6. X’jgħallmuna l-mistiċi dwar il-bniedem u dwar Alla?

Print Friendly, PDF & Email

Aktar mill-psikologi, il-mistiċi jgħallmuna s-sigriet tar-ruħ umana u s-sigriet ta’ Alla. Jgħinuna nifhmu lilna nfusna meta ninżlu fil-fond tar-ruħ tagħna jew, kif ngħidu, “fil-qiegħ ta’ ruħna”, bħalma jsemmi l-mistiku Meister Eckhart. Fl-istess ħin, il-mistiċi jgħinuna biex inkunu nafu aktar dwar Alla filwaqt li ningħaqdu miegħu b’rabta intima.

Fl-oriġinalità tagħhom, il-mistiċi jibdew minn Alla imbagħad jgħaddu biex jagħrfu l-profond tal-esseri uman. Santu Wistin jgħid li: “Alla jinsab ġo fija iktar milli naf jien u Alla huwa wisq ikbar milli naħseb jien.”

Meta nagħrfu aktar lilna nfusna, nikkontemplaw kemm aħna xbieha t’Alla. Din ix-xbieha ta’ Alla fina tista’ tidher f’manjieri differenti. Santu Wistin jagħtiha espressjoni qawwija, li tibda mix-xewqa ta’ Alla li jinsab fina, meta fil-bidu tal-Istqarrijiet, jikteb: “O Alla, inti ħlaqtna għalik, u l-qalb tagħna ma ssibx mistrieħ jekk ma tkunx straħet fik.”

Il-mistiċi jkunu raw f’din ix-xbieha  l-espressjoni ta’ relazzjoni ħajja mal-Ħallieq, fejn iseħħ il-ħolqien ġdid. Meta Meistre Eckhart jidħol aktar ‘il ġewwa fir-riflessjoni tiegħu dwar ix-xbieha ta’ Alla fina, jgħid ħaġa tassew essenzjali, li dan mhuwiex għajr l-identifikazzjoni ma’ Kristu, li aħna maħluqin għax-xbieha tiegħu u maħluqin mill-ġdid bit-twelid ta’ Alla fir-ruħ tagħna.

Mistiċi oħra jmorru għas-sequela Christi, jaqbdu t-triq wara Kristu. Dan ta l-bidu għad-devozio moderna, li ħadet sew tul il-Medju Evu u li tistrieħ fuq il-prattika tat-talb individwali.

Meister Eckhart iżomm li l-mistiku għandu spirtu ħieles. Iwieġeb liberament għal dak li jwassallu Alla, li hu l-għajn ta’ kull libertà awtentika u li tagħmilna nkunu dak li aħna filwaqt li tintroduċina għall-komunjoni Trinitarja. L-aċċent li fl-istorja tal-mistiċi tqiegħed fuq il-libertà u fuq il-kaiżma baqa’ jidwi b’qawwa fin-nisa u l-irġiel tal-lum.  

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading