokta fuq li issokta f’ħutu matul is-sekli. Hekk dan l-aspett fratern tant importanti fil-ħajja tal-Ordni Dumnikan għamlietu Ordni evanġeliku, li jiffriska lill-Knisja u jagħti tama lid-dinja. Wieħed minn ulied Duminku li għex dan l-aspett tant importanti tal-ħajja fraterna kien, mingħajr dubju, id-Dumnikan Fra Yves Congar O.P. Darba smajt dan il-kumment tant profond fuqu li għamilli ħafna kuraġġ fil-ħajja ikkonsagrata tiegħi: Père Marie-Joseph ħadem minn 12 sa’ 13-il siegħa kuljum. L-attività tiegħu kienet tikkonsisti prinċipalment fil-qari, fil-kitba u fit-tagħlim. Ma kellux ħin x’jitlef u baqa’ attiv sakemm miet. Nistgħu napplikaw għalih dak li ngħidu dwar San Duminku: ‘Tkellem ma’ Alla dwar Alla’. Bħala ‘Magister’ seta’ jibbenifika mid-dispensa milli jattendi għall-liturġija tas-siegħat, għall-ħin tat-talb regolari ta’ tlieta jew erba’ darbiet kuljum. M’għamilx użu minn din id-dispensa. Kien dejjem preżenti fil-kor ma’ ħutu biex jitlob. Kien dixxiplinat ħafna. Xi ġmiel hux li wieħed ifakkar il-fraternità fit-talb!

Imma, u daqstant ieħor, San Duminku jfakkarni fil-fraternità fit-tmexxija u fil-ħidma ta’ dan l-Istitut ta’ Ħajja Ikkonsagrata. Fl-Ittra tiegħu Papa Franġisku jgħid hekk: L-idejal ta’ din il-fraternità (Dumnikana) kellha issib l-espressjoni f’forma inklussiva ta’ governanza, li fiha ilkoll kienu jaqsmu fil-proċess tad-dixxerniment u fit-teħid tad-deċiżjonijiet, skont ir-rwoli rispettivi u l-awtorità tagħhom, permezz tas-sistema ta’ kapitli fil-livelli kollha. Dan il-proċess “sinodali” ippermetta lill-Ordni biex jadatta l-ħajja u l-missjoni tiegħu għall-kuntesti storiċi li dejjem kienu qed jinbidlu filwaqt li żamm il-komunjoni fraterna.

Il-qafas fratern li San Duminku, b’tant għaqal u bi ftuħ straordinarju għall-Ispirtu s-Santu, ta lill-Ordni tiegħu, seħħlu jwassal il-kelma l-ewwel nett bil-ħajja fraterna tal-aħwa. Il-Papa dan ifakkarhulna meta fl-Ittra tiegħu lill-Ordni Dumnikan ifakkarna b’ħafna għaqal: Ix-xhieda tal-fraternità evanġelika, bħala xhieda profetika għall-pjan aħħari ta’ Alla fi Kristu għar-rikonċiljazzjoni u l-għaqda tal-familja sħiħa umana, tibqa’ element fundamentali tal-kariżma Dumnikan u kolonna tal-isforz tal-Ordni li jippromovi t-tiġdid tal-ħajja Nisranija u t-tixrid tal-Vanġelu fi żminijietna.

Imma ilkoll taqblu miegħi li wieħed mill-aktar modi b’saħħithom li bih l-Ordni Dumnikan wassal it-tiġdid tal-messaġġ Nisrani għad-dinja ta’ kull żmien hu l-predikazzjoni. Għalhekk, wara il-fraternità tat-talb u tal-ħajja ta’ komunjoni bejn l-aħwa, l-Ordni Dumnikan hu l-fraternità tal-predikazzjoni matul iż-żminijiet. Jgħidilna Papa Franġisku:

Flimkien ma’ San Franġisk, Duminku fehem li x-xandir tal-Vanġelu, verbis et exemplo, fisser il-bini tal-komunità ekkleżjali sħiħa fl-għaqda fraterna u fid-dixxipulat missjunarju. Il-kariżma Dumnikan tal-predikazzjoni faret mill-bidu fit-twaqqif ta’ għadd ta’ friegħi tal-familja akbar Dumnikana, li kienet tħaddan l-istati kollha tal-ħajja fil-Knisja. Fis-sekli ta’ wara sabet espressjoni mill-aktar qawwija fil-kitbiet ta’ Santa Katerina ta’ Siena, il-pitturi tal-Beatu Fra Angelico u x-xogħlijiet ta’ karità ta’ Santa Roża ta’ Lima, il-Beatu Ġwanni Macias u Santa Margerita ta’ Castello. Anki fi żminijietna tissokta tispira x-xogħol tal-artisti, studjużi, għalliema u komunikaturi. F’dan l-anniversarju, ma nistgħux ma nfakkrux dawk il-membri tal-familja Dumnikana li l-martirju kien, minnu nnifsu, forma qawwija ta’ predikazzjoni. Jew in-numru li ma jingħadx ta’ irġiel u nisa li, filwaqt li imitaw is-sempliċità u l-kompassjoni ta’ San Martin ta’ Porres, wasslu l-ferħ tal-Vanġelu fil-periferiji tas-soċjetajiet u fid-dinja tagħna. Hawnhekk, b’mod partikulari, qed naħseb fix-xhieda siekta li tingħata minn ħafna eluf ta’ terzjarji Dumnikani u membri tal-Moviment taż-Żagħżagħ Dumnikan, li jirriflettu r-rwol importanti u, fil-fatt, indispensabbli, tal-lajċi fix-xogħol tal-evanġelizzazzjoni.

Xi ġmiel ta’ kliem qed jikteb Franġisku fuq Duminku! Veru? Allura jixraq fuq li jixraq li, f’dawn il-kelmtejn ta’ apprezzament lil ħuti San Duminku u l-aħwa tal-Ordni tal-Predikaturi, infakkar b’ħafna mħabba, affett, rispett u kuraġġ fis-sunett Shakespearjan mill-isbaħ li ħija Kapuċċin, Patri Mattew Sultana OFM Cap, kiteb dwar il-laqgħa ta’ San Franġisk ma’ San Dumniku.

L-ewwel nett, Patri Mattew ifakkar fil-ħbiberija ta’ dawn iż-żewġt irġiel tal-Mulej. Iltaqa’ San Franġisk mal-ħabib tiegħu,/Ma’ Duminku, bniedem kbir, qaddis,/ Ferħan mar fuqu, għannqu għanqa miegħu,/ Faqqagħlu bewsa ta’ ħabib għażiż. Fit-tieni strofa ta’ dan is-sunett li jġib l-isem: Il-Laqgħa Ta’ San Franġisk ma’ San Duminku, Patri Mattew ifaħħar il-virtù tas-safa fl-imħabba reċiproka ta’ dawn iż-żewġ qaddisin kbar. Jgħanni Patri Mattew: B’safa ta’ ħsieb li l-ebda ruħ ma jtabba’/ Raddlu, Duminku, bewsa fuq ħaddejh/ Għax ħass li qalbu trid ittir bl-imħabba/ X’ħin ra ‘l Franġisku jħaddnu bejn idejh. Filwaqt li fit-tielet strofa Patri Mattew jfakkar li din il-bewsa fraterna ta’ ħbiberija safja bejn Franġisku u Duminku baqgħet ħajja fil-qalb u fil-moħħ ta’ kull Franġiskan u Dumnikan tul iż-żminijiet. Għax it-tnejn jafu li huma aħwa! Jiktbilna Patri Mattew: Ma’ tul is-snin li gerrbu, l-bewsa safja,/ Ulied Duminku baqgħu ma nsew qatt;/ Għadha ġo moħħ ulied Franġisku, l-ħafja,/ U tibqa’ għal dejjem ma jinsieha ħadd.  

Ta’ għaqli li kien, Patri Mattew fakkar li aħna l-Franġiskani għandna nfakkru li aħna aħwa mad-Dumnikani. L-għannej mix-Xagħra jikteb hekk: Għax din il-bewsa jfakkru l-Franġiskani, Tar’hom in-nies ħbieb kbar mad-Dumnikani.

Jalla dawn il-kelmtejn sempliċi jwasslu dan il-messaġġ ferm importanti: li aħna l-Franġiskani aħna aħwa tad-Dumnikani mhux bil-kliem u t-tpaċpiċ, imma bl-għemil u bis-sewwa (1 Ġw 3:18). Min jaf kemm qed jifirħu San Duminku u San Franġisk bħalissa fil-ġenna għall-feqjan bla qjies ta’ dawn il-kelmiet!

Patri Mario Attard OFM Cap