Ħallietni bla kliem!

Print Friendly, PDF & Email

Fil-ħajja jseħħu esperjenzi li ma tinsiehom qatt. Dan l-għaliex tant kemm ikunu qawwija u profondi li jħalluk taħseb mhux ftit. F’kelma waħda, dawn it-tip ta’ esperjenzi waħedhom juruk x’inhu u x’mhux importanti fil-ħajja. U, jaħasra, kemm nagħmlu għaġeb fuq affarijiet li m’huma importanti xejn f’dil-ħajja li tgħaddi! U kemm hawn ħwejjeġ li huma importanti bil-qabda u li ġieli ma nagħtux kashom!

Mela, kont miexi għall-affari tiegħi f’Venezja, mit-triq li mill-kunvent tagħna tas-Santissimo Redentore, li jinsab fuq il-gżira ta’ Giudecca, tieħu għax-xtajta kollha san-naħa l-oħra tal-gżira. Għall-grazzja tal-Mulej kont għadni kemm imxejt mixja sewwa max-xatt. Fil-fatt, f’dak il-waqt kont qed nirritorna lejn il-kunvent. Bil-pass tiegħi ta’ bebbuxu boċċu!

F’moħħi kont qed inġib quddiem għajnejja grupp ta’ żagħażagħ li kont rajt barra ħanut għall-frisk. Wieħed minnhom żgur li nibqa’ niftakru! Kien liebes ta’ isqof! Tistgħu taħsbu x’għamel x’ħin rani! Ħeqq! Ra Patri hux! Ta’ veru imma! Issa qegħdin sew! Il-Patri u l-isqof! Li flimkien jagħmlu l-isbaħ koppja! Iż-żagħażagħ hux! Imma anki f’din iċ-ċirkustanza mhux tas-soltu, (għax f’Malta rarissima li sseħħ), xorta l-Mulej joħroġ il-ġid. Għax, wara li dħakna u tħaddittna flimkien spiċċajna b’talba. Amen! Hallelujah!

Kif kont qed intiegħem din l-esperjenza mhux tas-soltu, titfaċċa hi. Ma’ żewġha. Bil-kelb. Kemm rajt nies l-Italja jippassiġġaw bil-klieb! U kemm ħafna minn dawn il-klieb ġibdu fuqhom il-barka bl-ilma mbierek li l-Mulej tahom permezz tal-Patri! Abbli bħalissa qed tgħid: “Kulħadd b’xortih!” Ħajti dan ma tgħidulix. Għax kollox jiddependi minn kemm persuna tinfetaħ għall-grazzja li tkun qed tingħatalha f’dak il-waqt! Intant!…

X’ħin rajt dan in-naqra ta’ kelb, ħelu ħelu, ma stajtx ma nistaqsix: “Tridu nberikulkom?” U, ngħid jien, jien min jien biex ma nberkux? Jekk il-Mulej tani s-setgħa li nbierek mhux inbierek irrid? Ma nafx jekk hawnx min jemmen imma f’xi rakkonti tal-mistika Maria Simma jingħad li hemm xi saċerdoti l-purgatorju l-għaliex ma kienux ibierku f’ħajjithom. Filwaqt li dawn ir-rakkonti jġagħluk taħseb ma rridx immur il-purgatorju għax ma nkunx berikt. Ma rridx le inċaħħad lil xi persuna mill-barka saċerdotali tant sabiħa u qawwija li Ġesù jagħti lill-poplu tiegħu. Għalhekk, mingħajr ħafna paroli u kontrolli ħriġt l-asperġes mill-but taċ-ċoqqa tan-naħa tal-lemin u berikt lill-kelb u, kif kont fil-venja, lil sidienu wkoll.

“Grazzi! Grazzi! Grazzi!” qaltli l-mara. U minn hemm, kelma iġġib lil oħra u d-diskors beda jdur u jdur bħaċ-ċirasa. Sakemm wasalna fl-aktar mument iebes tad-diskussjoni tagħna. F’daqqa waħda l-mara infexxet tibki bħal tarbija. Il-biki tagħha urieni li kien hemm xi ħaġa tassew serja u ta’ uġiegħ il-qalb ġewwa fiha. Meta smajt l-istorja li rrakkuntatli kellha biex tkun qalbha maqsuma.

Nhar it-30 ta’ Ġunju 2021 hi u żewġha għaddew minn trawma tal-biża. Tilfu lill-uniku iben li kellhom. Inċident tat-traffiku ħallieh tal-post għax ħasdu minn magħhom għal dejjem. L-omm għadha ma tistax temmen minn xiex għaddiet. L-għaliex kellu jkun binha li jmut? X’għamel ħażin? Għalfejn il-Mulej, fl-omnipotenza tiegħu, ma għamel xejn biex iwaqqaf din it-traġedja milli ma sseħħx?

Dawn u ruxxmata mistoqsijiet oħra din l-omm imnikkta bdiet tistaqsini. Imnalla konna f’biċċa pjuttost spazzjuża l-għaliex mhux sabiħ li din il-qrara daqshekk intima toħroġ fil-beraħ, quddiem kulħadd. X’ikun hemm midfun f’qalb il-bniedem hux! Int taħseb li għax qiegħed Venezja kulħadd għaddej alla grande, kif iħobbu jgħidu t-Taljani. Imma, u kif tgħidilna tant tajjeb il-Kelma tal-Mulej fis-Salm 64 vers 7: Min jifhem moħħ u qalb il-bniedem? U għax ma jista’ jifhimhom ħadd meta xi ħadd ikollu bżonn ikellmek u jkellimni hu għaqli li nħallu l-ġarra tagħna ħdejn il-bir u noqgħodu nisimgħuh!

Nistħajjilkom tistaqsuni: “Imma x’għedtilha?” Kelli għalfejn ngħidilha? Jew kellha għalfejn tgħidli hi? U jekk qaltli hi mhux għax tassew riedet toħroġ in-niket tagħha ma’ xi ħadd li jirrappreżenta lil Dak li hi tkellmu l-ħin kollu?

Għalkemm ma kellix tweġibiet x’nagħtiha għall-mistoqsijiet validissmi li staqsietni ħaġa waħda ħassejt li kelli ngħidilha: “Iftaħ qalbek miegħu! Għidlu! Irrabja miegħu! Imma wara oqgħod kwieta u isimgħu jkellmek”. Donnu dan il-kliem ikkonfortaha xi ftit. Mhux l-għaliex għedtulha jien tafux imma l-għaliex intqal lili minnU. Li, f’dak il-waqt daqshekk iebes ta’ niket, aqta’ kemm tlabtu biex jgħinni.

U din l-esperjenza lili għallmittni ħaġa: fil-ħajja aħna qegħdin hemm għal xulxin. F’din l-istorja stajt nara kemm il-prinċipju li jgħallimna San Pawl jagħmel sens kbir: Ħadd minna ma jgħix għalih innifsu, u ħadd ma jmut għalih innifsu (Rum 14:7). Interessanti li dan il-prinċipju l-Appostlu tal-Ġnus kitbu lir-Rumani, jiġifieri lil poplu viċin ta’ din il-persuna daqshekk imnikkta. Iwa ħbieb! Ħadd minna ma jgħix għalih innifsu. U ħadd ma jmut għalih innifsu. Bi Kristu, ma’ Kristu u fi Kristu, aħna maqgħudin flimkien. Aħna tabilħaqq katina! Għalhekk ma jagħmilx sens li dak li jkun jibqa’ għaddej fuq xogħlu u qajla jħabbel rasu jieqaf, jinżel mill-kumdità tiegħu u jinfaxxa l-ġrieħi ta’ min hu muġugħ.

Nifhem li f’dawn iċ-ċirkustanzi iebsa irid ikun il-Mulej li jgħin. Iżda din l-istorja għallmittni ħaġa tassew meħtieġa: meta ninfetħu għall-grazzja tal-Mulej, li jagħtina b’tant imħabba f’dak il-waqt, imbagħad il-grazzja taħdem hi! U daqskemm ħaddmet f’dak il-waqt ma kellix ħaġa oħra għajr li ngħid fuqha: Ħallietni bla kliem!

Patri Mario Attard OFM Cap

%d bloggers like this: