Il-Libertà tbeżżana

Print Friendly, PDF & Email

Konverżazzjoni tal-Papa Franġisku mal-Ġiżwiti Slovakki
Nunzjatura Appostolika ta’ Bratislava
13 ta’ Settembru 2021

Bratislava, il-Ħadd 12 ta’ Settembru 2021 fil-5.30 pm. Il-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ patrijiet ġiżwiti mis-Slovakkja.  Il-Papa jidħol u jsellem: «Il-lejla t-tajba u merħba! Grazzi ta’ din iż-żjara. Ma kontx naf li hawn daqshekk Ġiżwiti hawn fis-Slovakkja. Naraw li “l-pesta” qed tinfirex kullimkien». Il-grupp jinfaqa’ jidħak. Franġisku jitlobhom jagħmlulu mistoqsijiet għax, skont hu, u hawn jerġgħu jidħku,“Tassew ma nħossx li għandi nagħmel diskors lill-Ġiżwiti.”

Il-Provinċjal tal-Provinċja Slovakka indirizza ftit kliem ta’ tislima lill-Papa: “Santità, nixtieq nirringrazzjak b’qalbi kollha għal din l-istedina li kienet sorpriża għalina. Huwa ta’ inkoraġġiment għall-ħajja komunitarja u pastorali tagħna. Hemm ħafna Ġiżwiti fis-Slovakkja. Xtaqt nerġa’ ngħidlek li l-Kumpanija hija għad-dispożizzjoni tiegħek u għall-bżonnijiet tal-Knisja».

Il-Papa jwieġeb b’ċajta: Grazzi. L-idea li nistieden lill-Ġiżwiti fil-vjaġġi appostoliċi tiegħi ġejja minn Fr. Spadaro biex ikollu materjal biex jagħmel artiklu fuq “La Civiltà Cattolica” u hu dejjem jippubblika dawn il-konversazzjonijiet! Qed nistenna l-mistoqsijiet. Itfgħu l-ballun lill-gowler. Ejjew!”.

Ġiżwita jistaqsi: “Kif int?”

Għadni Haj. Għalkemm xi wħud xtaquni mejjet. Naf li kien hemm anke laqgħat bejn prelati li ħasbu li l-Papa kien marid b’mod iktar serju minn dak li ntqal. Huma kienu qed iħejju l-konklavi. Paċenzja! Grazzi lil Alla, jien tajjeb. Li nagħmel dik l-operazzjoni kienet deċiżjoni li ma ridtx nieħu: kien infermier li kkonvinċini. L-infermiera kultant jifhmu s-sitwazzjoni aktar mit-tobba għax huma f’kuntatt dirett mal-pazjent.

Ġiżwita li ħadem għal kważi 15-il sena fuq ir-Radju tal-Vatikan jistaqsi x’għandu jkollhom għal qalbhom il-Ġiżwiti fix-xogħol pastorali fis-Slovakkja. 

Dejjem tiġi f’moħħi kelma: “qrubija”.

Qrubija lejn Alla, l-ewwelnett: titilqux it-talb! It-talba vera, tal-qalb, mhux dak formali li ma tmissx il-qalb. It-talb li jissara ma’Alla, u li jaf id-deżert fejn ma tħoss u tisma’ xejn. Qrubija lejn Alla: huwa dejjem jistenniena. Jista’ jkun li jkollna t-tentazzjoni li ngħidu: Ma nistax nitlob għax jien imħabbat. Imma anke Alla huwa mħabbat. Imma joqgħod ħdejk, jistenniek.

It-tieni: qrubija bejnietkom , imħabba ta’ bejn l-aħwa, l-imħabba riġida tal-Ġiżwiti li hija fina ħafna, karitatevoli, iżda wkoll riġida: l-imħabba tipika tal-irġiel. Tweġġagħni meta kemm intom u kemm saċerdoti oħra “tqaxxru” lil xulxin. U dan jimblokka, ma tistax timxi ‘l quddiem. Iżda dawn il-problemi kienu jeżistu mill-bidu nett tal-Kumpanija. Ejja naħsbu, pereżempju, fil-paċenzja li Injazju kellu ma’ Simone Rodriguez. Huwa diffiċli li tkun komunità, imma l-qrubija ta’ bejnietkom hija verament importanti.

It-tielet: qrubija mal-isqof . Veru li hemm isqfijiet li ma jriduniex, veru dan, iva. Imma ma ssibx Ġiżwita li jitkellem b’mod ħażin dwar l-isqof! Jekk Ġiżwita jaħseb b’mod differenti mill-isqof u jkollu l-kuraġġ, għandu jmur għand l-isqof u jgħidlu x’jaħseb. U meta ngħid isqof, qed ngħid ukoll għall-Papa.

Ir-raba’: qrubija mal-poplu ta’ Alla . Tridu tkunu kif qalilna Pawlu VI fit-3 ta’ Diċembru, 1974: meta nsibu ruħna f’salib it-toroq, tal-ideat, hemm għandek issib il-Ġiżwiti. Aqraw sew u mmeditaw fuq dak li qal il-Papa Pawlu VI lill-Kongregazzjoni Ġenerali 32: hija l-isbaħ ħaġa li Papa qal lill-Ġiżwiti. Veru li jekk aħna verament immorru f’salib it-toroq u fil-limiti tagħna, noħolqu problemi. Imma dak li jsalvana milli naqgħu f’idejoloġiji bla sens huwa l-qrubija mal-poplu ta’ Alla. U hekk inkunu nistgħu nimxu ‘l quddiem b’qalb miftuħa. Verament jista’ jiġri li jkun li jkun hemm xi ħadd minnkom li jkun entużjażmat iżżejjed, u mbagħad jiġi l-Provinċjal biex iwaqqfu u jgħidlu: “Le, dan mhux sew.” U allura rridu nimxu ‘l quddiem bir-rieda li nkunu ubbidjenti. Il-qrubija lejn il-poplu ta’ Alla hija tant importanti għax “aħna nitfasslu fuqha”. Qatt tinsew minn fejn ġejna: minn fost in-nies tagħna. Imma jekk aħna ninqatgħu u mmorru lejn … univers li noħolqu aħna, allura nitilfu l-għeruq tagħna. L-għeruq tagħna jinsabu fil-Knisja, li hija l-poplu ta’ Alla.

Allura, hawnhekk nitlobkom erba’ viċinanzi: ma’ Alla, bejnietkom, mal-isqfijiet u l-Papa, u dak mal-poplu ta’ Alla, li huwa l-iktar importanti.

Jitkellem ġiżwita ieħor u jfakkar  li hemm madwar għoxrin saċerdot reliġjuż li kienu ordnati bil-moħbi, fosthom hu nnifsu. Huwa jgħid li kienet esperjenza sabiħa għalihom li kibru fid-dinja tax-xogħol … 

Xogħol biex taqla’ l-għixien … xogħol manwali jew intellettwali jagħtik is-saħħa. Hekk hu x-xogħol. U l-poplu ta’ Alla, jekk ma jaħdimx, ma jiekolx …

Wieħed minn dawk preżenti jibda jitkellem: «Jiena sentejn iżgħar minnek» u l-Papa jwieġeb biċ-ċajt: «…ma tidhirx! Jaqaw tinżebagħ?». U l-oħrajn jidħku. Huwa jkompli: «Fl-1968 dħalt fis-Soċjetà ta’ Ġesù bħala refuġjat. Jien kont membru tal-Provinċja Żvizzera għal 48 sena, u issa ilni hawn 5 snin. Għext fi knejjes differenti ħafna. Illum nara li ħafna jixtiequ jmorru lura jew ifittxu ċertezzi fil-passat. Taħt il-komuniżmu esperjenzajt il-kreattività pastorali. Xi wħud saħansitra qalu li ma tistax tifforma Ġiżwita fi żmien il-komuniżmu, imma oħrajn ma jaħsbux hekk. Issa qegħdin hawn. X’viżjoni ta’ Knisja tipproponielna? ».

Int għedt kelma importanti ħafna, li tidentifika t-tbatija tal-Knisja f’dan il-mument: it-tentazzjoni li tmur lura. Illum qed insofru dan fil-Knisja: l-ideoloġija li mmorru lura. Hija ideoloġija li tikkolonizza l-imħuħ. Hija forma ta’ kolonizzazzjoni ideoloġika. Mhix problema tassew universali, iżda pjuttost speċifika għall-Knejjes ta’ xi pajjiżi. Il-ħajja tbeżżagħna. Se nerġa’ ngħid xi ħaġa li diġà għidt lill-grupp ekumeniku li ltqajt magħhom qabilkom hawnhekk: il-libertà tbeżżagħna. F’dinja li hija tant ikkundizzjonata mill-vizzji u esperjenzi virtwali tbeżżgħana li nkunu ħielsa. Fil-laqgħa ta’ qabel ħadt bħala eżempju  The Grand Inquisitor ta’ Dostojevsky. Isib lil Ġesù u jgħidlu: «Għalfejn tajtna l-libertà? Hija ħaġa perikoluża!» . L-inkwiżitur jeħodha ma’ Ġesù talli tana l-libertà: ftit ħobż kien ikun biżżejjed, u xejn iżjed. 

Dan hu għaliex illum inħarsu lura lejn il-passat: biex infittxu ċertezzi. Tbeżżagħna li niċċelebraw quddiem il-poplu ta’ Alla li jħarisilna f’wiċċna u jgħidilna l-verità. Tbeżżagħna li nimxu ʼl quddiem  f’esperjenzi pastorali. Jiġini f’moħħi x-xogħol li sar – Patri Spadaro kien preżenti – fis-Sinodu dwar il-familja biex ikun ċar li koppji fit-tieni unjoni mhumiex diġà kkundannati għall-infern. Nibżgħu  nakkumpanjaw persuni ta’ diversità sesswali. Nibżgħu meta nsibu ruħna f’salib it-toroq jew f’mogħdijiet li tkellem dwarhom Pawlu VI. Dan huwa l-ħażen tal-lum, li t-toroq insibuhom fir-riġidità u fil-klerikaliżmu, li huma żewġ perverżjonijiet. 

Illum nemmen li l-Mulej qed jitlob lis-Soċjetà biex tkun ħielsa, bit-talb u d-dixxerniment. Huwa żmien affaxxinanti, żmien sabiħ, anke jekk huwa mmarkat bis-salib: kemm hu sabiħ li nuru l-libertà tal-Vanġelu. Libertà!  Jista’ jkollkom esperjenza li hemm min irid imur lura fil-passat, u anke fil-  komunità tagħkom, fil-Provinċja tagħkom, fis-Soċjetà. Irridu noqogħdu attenti u għassa. Minix infaħħar in-nuqqas ta’ prudenza, imma nixtieq ngħidilkom li mhux tajjeb li mmorru lura. Jeħtieġ li aħna nimxu ‘l quddiem fid-dixxerniment u l-ubbidjenza. 

Ġiżwita jistaqsi lill-Papa kif jara s-Soċjetà (ta’ Ġesù) llum. Tkellem dwar ċertu nuqqas ta’ fervur, dwar xewqa li nfittxu s-sigurtà aktar milli mmorru f’salib it-toroq, kif talab Pawlu VI, għax mhux faċli. 

Le, żgur mhux faċli. Imma meta tħoss li l-fervur huwa nieqes, trid tagħmel dixxerniment biex tifhem għaliex. Trid titkellem dwarha ma’ ħutek. It-talb jgħin biex jifhem jekk u meta hemm nuqqas ta’ fervur. Huwa meħtieġ li tkellem dwarha mal-aħwa, mas-superjuri u allura trid tagħmel dixxerniment biex tivverifika jekk din hijiex deżolazzjoni tiegħek biss, jew deżolazzjoni iktar komunitarja. L-Eżerċizzi jagħtuna l-opportunità li nsibu tweġibiet għal mistoqsijiet bħal dawn. Jien konvint li l-Eżerċizzi ma nafuhomx sew. L-annotazzjonijiet u r-regoli tad-dixxerniment huma teżor liema bħalu. Għandna bżonn inkunu nafuhom aħjar.

Wieħed minn dawk preżenti fakkar li l-Papa spiss jitkellem dwar kolonizzazzjonijiet ideoloġiċi li huma dijaboliċi. Jirreferi, fost oħrajn, għal dak tal-“ġeneru”. 

L-ideoloġija dejjem għandha s-seħer dijaboliku, kif igħidu, għax hi xi ħaġa astratta. Bħalissa qed ngħixu f’ċiviltà ta’ ideoloġiji, u dan huwa minnu. Jeħtieġ li dawn l-affarijiet nikxfulhom l-għeruq tagħhom. L-ideoloġija tal- “ġeneru” li qed titkellem dwarha hija perikoluża, tabilħlaqq. Kif nifhimha jien, hija perikoluża għaliex hija astratta fir-rigward tal-ħajja konkreta ta’ persuna, bħallikieku persuna tista’ tiddeċiedi b’mod astratt kif trid hi, jekk trid hi, u meta trid hi, għandhiex tkun raġel jew mara. Xi ħaġa astratta hija dejjem problema għalija. Din m’għandha x’taqsam xejn mal-kwistjoni ta’ l-omosesswalità. Jekk hemm koppja omosesswali, nistgħu nagħmlu kura pastorali magħhom, u nimxu ʼl quddiem fil-laqgħa ma’ Kristu. Meta nitkellem dwar l-ideoloġija, qed nitkellem dwar l-idea, dwar xi ħaġa astratta fejn kollox huwa possibbli, u mhux qed nitkellem dwar il-ħajja konkreta tan-nies u s-sitwazzjoni rejali tagħhom.

Ġiżwita ieħor irringrazzja lill-Papa għal dak li qal dwar id-djalogu bejn l-insara u l-Lhud. 

Id-djalogu għandu jkompli. Irridu assolutament nevitaw li jkun hemm interruzzjoni jew li d-djalogu jieqaf, jieqaf minħabba nuqqas ta’ ftehim, kif jiġri kultant.

Wieħed minn dawk li kienu qed jieħdu sehem, ikellem lill-Papa dwar is-sitwazzjoni tal-Knisja Slovakka u t-tensjonijiet interni. Xi wħud saħansitra jarawha bħala eterodossa (jiġifieri ma żżommx mat-tagħlim ortodoss tal-Knisja), filwaqt li oħrajn jdealizzaw lill-Knisja. Aħna l-Ġiżwiti nippruvaw negħlbu din il-firda. Jistaqsi: “Kif tittratta ma’ nies li jħarsu lejk b’suspett?”

Pereżempju, hemm televiżjoni kbira Kattolika li kontinwament ma titkellem xejn tajjeb dwar il-Papa. Jien personalment forsi ħaqqni li nkun attakkat u insultat għax jien midneb, imma l-Knisja ma jistħoqqilhiex hekk: dan hu xogħol ix-xitan. Għidt ukoll dan lil xi wħud minnhom.

Iva, hemm ukoll saċerdoti li jagħmlu kummenti koroh dwari. Kultant tonqosni l-paċenzja, speċjalment meta jagħmlu ġudizzji mingħajr ma jidħlu fi djalogu veru. Hemmhekk ma nista’ nagħmel xejn. Madankollu, jien inkompli sejjer mingħajr ma nidħol fid-dinja tal-idejat u l-fantasiji tagħhom. Ma rridx nidħol fiha u hu għalhekk li jien nippreferi nkompli nippriedka, nippriedka … Xi wħud akkużawni li ma nitkellimx dwar il-qdusija. Jgħidu li jien dejjem nitkellem dwar dak li hu soċjali, u li jien komunista. Madankollu ktibt Eżortazzjoni Appostolika sħiħa dwar il-qdusija, il- Gaudete et Exsultate .

Issa nittama li bid-deċiżjoni li twaqqaf li wieħed jista’ jiċċelebra r-rit l-antik b’mod awtomatiku, nistgħu nerġgħu lura għall-intenzjonijiet veri ta’ Benedittu XVI u Ġwanni Pawlu II. Id-deċiżjoni tiegħi hija frott ta’ konsultazzjoni mal-isqfijiet kollha tad-dinja, li saret is-sena l-oħra. Minn issa ‘l  quddiem, dawk li jixtiequ jiċċelebraw bil- vetus ordo għandhom jitolbu permess minn Ruma kif isir bil- bi-ritwaliżmu. Imma hemm żgħażagħ li wara xahar li jkunu ordnati saċerdoti jmorru għand l-isqof biex jitolbu l-permess. Dan huwa fenomenu li jurina li sejrin lura.

Kardinal qalli li żewġ saċerdoti li għadhom kif ġew ordnati marru jitolbuh biex jistudjaw il-Latin ħalli jkunu jistgħu jiċċelebraw tajjeb. Hu, li għandu sens ta’ umoriżmu, qalilhom: «Fid-djoċesi tagħna hemm tant nies jitkellmu l-ispanjol! Studjaw l-ispanjol biex tkunu tistgħu tippriedkaw. Imbagħad, meta tkunu studjajtu l-ispanjol, erġagħu ejjew għandi u ngħidilkom kemm hemm vjetnamiti fid-djoċesi, u ngħidilkom biex tistudjaw il-vjetmamiż. Imbagħad, meta tkunu tgħallimtu l-vjetnamiż, nagħtikom permess biex tistudjaw il-Latin ukoll ». Hekk ġiegħelthom  “jillandjaw”, ikunu saqajhom mal-art! U jiena nkompli, mhux għax irrid nagħmel xi rivoluzzjoni. Nagħmel dak li nħoss li għandi nagħmel. Jeħtieġ ħafna paċenzja, talb u ħafna karità.

Ġiżwita ieħor tkellem dwar il-biża’ li hawn mir-refuġjati. 

Nemmen li l-migranti għandhom jintlaqgħu tajjeb, iżda mhux biss: huwa meħtieġ li nilqgħuhom,  nipproteġuhom, nippromovuhom u nintegrawhom. Dawn l-erba’ passi huma meħtieġa biex nilqgħuhom tassew. Kull pajjiż irid ikun jaf kif jista’ jagħmel dan. Li tħalli lill-migranti mingħajr ma tintegrahom tkun qed tħallihom fil-miżerja, l-istess qisek ma lqajthom xejn. Iżda rridu nistudjaw sew il-fenomenu u nifhmu l-kawżi tiegħu, speċjalment dawk ġeopolitiċi. Huwa meħtieġ li nifhmu x’qed jiġri fil-Mediterran u x’inhuma l-interessi ta’ dawk fil-poter u li pajjiżhom imiss ma’ dak il-baħar, biex jikkontrollaw u jiddominaw. Jeħtieġ nifhmu r-raġuni tal-migrazzjoni u l-x’inhuma l-konsegwenzi tagħha.

Mons Datonou, il-persuna responsabbli mill-organizzazzjoni tal-vjaġġ, jiġi jgħid lill-Papa li sarlu l-ħin. Franġisku jħares lejn l-arloġġ tiegħu u kien se jqum u jsellem meta Ġiżwita jgħidlu: “Santità, l-aħħar ħaġa: Sant’Injazju jgħid li rridu nħossu u nduqu l-affarijiet internament. Hemm l-ikel jistenniek. Issa mur tiegħem xi ħaġa mill-kċina Slovakka!” Il-Papa jitbissem u jgħid li se jara dak li ħejjew għall-pranzu.

Imbagħad jittieħdu r-ritratti. Il-grupp huwa mdaqqas u għalhekk il-Ġiżwiti jinqasmu f’komunitajiet u kull komunità tieħu ritratt mal-Papa. Il-laqgħa tintemm b’ Ave Maria u l-barka tal-aħħar. 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes

Ara d-diskorsi kollha li għamel il-Papa Franġisku matul dan il-vjaġġ …

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.