Qari tas-Sibt tal-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

L-Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Is-Sibt

Qari I

Il-glorja tal-Mulej daħlet fis-santwarju.

Eżek 43, 1-7a

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel

Ir-raġel ġiebni ħdejn il-bieb li jħares lejn il-Lvant. U, ara, il-glorja ta’ Alla ta’ Iżrael riesqa min-naħa tal-Lvant; il-ħoss tagħha bħall-ħoss ta’ gliegel ta’ ilma, u l-art kienet tiddi bil-glorja tiegħu. U d-dehra li rajt kienet bħal dik id-dehra li kelli meta ġie biex jeqred il-belt u bħal dik li kelli ħdejn ix-xmara Kebar. Jiena nxtħett wiċċi fl-art. U l-glorja tal-Mulej daħlet fis-santwarju mill-bieb li jagħti għan-naħa tal-Lvant. L-ispirtu refagħni u daħħalni fil-bitħa ta’ ġewwa, u, ara, il-glorja tal-Mulej imliet is-santwarju. U smajt min ikellimni mis-santwarju waqt li raġel kien wieqaf ħdejja. U qalli: “O bniedem, dan hu l-post tat-tron tiegħi, il-post fejn inqiegħed qiegħ riġlejja, u li fih jien se ngħammar fost ulied Iżrael għal dejjem ta’ dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 84 (85), 9ab-10.11-12.13-14

R/. (ara 10b): Is-sebħ tal-Mulej jgħammar f’artna

Ħa nisma’ xi jgħid Alla:

il-Mulej is-sliem ixandar.

Qrib hi tassew is-salvazzjoni tiegħu għal dawk li jibżgħu minnu,

biex jgħammar is-sebħ f’artna. R/.

It-tieba u l-fedeltà jiltaqgħu,

il-ġustizzja u s-sliem jitbewsu.

Il-fedeltà mill-art tinbet,

u l-ġustizzja mis-sema tixref. R/.

Il-Mulej ukoll jagħti l-ġid tiegħu,

u artna tagħti l-frott tagħha.

Il-ġustizzja quddiemu timxi,

u s-sliem fuq il-passi tiegħu. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 23, 9b.10b

Hallelujah. R/. Hallelujah

Il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet

u l-mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn.

Mt 23, 1-12

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù kellem lin-nies u lid-dixxipli tiegħu, u qalilhom: “Fuq il-katedra ta’ Mosè qagħdu l-kittieba u l-Fariżej. Mela kulma jgħidulkom huma agħmluh u ħarsuh, iżda tagħmlux kif jagħmlu huma, għax huma kliem biss għandhom, imma fatti xejn. Huma jorbtu qatet kbar u tqal u jgħabbuhom fuq spallejn ħaddieħor, waqt li huma stess anqas b’sebagħhom wieħed ma jridu jħarrkuhom. Kulma jagħmlu, jagħmluh għal għajnejn in-nies; għalhekk ikabbru l-filatteri u jtawlu l-ġmiemen tagħhom. Iħobbu l-postijiet ewlenin fl-imwejjed, u s-siġġijiet ta’ quddiem fis-sinagogi, u jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez u li n-nies isejħulhom: “rabbi”. Imma intom tħallux min isejħilkom: “rabbi”, għax l-Imgħallem tagħkom wieħed hu, u intom ilkoll aħwa. U ssejħu lil ħadd: “missier” fuq din l-art, għax il-Missier tagħkom wieħed hu, dak li hu fis-smewwiet. Hekk ukoll tħallux min isejħilkom: “mexxejja”, għax il-Mexxej tagħkom wieħed hu, il-Messija. Il-kbir fostkom għandu jkun il-qaddej tagħkom; min jitgħolla, jitbaxxa, u min jitbaxxa, jitgħolla”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu