Qari tas-Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sbatax-il Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Qari I

La tagħdabx, Sidi, jekk nitkellem.

Ġen 18, 20-32

Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi

F’dak iż-żmien il-Mulej qal: “L-għajta ta’ Sodoma u Gomorra hi tassew qawwija, u t-toqol ta’ dnubhom hu kbir. U issa se ninżel u nara jekk għamlux għalkollox skont l-għajta tagħhom li waslet għandi. Jekk le, inkun naf”. Dawk l-irġiel kisru minn hemm, u rħewlha lejn Sodoma; imma l-Mulej baqa’ wieqaf quddiem Abraham. Abraham resaq lejn il-Mulej u staqsieh: “U int se teqred it-tajjeb mal-ħażin? U jekk hemm ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jaqaw lil dawn se teqridhom u ma taħfirx lill-pajjiż minħabba l-ħamsin ġust li hemm f’nofsha? Ma jkun qatt li inti tagħmel ħaġa bħal din, li toqtol il-bniedem ġust mal-ħażin, u l-ġust u l-ħażin tmisshom l-istess xorti. Ma jkun qatt minnek, l-imħallef tal-art kollha, li ma tagħmilx ġustizzja”. U l-Mulej wieġeb: “Jekk jiena nsib ħamsin bniedem ġust f’nofs il-belt, jien naħfirha lill-post kollu minħabba fihom”. Wieġeb Abraham u qal: “Arani, jien issugrajt nitkellem mal-Mulej, għalkemm jien trab u rmied. U jekk hemm nieqsa ħamsa għall-ħamsin ġust, minħabba ħamsa u erbgħin se teqred il-belt kollha?”. U wieġbu l-Mulej: “Ma neqridhiex jekk insib fiha ħamsa u erbgħin”.

Imma Abraham kompla jitkellem miegħu u jgħidlu: “U jekk issib hemm erbgħin?” U wieġbu: “Ma nagħmilx dan, minħabba l-erbgħin”. Qal Abraham: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem: u jekk jinstabu tletin?” U hu wieġeb: “Ma nagħmilx dan, jekk insib hemm tletin”. U raġa’ qallu: “Ara kif nissogra nkellem lil Sidi: U jekk jinstabu hemm għoxrin?” U l-Mulej wieġeb: “Ma neqridhiex minħabba l-għoxrin”. U wieġeb: “La tagħdabx, Sidi, jekk nerġa’ nitkellem darba oħra biss: U jekk jinstabu hemm għaxra?” U hu qallu: “Ma neqridhiex minħabba l-għaxra”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 137 (138), 1-2a. 2bċ-3. 6-7ab. 7ċ-8

R/. (3a): Meta sejjaħtlek, int weġibtni, Mulej

Irroddlok ħajr, Mulej, b’qalbi kollha,

għaliex int smajt kliem fommi.

Quddiem l-allat irrid ngħannilek.

B’wiċċi fl-art ninxteħet quddiem is-santwarju tiegħek. R/.

Irroddlok ħajr għat-tjieba u l-fedeltà tiegħek,

għax int kabbart ismek u kelmtek fuq kollox.

Meta sejjaħtlek, int weġibtni,

kattarli l-qawwa f’ruħi. R/.

Kbir il-Mulej, imma jieħu ħsieb iż-żgħar;

u, għalkemm fl-għoli, jagħraf mill-bogħod.

Jekk insib ruħi fl-għali, inti tħarisli ħajti;

terfa’ idek kontra l-għedewwa tiegħi. R/.

Il-leminija tiegħek issalvani mill-qilla tagħhom.

Il-Mulej iżomm kelmtu miegħi.

It-tjieba tiegħek, Mulej, tibqa’ għal dejjem;

la titlaqx għemil idejk! R/.

Qari II

Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha.

Kol 2, 12-14

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Kolossin

Ħuti, intom indfintu ma’ Kristu bil-magħmudija u rxuxtajtu miegħu permezz tal-fidi tagħkom fil-qawwa ta’ Alla li qajmu mill-imwiet. Kontu mejta minħabba dnubietkom u għax ma kellkomx iċ-ċirkonċiżjoni f’ġisimkom; imma issa Alla takom il-ħajja flimkien ma’ Kristu: Ħafrilna dnubietna kollha. Ħassar il-kont tad-dejn li kellna bl-obbligi li kien hemm kontrina; neħħieh min-nofs u sammru mas-salib.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Rum 8, 15bċ

Hallelujah. R/. Hallelujah

Intom irċevejtu l-Ispirtu li jagħmel minnkom ulied adottivi;

u li bih aħna nistgħu ngħajtu: Abbà! Missier!

R/. Hallelujah

Evanġelju

Itolbu u jingħatalkom.

Lq 11, 1-13

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Darba Ġesù kien qiegħed xi mkien jitlob. Kif spiċċa mit-talb, wieħed mid-dixxipli tiegħu qallu: “Mulej, għallimna nitolbu, bħalma Ġwanni wkoll għallem lid-dixxipli tiegħu”. U qalilhom: “Meta titolbu, għidu:

“Missier, jitqaddes ismek, tiġi Saltnatek.

Ħobżna ta’ kuljum agħtina kuljum.

U aħfrilna dnubietna,

għax aħna wkoll naħfru lil kull min hu ħati għalina,

u la ddaħħalniex fit-tiġrib”.“

Qalilhom ukoll: “Wieħed minnkom ikollu ħabib li jiġih f’nofs ta’ lejl u jgħidlu: “Ħabib, islifni tliet ħobżiet, għax ġie għandi wieħed ħabib tiegħi mill-vjaġġ u ma għandix x’nagħtih”. U l-ieħor iwieġbu minn ġewwa u jgħidlu: “Iddejjaqnix; issa l-bieb magħluq, u wliedi qegħdin fis-sodda miegħi; ma nistax inqum nagħtik”. Ngħidilkom jien, li jekk ma jqumx jagħtih għax ħabib tiegħu, iqum u jagħtih kulma jkollu bżonn minħabba l-wiċċ sfiq tiegħu. U jiena ngħidilkom: Itolbu u jingħatalkom, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom. Għax min jitlob, jaqla’; min ifittex, isib; u min iħabbat, jiftħulu.

Min hu dak il-missier fostkom li, jekk ibnu jitolbu ħuta, minflok ħuta jagħtih serp? Inkella jekk jitolbu bajda jagħtih skorpjun? Mela jekk intom, nies ħżiena bħalkom, tafu tagħtu lil uliedkom ħwejjeġ tajba, kemm aktar il-Missier mis-smewwiet jagħti spirtu qaddis lil dawk li jitolbuhulu!”

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu