It-talba ta’ pazjent

Print Friendly, PDF & Email

Iċ-Ċentru tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo jgħinni niskopri t-talenti tal-persuni. Kemm tabilħaqq hawn pazjenti li l-Mulej żejjinhom b’talenti li jimpressjonawk!

Bħalissa tiġini quddiem għajnejja poeżija-talba li ħarġet minn qalb ta’ pazjent li, bil-permess speċifiku tiegħu, qed naqsamha magħkom illum. Din it-talba jisimha: Inħares lejk O Ġesù Msallab. Fit-tnax-il strofa dan il-poeta seħħlu joħroġ deskrizzjoni mill-isbaħ ta’ Dak li, biex jifdi lilek u lili, għadda minnu fuq is-salib!

Aktar ma bdejt naqra din il-poeżija-talba aktar stajt napprezza l-qawwa tal-ħarsa li dan ħuna jagħti lejn Ġesù Kurċifiss. Jgħidlu fl-ewwel strofa: Inħares lejk O Ġesù Msallab u nimmedita għal ftit ħin/Wiċċek imbenġel, kollu dmija u għajnejk miksurin./ Fuq rasek kuruna bix-xewk niggiżin./ Qtar tad-demm minn xagħrek ileqqu neżlin/Fuq ħaddejk iqattru qishom petali żgħar tal-peprin.

It-tbatija mill-aktar ħarxa li kien għaddej minnha l-Mislub tidher fit-tieni strofa li jmiss ta’ din il-poeżija: Dahrek imbiċċer bis-swat, biċċiet tal-ġilda mdendlin/ imneżża’ minn kollox biex tkun umiljat./ anqas l-agħar bniedem ma trid tara f’dak l-istat./ Irkupptejk ġerħa waħda wara dawk il-waqgħat/ saqajk mas-salib imsammrin u min jaf x’weġgħat.

Dawn il-versi poetiċi ġabuli f’moħħi u f’qalbi l-għanja poetika li jagħtina l-Profeta Iżaija fuq il-qaddej ta’ Jahweh li jbati: Bħal xitla kiber quddiemna, u bħal għerq minn art niexfa. Ebda sura ma kellu, u ebda ġmiel biex inħarsu lejh, jew xi sura biex nitgħaxxqu bih. Kien imżeblaħ u mwarrab mill-bnedmin, bniedem li bata u kien jaf x’inhu l-mard, bħal wieħed li n-nies jaħbu wiċċhom minnu, bniedem imżeblaħ, u aħna xejn ma qisnieh (Iż 53:2-3).

Imma, anki dan il-bniedem, li ta’ madwaru ma qiesuhx, u li minflok emmnu fih għaddewh biż-żmien u sfidawh, mhux kulħadd issieħeb mal-kukkajna tagħhom. Interessanti li, xi ħadd pagan, u li ma kellu l-ebda rabta mal-poplu ta’ Alla tar-Rabta l-Qadima, wasal biex emmen li l-Imsallab kien Bin Allat! Waqgħet dalma fuq il-pajjiż u beda ir-ragħad/ Riħ qawwi u xita qliel, u theżżet l-art/ Donnha n-natura wara l-mewt tiegħek ipprotestat./ Meta ra hekk iċ-ċenturjun bħall-oħrajn baqa’ skantat/ Hu qal, wara dak li ġara dan żgur iben l-Allat.

Profond dan il-ħsieb! Saħansitra n-natura karbet karbietha quddiem il-fatt li dan il-bniedem Bin l-Allat spiċċa iġġustizzjat daqslikieku kien xi kriminal. Għalhekk, in-natura ma felħitx tibla’ ilsienha, tagħlaq ħalqha u tħalli din l-inġustizzja mfamja għaddejja. Anki hi, bil-mod tagħha, riedet issemmha leħinha biex tiġbed l-attenzjoni li dak li kien qed jiġri mhux biss ma kellhiex sehem minnu iżda kienet qiegħdha tara kif tagħmel biex tfixklu!

Iżda, f’din il-protesta kollha tan-natura, kien hemm xi ħaġa ferm prezzjuża li kienet qed isseħħ: l-imħabba tal-Missier Etern għalina l-bnedmin. Jikteb dan ħuna: Dawn xeni makabri jew xeni tal-ġenn?/ Din imħabba kbira għalina tal-Missier Etern,/ Tant li bagħat lil Ibnu għax għalina ħenn,/ Li wettaq b’għemilu dak li għallem b’impenn,/ Biex jiftħilna l-ġenna u jeħlisna mill-infern.

Dan l-att daqshekk sublimi ta’ mħabba l-poeta jfissru li hu aqwa mill-fidda, djamanti u deheb. L-ebda fidda, djamanti jew deheb fin/ Ma seta’ jkun il-prezz biex inkunu mifdijin,/ Imma Ġesù Bniedem Alla għalhekk Demm Divin/ Messija minflok ma ġie bil-qima milqugħ/ Ġie falsament akkużat u mewt fuq is-salib jagħuh.

Imma kif jirrispondi quddiem dik l-inġustizzja dan Ġesù ħanin? Jgħidilna l-poeta: Wiegħed il-Ġenna lill-ħalliel li miegħu sallbuh/ Wara li dan talbu biex f’saltnatu jkun merfugħ. Mela sewwa kien qal Ġesù stess fil-vanġelu skont San Ġwann meta qalilna: Ħadd ma għandu mħabba akbar minn din: li wieħed jagħti ħajtu għal ħbiebu (Ġw 15:13).

Dan l-att daqshekk sublimi tal-għotja tiegħu nnifsu lilna, f’għemil mill-aktar erojku bħal dan, ġie issiġillat darba għal dejjem bil-qawmien tiegħu għall-ħajja. Dan il-poeta jfakkru b’tant qawwa fid-disa’ strofa meta jikteb: Ta’ ħajtu l-missjoni kien kollox mitmum/ Imma Hu kien wiegħed li wara tliet ijiem kellu jqum/ Ġesù fuq il-mewt u d-dnub ħareġ rebbieħ/ Għalhekk għalina kien mument importanti ta’ ferħ u sabiħ/ Għax hekk aħna mmutu u nirxuxtaw miegħu u bih.

Din il-ġrajja tal-ġrajjiet, li għaddha minnha Ġesù, m’hijiex biss xi ħaġa li lejha nħarsu biex noqgħodu nitgħaxxqu biha u ngħidu: x’Imgħallem għandna! Din il-ġrajja tissarraf f’solidarjetà aktar u aktar f’waqtiet mill-aktar koroħ ta’ tbatija mill-eħrex. Almenu hekk jagħmel il-poeta li, b’ħila mill-aqwa, jfisser lilu nnifsu f’dawn il-kelmiet: Meta nieqaf u nħares lejk Ġesù fuq is-salib,/ ma narax persuna mejta u ‘l bogħod, imma xi ħadd qrib,/ fit-tbatija, l-mard, l-uġiegħ u tal-ħajja t-tiġrib./ Mulej, nitolbok, jekk trid nista’ l-fejqan Fik insib./ Imma dan f’idejk inħallih għax ta’ ħajti Int is-Sid.

Imma minn xiex jrid ifiq il-poeta-pazjent? Mit-tbatija fiżika biss jew anki dik psikoloġika u spiritwali? Jgħidlu: Ġesù lejk indur waqt it-tbatija,/ għax Int dejjem hemm għalija/ Ħadd ma jaf daqsek bħala bniedem dwar it-tbatija/ U bħala Alla d-dubju, il-beżgħat u tiegħi d-dgħjufija. Hi l-fidi tal-poeta li fl-aħħar titrijonfa fil-ħarsa li jagħti lill-Kurċifiss meta jgħidlu: Mulej, għalhekk fija sawwab il-fidi retta/ tama ċerta u mħabba perfetta./ Minn dawn għandek inti biss.

Humiex dawn il-kelmiet ta’ San Franġisk stess li quddiem il-Kurċifiss jgħidlu: O Alla, l-aktar Għoli u Glorjuż, dawwal id-dlamijiet ta’ qalbi, sawwab fija fidi vera, tama ċerta
u mħabba perfetta
?

Patri Mario Attard OFM Cap