Qari tal-Ħamis tat-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ħamis

Qari I

Jien nagħmel patt ġdid u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx.

Ġer 31, 31-34

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

“Araw, għad jiġi żmien, oraklu tal-Mulej, meta jien nagħmel patt ġdid ma’ dar Iżrael u dar Ġuda; mhux bħall-patt li għamilt ma’ missirijiethom fiż-żmien meta qbadthom minn idejhom biex ħriġthom mill-art tal-Eġittu, il-patt tiegħi li huma kisru, għalkemm jien kont l-għarus tagħhom, oraklu tal-Mulej. Imma dan ikun il-patt li għad nagħmel ma’ dar Iżrael wara dawk il-jiem, oraklu tal-Mulej. Inqiegħed il-liġi tiegħi fosthom u niktibha f’qalbhom; u jiena nkun Alla tagħhom, u huma jkunu l-poplu tiegħi. Ma jgħallmux iżjed lil xulxin, u ħadd ma jgħid lil ħuh: “Agħraf il-Mulej”, għaliex ilkoll kemm huma jkunu jafuni, miż-żgħir sal-kbir, oraklu tal-Mulej. Għax jien naħfrilhom ħżunithom, u ħtijiethom aktar ma niftakarhomx”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 50 (51), 12-13.14-15.18-19

R/. (12a): Oħloq fija qalb safja, o Alla

Oħloq fija qalb safja, o Alla,

u spirtu qawwi ġedded fija.

La twarrabnix minn quddiemek;

tneħħix minni l-ispirtu qaddis tiegħek. R/.

Roddli l-hena tas-salvazzjoni tiegħek,

u bi spirtu qalbieni wettaqni.

Lill-midinbin ngħallem triqatek,

u l-ħatjin lejk jerġgħu lura. R/.

Għax lilek ma jogħġbokx is-sagrifiċċju;

noffrilek vittmi maħruqa, u ma tilqagħhomx.

Is-sagrifiċċju tiegħi, o Alla, hu l-qalb niedma;

qalb maqsuma u sogħbiena ma twarrabhiex, o Alla. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 16, 18

Hallelujah. R/. Hallelujah

Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi,

u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Inti Pietru. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet.

Mt 16, 13-23

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù wasal fl-inħawi ta’ Ċesarija ta’ Filippu, u staqsa lid-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Min jgħidu n-nies li hu Bin il-bniedem?”. U huma weġbuh: “Xi wħud, Ġwanni l-Battista; oħrajn, Elija; u oħrajn, Ġeremija jew wieħed mill-profeti”. “Imma intom min tgħidu li jien?”, staqsiehom. U qabeż Xmun Pietru u qallu: “Inti l-Messija, Bin Alla l-ħaj”. U Ġesù wieġbu u qallu: “Hieni int, Xmun bin Ġona, għax mhux bniedem tad-demm u l-laħam uriek dan, imma Missieri li hu fis-smewwiet. U jiena ngħidlek: Inti Pietru, u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi, u s-setgħat tal-infern ma jegħlbuhiex. Jiena nagħtik l-imfietaħ tas-Saltna tas-Smewwiet, u kulma torbot fuq l-art ikun marbut fis-smewwiet, u kulma tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-smewwiet”.

Imbagħad lid-dixxipli tiegħu wissiehom biex ma jitkellmu ma’ ħadd fuq li huwa l-Messija. Minn dakinhar Ġesù beda juri lid-dixxipli tiegħu li kien meħtieġ għalih li jmur Ġerusalemm, isofri ħafna mix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum. Pietru ġibdu lejh u beda jlumu u jgħidlu: “Allaħares, Mulej! Ma jkun qatt li dan jgħaddi minn għalik!”. Iżda Ġesù dar u qal lil Pietru: “Itlaq minn quddiemi, ja xitan! Int tfixkil għalija, għax m’intix tqis il-ħwejjeġ ta’ Alla, imma qiegħed taħsibha ta’ bniedem li int!”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu