Is-sejħa ta’ Mattew

Print Friendly, PDF & Email

Il-‘Caravaggio’, jew kif jismu tassew, Michelangelo Merisi (1571-1610) jibqa’ msemmi bħala ż-żagħżugħ imqareb u l-ġenju tal-pittura. lx-xogħlijiet tiegħu jintgħarfu minn kif bid-dawl li jitfa’ fuq il-karattri, jagħtihom il-ħajja. Bejn l-1599 u l-1601 Michelangelo pinġa tliet kwadri b’unur ta’ San Mattew, fosthom Is-Sejħa ta’ Mattew, għall-knisja ta’ San Alwiġi ‘tal-Franċiżi’, ġo Ruma. It-tliet kwadri huma biżżejjed biex iħalluh imsemmi.

IS-SEJĦA TA’ MATTEW

Il-pittura hi ambjentata fi tverna, fil-kamra tad-dwana jew f’ħanut fejn jilagħbu għall-flus. Hemm xi rġiel madwar il-mejda li huma ta’ etajiet differenti. L-ilbies ta’ wħud hu sobrju, ta’ oħrajn imlewwen u jleqq. X’inhu dak li ġabhom flimkien? Forsi l-flus. F’daqqa waħda tiġri xi ħaġa li tqajjem l-interess ta’ wieħed mill-irġiel, ma tnissel l-ebda reazzjoni minn ieħor u tipprovoka lit-tielet raġel li qiegħed f’nofs il-mejda: Mattew.

 Is-Sejħa ta’ Mattew, pittura fill-knisja ta’ San Alwiġi ‘tal-Franċiżi’, ġo Ruma.

Kollox jibda’ mill-ġest ta’ Ġesu’, li jġib miegħu r-raġġ ta’ dawl li jimla’ l-vojt li hemm bejnu u l-irġiel u li jissepara liIl-irġiel bejniethom. Il-mod kif Ġesu’ jifrex idejh ifakkarna fil-qagħda ta’ AlIa li qed inewwel idu lil Adam fil-pittura ta’ Michelangelo, fis-saqaf tal-Cappella Sistina. L-id ta’ Ġesu’ waqt li jsejjaħ lil Mattew hi fil-pożizzjoni ta’ Alla fl-opra tiegħu tal-ħolqien. Imma bid-differenza, li id Ġesu’ fiha moviment. Qed tagħmilha ħafifa lil Mattew biex jaċċetta l-istedina.

Qabel ma ltaqa’ ma’ Mattew, Ġesu’ kien fi triqtu; riġlejh huma diġa’ mdawrin lejn il-bieb li minnu se joħroġ. Forsi Mattew skanta kif Ġesu’ sab ruħu hemm. La hu u lanqas sħabu ma jafu minn fejn ġie u fejn sejjer. Fi Ġwanni 3 vers 8, Ġesu’ jgħid: “Ir-riħ fejn irid jonfoħ. Tisma’ l-ħoss tiegħu imma ma tafx imnejn hu ġej jew fejn hu sejjer.”

L-ilbies ta’ Ġesu’ jqiegħdu ‘l barra miż-żmien. Ġesu’ jirrappreżenta dinja oħra, fil-waqt li jibni pont bejn l-irġiel fuq il-mejda u joffrilhom il-possibbilta’ li jħallu l-mejda li magħha huma mdawrin,

Quddiem id-dehra ta’ Ġesu’, ir-reazzjonijiet huma diversi. Raġel minnhom għandu rifless ta’ difiża. Idejh lesti biex jgħatti l-muniti li hemm fuq il-mejda. Għaż-żewġ irġiel fuq ix-xellug, qisu ma ġara xejn. Ma setgħux jaraw l-importanza ta’ din il-ġrajja għax diġa’ għażlu l-‘imgħallem’ tagħhom: il-muniti ta’ metall prezzjuż li huma jqimu u jżommuhom marsusin magħhom. Eleganti ħafna, b’kappell sabiħ b’rixa tleqq mad-dawl, liebes mantell aħmar imberfel bid-deheb, iż-żagħżugħ maġenb Mattew iżomm ruħu lura. Hu josserva u janalizza imma ma jidhirx li lest biex jieħu riskju.

Mattew hu mħawwad. Ma stenniex din id-dehra u l-istedina Ii twasslitlu. Waħda minn idejh hi fil-post naturali ta’ kaxxier li kien; fuq il-flus. Idu l-oħra hija ppuntata lejn sidru bħal qed jistaqsi lil Ġesu’ biex jikkonfermalu s-sejħa li għamillu: “Min? … jien?” Imma Mattew diġa’ qal “lva”. Taħt il-mejda, riġlejh huma lesti biex iqum u jmur wara Ġesu’. “Telaq kollox, qam u mar warajh” (Luqa 5, 28). Mar warajh … għax ried! 

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.