Il-Papa Franġisku jitlob għall-paċi fil-Mjanmar, kif ukoll għall-vittmi ta’ vjolenza relatati ma’ gruppi rivali fil-ħabs tal-Ekwador
Għal darb’oħra, l-Ħadd li għadda, l-Papa Franġisku talab għall-Mjanmar. Waqt li indirizza lil dawk miġbura għall-Angelus fi Pjazza San Pietru, huwa talab lil Alla “r-rigal tal-paċi għall-art maħbuba” li sofriet minn tant uġigħ f’dawn l-aħħar snin. Il-Papa talab biex “idejn dawk li qed jgħixu fil-pajjiż ma jibqgħux jixxuttaw d-dmugħ tal-uġigħ u l-mewt, imma jingħaqdu flimkien biex jegħlbu d-diffikultajiet u jaħdmu flimkien għall-miġja tal-paċi”.
Sitt xhur ilu l-militar ħataf il-kontroll tal-gvern fil-Mjanmar. Minn dakinhar, id-dimostranti ħarġu fit-toroq, f’dak li spiss kienu protesti qattiela. Min Aung Hlaing huwa l-mexxej tal-kolp ta’ stat u rċieva kundanna internazzjonali u sanzjonijiet għall-allegat rwol tiegħu fl-attakki militari fuq minoranzi etniċi. Mill-kolp ta’ stat, ‘il fuq minn 200,000 persuna ġew spostati. Eluf ta’ Rohingya nqatlu u aktar minn 700,000 ruħ ħarbu lejn il-Bangladesh wara repressjoni tal-armata fl-2017.
Il-Papa Franġisku mbagħad dawwar il-ħsibijiet tiegħu lejn it-traġedja li seħħet il-ġimgħa li għaddiet ġewwa waħda mill-ħabsijiet tal-Ekwador. Il-Qdusija Tiegħu stqar li hu mdejjaq ħafna “bil-vjolenza terribli li faqgħet bejn il-priġunieri li jagħmlu parti minn gruppi rivali”. Huwa nnota li ‘l fuq minn mitt persuna nqatlu u ħafna iktar indarbu. “Nitlob għalihom u għall-familji tagħhom”, kompla l-Papa. Huwa talab biex Alla jista’ “jgħinna nfejqu l-feriti tal-kriminalità li jassiwaw lill-ifqar, u biex ngħinu lil dawk li jaħdmu kuljum biex jagħmlu l-ħajja tal-ħabs aktar umana”.
Battalja bejn gruppi fil Penitenzjarju Litorali fi Guayaquil, l-Ekwador, li seħħet nħar l-Erbgħa qatlet mill-inqas 116-il ruħ u 80 midruba, f’dak li l-awtoritajiet qed isejħu l-agħar massakru penitenzjarju fl-istorja tal-Ekwador.
Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-10/pope-francis-prayer-angelus-appeal-myanmar.html
Kif ukoll fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-10/pope-francis-angelus-appeal-prison-ecuador-myanmar.html