Kull meta l-Mulej jagħtini grazzja li nżur lill-Ommna Marija, fis-Santwarju kapolavur tagħha f’Ta’ Pinu, fil-Gżira t’Għawdex, qatt ma mmur lura niexef qoxqox lejn il-kunvent. Anzi! Ibqgħu ċerti u żguri li l-Madonna, għax hi Omm, dejjem tara x’tagħmel biex iżżejjinni b’xi rigal li jnissel fija xmajjar kbar ta’fidi, tama u, sintendi, ħafna u ħafna imħabba fil-qalb.
Rigal li nixtieq minn qalbi naqsam magħkom illum hu l-ktieb tassew ħelu ta’ Mons. Carmelo Mercieca, bit-titlu: Bonġu Marija. Kif jgħid tant tajjeb l-awtur fuq il-qoxra tal-ktieb, dan hu ktieb mimli riżorsi marjoloġiċi, jiġifieri riżorsi fuq Marija. Fil-fatt, fuq in-naħa ta’ wara tal-ktieb l-awtur għaraf jikteb dawn il-kelmiet biex iżewwaq aktar it-teżori li hemm lesti għalija u għalik meta niddeċiedu nixtru, niftħu u naqrawh! Tislima lil Marija minn ‘l fuq minn 100 awtur.
Għoġobni ħafna l-mod kif inhu mqassam dan il-ktieb. L-ewwel nett, il-ktieb jinqasam f’żewġ taqsimiet prinċipali. Il-materjal interessanti li hemm fl-ewwel taqsima jinkludi fih għadd ta’ temi. Biss biss, fl-ewwel taqsima hemm fiha mal-20 tema. Dawn jinkludu: it-twelid ta’ Marija, l-isem ta’ Marija, l-Immakulata, il-Festa tal-Lunzjata, iż-Żjara ta’ Marija lil Eliżabetta, il-Verġni tal-Magnifikat, Marija l-Ikona tal-Avvent, Marija fl-Għar ta’ Betlehem, Marija Omm Alla, Marija hija Omm tagħna, Marija fid-Dar ta’ Nażaret, Marija f’Kana, Marija fil-Passjoni – Id-Duluri, Marija ħdejn il-Qabar, Marija fl-Irxoxt, Marija Omm il-Knisja, Marija l-Mara tal-Ewkaristija, Marija Omm tal-Aħħar Siegħa, Marija Mtellgħa fis-Sema u Marija Sultana tas-Sema u tal-Art.
Bħala wieħed li l-Mulej tani l-kbira grazzja li nkun viċin tiegħu f’ħutna l-morda, aktar u aktar fl-aħħar siegħa ta’ mewthom, meta rajt il-kapitlu 18 bit-titlu: Marija Omm tal-Aħħar Siegħa, aqta’ kif għajnejja nġibdu lejh! Għalhekk iwa nixtieq naqsam magħkom xi ħsibijiet tassew profondi u li missew lil qalbi f’paġni 126 sal-paġna 130 tal-ktieb Bonġu Marija.
F’paġna 128 u 129 nsibu esperjenza mill-isbaħ miktuba mill-Isqof Don Tonino Bello, bit-titlu: Maria – Donna dei nostri Giorni (Marija – Mara ta’ żminijietna). F’din il-kitba tassew sabiħa, sempliċi u profonda, Don Tonino Bello jitħaddet dwar Marija bħala l-Omm ta’ l-Aħħar Siegħa. Jikteb hekk dan l-Isqof ta’ Ġesù: Meta jasal għalina l-għabex tal-ħajja, u ħajjitna tibda tnin bil-mod il-mod, ejja oqgħod ħdejna, biex naffrontaw il-lejl tal-mewt. Neħħielna l-biża’ li jkun qed jaħkimna. Nissel fina t-tama u x’ħin inkunu wasalna fl-aħħar nifs agħtina raqda ħelwa. Anzi waqt li nkunu nieħdu l-aħħar nifs, nistħajlu lilna nfusna qisna deħlin f’Katidral ta’ dawl u dija …. wara mixja twila bil-musbieħ mixgħul f’idejna.
Omm ta’ l-Aħħar Siegħa: ħejjina għall-aħħar vjaġġ; għinna nagħtu l-addio lil ħajjitna mingħajr biża’; ħu ħsieb irranġalna int stess il-passaport tagħna. Jekk ikun hemm it-timbru tiegħek, ma jkollniex minn x’hiex nibżgħu, meta niġu biex naqsmu l-fruntiera – minn din il-ħajja għall-eternità. Jekk ikun baqagħlna dejn mal-Ġustizzja Divina, għinna nħallsu dan id-dejn u nirranġaw il-kontijiet, billi nagħmlu l-indiema u nitolbu l-maħfra.
Omm ta’ l-Aħħar Siegħa: iksbilna l-benefiċċju tal-amnestija (maħfra ġenerali) mingħand Alla. Agħmel li jkollna l-kuxjenza f’postha u d-dokumenti f’posthom sabiex naslu fuq l-għatba tal-Ġenna, u malli nħabbtu l-bieb jinfetaħ. Hekk, sa fl-aħħar, nidħlu fis-Saltna tas-Smewwiet, akkumpanjati mid-diwi ta’ dak l-innu sabiħ Stabat Mater li kemm-il darba konna kantajnielek fit-tmiem tal-Via Sagra: ‘O Ġesù, meta ssejjaħli/tkun l-omm tiegħek li tiftaħli/għall-premju ta’ Dejjem. Meta jmut il-ġisem tagħna/Agħmel int li r-ruħ tistagħna/B’dawl u Sebħ il-Ġenna. Amen.
It-tieni taqsima tal-ktieb, li hi relattivament iqsar mill-ewwel waħda, fiha jiġu ittrattati erba’ temi ewlenin. L-ewwel, x’qalu fuq il-Madonna. It-tieni, id-devozzjoni lejn il-Madonna ta’ Pinu. It-tielet, id-devozzjoni lejn ir-Rużarju. U, ir-raba’, eżempji marjani.
Se nsemmi eżempju minn kull aspett li laqatni personalment. Dwar x’qalu xi awturi fuq il-Madonna nixtieq insemmi dak li jikteb ħija l-Kapuċċin Patri William Axiaq fil-ktieb tiegħu: Maratona Ma’ Marija li l-awtur jikteb b’enfażi ħdejh it-titlu tiegħu: Ta’ min jaqrah, f’paġna 153. Marija hi kapolavur tal-Ispirtu s-Santu, ispiratriċi ta’ ħajja qaddisa; għalliema tal-ħajja tal-fidi, kontemplattiva fl-azzjoni, bniedma ta’ seba’ mitt għajn, fawwara ta’ hena bla qjies, ħattafa tal-midinbin, edukatriċi mill-kbar, missjunarja enerġetika, l-imħarrġa fl-opri tal-ħniena, nebbeħija (ispiratriċi) tal-Beatitudnijiet u qalbiena fit-tbatija.
Rigward id-devozzjoni lejn il-Madonna Ta’ Pinu nixtieq nislet kliem is-saċerdot qaddis Għawdxi Dun Mikiel Attard li, fl-artiklu tiegħu fuq Leħen is-Sewwa tat-22 t’Awwissu 1998, u li f’Bonġu Marija jinsab f’paġni 165 sa 167,jikteb hekk: Il-ġrajja f’Ta’ Pinu ma seħħitx darba u spiċċat. Il-ġrajja f’Ta’ Pinu għadha sseħħ kuljum, kull darba li mmorru hemm. Fit-tielet punt tat-tieni u l-aħħar taqsima tal-ktieb Bonġu Marija, titħaddet dwar id-devozzjoni lejn ir-Rużarju. Fis-sottotitlu Ir-Rużarju: Rimedju kontra t-Tradimenti, li tinstab minn paġna 181 sa 182, insibu l-kitba interessanti ta’ Normann Creswell. It-tradiment hu dnub mifrux ħafna: l-iben li jittradixxi lil missieru, il-bint li titradixxi lil ommha, is-saċerdot li jittradixxi lill-Knisja, il-manager li jittradixxi lill-impjegati, il-politiku jittradixxi lill-eletturi, l-awtur jittradixxi lill-qarrejja. F’Ottubru, il-Knisja tfakkarna f’wieħed mill-aqwa rimedji kontra t-tradimenti. Snin ilu, Fr Peyton, biex ma jsirux tradimenti fil-familja, għamel kruċjata favur ir-Rużarju. U ġabar kollox fi slogan: Familja li titlob flimkien, tibqa’ flimkien.
Fl-aħħar punt tat-tieni taqsima, eżempji marjani, ma nistax ma’ nsemmix il-kliem tabilħaqq ta’ ispirazzjoni li ħareġ minn fomm Mons. Markijan Trofimiak, l-Isqof ta’ Lutsk, fl-Ukrajna, f’artiklu fl-Osservatore Romano, tas-16 ta’ Lulju 2003, u li fil-ktieb Bonġu Marija jinsab f’paġni 197 sa 198. Se nillimta ruħi għal ftit sentenzi minnu. Kien ir-Rużarju li salva l-fidi fl-Ukrajna. Matul is-sebgħin sena ta’ Komuniżmu, l-Ukrajna sfat bla knejjes, bla isqfijiet, bla saċerdoti, bla sagramenti, bla Ewkaristija. Allura kif żammew il-fidi matul dawn is-sebgħin sena? It-tweġiba hi waħda: Bir-Rużarju.
Nixtieq nieħu din l-opportunità biex, filwaqt li nirringrazzja minn qalbi lil Mons. Carmelo Mercieca għax-xogħol tant fejjiedi li wettaq s’issa ta’ saċerdot u ragħaj tal-erwieħ li jagħti glorja lil qalb ta’ Ġesù u li bħal San Ġwann il-Battista dejjem ħejja t-triq għall-Mulej fil-qalb tal-poplu tiegħu, inħeġġu biex jagħtina aktar kotba sbieħ ta’ din ix-xorta. L-għatx għall-Mulej hu kbir imma ftit hawn min inewwel it-tazzi tal-ilma tal-ħajja biex dan l-għatx jinqata’. Nitolbu biex Mons. Mercieca jissokta jagħtina aktar kotba sbieħ bħal Bonġu Marija. Abbli ideja tajba taf tkun ktieb ieħor fuq l-istess tema: Il-Lejl it-Tajjeb Marija.
Patri Mario Attard OFM Cap