Il-pjanista Amerikan Thomas Andrew Lehrer (twieled fid-9 t’April, 1928), qal hekk: Il-ħajja hi bħal pjanu. Dak li tieħu minnha jiddependi fuq kif iddoqqu.
Sabiħa tkun pjanista! Dan nikkonfermah meta nisma’ il-piano concerto kemm tal-kbir u magħruf pjanista ta’ kull żmien, ir-Russu Pyotr ll’ych Tchaikovsky (7 ta’ Mejju 1840 – 6 ta’ Novembru 1893), il-Pollakk Fryderyk Franciszek Chopin (1 ta’ Marzu 1810 – 17 t’Ottubru 1948) u kif ukoll tal-Awstrijak Wolgang Amadeus Mozart (27 ta’ Jannar 1756 – 5 ta’ Diċembru 1791). Kemm nieħu gost nisma’ ix-xogħlijiet mill-isbaħ ta’ dawn il-pjanisti kbar u anki ta’ ħafna u ħafna oħrajn! U, waqt li nitgħaxxaq nisma’ dawn il-biċċiet mużikali li l-Ispirtu s-Santu ta lil dawn il-pjanisti kbar, minn qalbi tinbet il-mistoqsija: X’inhuma l-kwalitajiet li jagħmlu pjanista ta’ sinsla?
Jgħidu li hemm seba’ kwalitajiet li pjanisti ta’ kalibru għandhom. L-ewwel, l-etika eċċellenti tax-xogħol. Il-pjanisti jipperseveraw meta jiltaqgħu mad-diffikultajiet tal-ħajja. Il-virtù tal-qawwa tippermettilhom li jkollhom din il-kwalità. Huma jaffrontaw kull biċċa mużika diffiċli sakemm idoqquha b’mod perfett. Dan ifisser ukoll li ħinhom jużaw sewwafix-xogħol tagħhom. Għalhekk jipprattikaw spiss. Barra minhekk, jagħtu każ għad-dettall. Pjanisti ta’ stoffa jagħrfu l-iżbalji rqaq u jikkoreġuhombilli jipprattikaw ta’ spiss.
It-tielet kwalità hi l-għaqal. Pjanist tassew jaf li mingħajr prattika bla hedaqatt ma jista’ jitjieb fid-daqq tal-pjanu. Dan ifisser li jdoqqu b’għan.Il-pjanist jiffoka fuq kull biċċa mużika b’intensità. Ir-raba’ kwalità ta’ pjanista prim hu l-impenn. Pjanisti ta’ veru ilkoll kellhom għalliema mustaċċuni biex illum laħqu fejn laħqu. Għalliem privat, b’lezzjonijiet spissikull ġimgħa, jista’ jgħin lil pjanista biex iżommu motivat b’biċċiet mużikali differenti li jsaħħu l-punti b’saħħithom tal-pjanista li qed jitħejja u anki jgħinuh jaħdem fuq il-punti dgħajfin tiegħu ħa jissoda aktar.
Il-ħames kwalità li pjanista għandu jkollu hi x-xewqa li jitgħallem. Il-veru pjanist jrid jitgħallem kif għandu jdoqq il-pjanu. Li wieħed jitgħallem idoqq il-pjanu tajjeb jitlob minnu li jinvesti bil-kbir fil-ħin.Wieħed irid ikollu xewqa kbira li jitgħallem il-pjanu u li żżommu motivat matul is-sigħat tal-prattika fil-ġimgħa li għandu bżonn. Il-pjanista jinħtieġlu jitgħallem kif jaqra l-mużika.Il-pjanista għandu bżonn jimmemorizza l-vokabularju ta’ termini mużikali li jindikaw il-volum, il-veloċità u fatturi oħra tal-mużika.
Is-sitt kwalità li għandu jkollu pjanista ta’ fama hi r-rieda li jdoqq. Għax jekk il-pjanista ma jħallix lilu nnifsu jinġarr minn dik il-ħerqa li jdoqq kif jista’ joħroġ dak li tkun qed tħoss qalbu? Il-veru pjanista jimpenja ruħu, b’ruħu u ġismu, biex idoqq. U dan jagħmlu b’mod regolari. Mela, din ir-rieda li jdoqq tfisser li dan hu pjanista tal-affari tiegħu. Wara kollox, aktar ma jdoqq aktar il-pjanista se jiżviluppa fih il-memorja u l-ħila li s-swaba ta’ idejh jaħdmu id f’id ma’ moħħu. U hekk toħroġ biċċa mużika mill-isbaħ! Nerġa’ ngħid, dan jfisser li jqatta’ ħafna ħin idoqq.
L-aħħar kwalità li għandu fih il-pjanista ta’ veru hi d-dedikazzjoni. Tajjeb li jaf kif idoqq, bħalma hu tajjeb ukoll li għandu r-rieda li jdoqq, imma l-prattika tinkarna din il-ħila. Bħax-xemgħa li biex tixgħel trid tikkonsma ruħha anki l-pjanista jrid jikkonsma ruħu fil-prattika. U, bħal dgħajsa fil-maltemp, il-pjanista jibqa’ idoqq. Aktar u aktar meta jaħseb li bis-sigħat, bil-jiem, bil-ġimgħat, bix-xhur u bis-snin ta’ prattika donnu ma jafx ‘il fejn hu sejjer. Kważi kważi jibda’ jaħseb li mhu qed jitjieb b’xejn. Għalhekk, minflok ma jaqta’ qalbu, il-pjanista jibqa’ jipprova, jipprova, jipprova… Sakemm fl-aħħar jasal fuq nett! Il-PERSEVERANZA hi l-aħħar kelma tiegħu.
Dawn il-kwalitajiet mill-isbaħ tal-pjanista jfakkruni fil-Mulej Ġesù! Hu l-veru pjanista! Għax Hu jibqa’ hemm, magħna, meta kollox ikun ġej kontra. Ħinu jużah sew magħna! Hu għaqli. U japprezzana fl-anqas sforz li nagħmlu biex nersqu lejh. Ġesù ma jehda qatt jissokta jinvesti fina biex isaħħaħna fil-punti dgħajfin tagħna. Ir-rieda tiegħu hi waħda, li jsalvana b’kull mod possibbli. U dan iwettqu għax qatt ma jinsa’ li hu Alla ħanin! U jekk aħna ħriġna minn idejh kif tridu ma jagħtix lilu nnifsu lilna lejl u nhar? Liema Missier irid jitlef lil uliedu? Inkella x’missier ikun? Mela aħseb u ara Ġesù! Kemm irid li aħna nkunu miegħu għal dejjem! Hu li tana kollox saħansitra għadu jagħtina lilu nnifsu fis-Sagrament kbir tal-Ewkaristija Mqaddsa!
Hemm xi ħadd ieħor li jipprova jimita l-pjanista. Ix-xitan. Imma dan hu psewdo-pjanista. Għax jiġi ħdejna meta jaqbillu. L-ewwel iwaqqagħna fid-dnub u mbagħad iħallina ngħumu fil-ħama li jkun daħħalna fih. Ħinu ma jużaħx sew għax il-ħin kollu jippjana kif ħa jagħmel il-ħsara. Ix-xitan mhux jinvesti fina imma jgħir għalina sal-punt li jkun irid jeqridna. Jabbuża mill-punti dgħajfin tagħna u jattakkana bihom. Ħniena ma jafx x’inhi. La huwa l-awtur tal-qtigħ il-qalb meta nitolbu lill-Mulej u lill-Madonna, l-aktar bir-Rużarju Mqaddes, aqta’ kif jaqta’ qalbu minna!
Din ir-riflessjoni biha l-Mulej għallimni ħaġa: kemm hu sabiħ il-Pjanista veru! Il-Mulej innifsu! Għalhekk fuqu tħaddittna ħafna. Għax fih fuqhiex x’titħaddet. Ara fuq in-naħa l-oħra, fuqhiex titħaddet m’hemmx. Għax ix-xitan hu psewdo-pjanista. Hu l-qarrieq, il-giddieb, dak li jabbuża u jaqta’ il-qlub.
Jekk inhu hekk, jekk jogħġbok, ejja ma nħalluhx joqgħod fuq il-banketta tar-rieda tagħna u ma nħalluhx idoqq in-noti tal-emozzjonijiet tagħna! Dawk il-Mulej biss idoqqhom! Il-veru Pjanista!
Patri Mario Attard OFM Cap