Qari tat-Tlieta tat-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – It-Tlieta

Qari I

L-aħwa jħarrku ’l xulxin, u dan quddiem il-pagani!

1 Kor 6, 1-11

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

Ħuti, hemm xi ħadd fostkom li, meta jkollu xi jgħid ma’ ħaddieħor, għandu l-ħila jfittex il-ġustizzja għand il-pagani u mhux għand il-qaddisin? Jaqaw ma tafux li l-qaddisin għad jagħmlu ħaqq mid-dinja? U jekk id-dinja għad irid isirilha ħaqq minnkom, ma jixirqilkomx intom tagħmlu ħaqq minn ħwejjeġ ta’ xejn? Ma tafux li aħna għad nagħmlu ħaqq mill-anġli? Kemm iktar, mela, mill-ħwejjeġ ta’ din il-ħajja!

Mela, meta intom ikollkom xi tgħidu bejnietkom fuq ħwejjeġ ta’ din il-ħajja, tqegħdux imħallfin lil dawk li huma mistmerra mill-Knisja! Dan qiegħed ngħidu għall-mistħija tagħkom! Jaqaw ma għandkomx fostkom xi ħadd għaref li jista’ jagħmel ħaqq bejn l-aħwa? Imma l-aħwa jħarrku ’l xulxin, u dan quddiem il-pagani! U mhux ġa nuqqas għalikom li jkollkom kawżi bejnietkom? L-għala ma ssofrux l-inġustizzja? L-għala ma tagħżlux li tħallu min iqarraq bikom? Mhux dan biss, imma l-inġustizzja tagħmluha intom stess, u tqarrqu bl-oħrajn, u dan lil ħutkom! Ma tafux li l-inġusti ma jirtuhiex is-saltna ta’ Alla?

La titqarrqux! La żienja, la idolatri, la adulteri, la effeminati, la omosesswali, la ħallelin, la rgħiba, la skaren, la qassiesa fuq in-nies, la ħattafa, ma jirtu s-saltna ta’ Alla. U minn dawn kienu xi wħud minnkom! Imma issa tnaddaftu, tqaddistu u ġejtu ġġustifikati fl-isem ta’ Sidna Ġesù Kristu u fl-Ispirtu ta’ Alla tagħna.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 149, 1-2.3-4.5-6a u 9b

R/. (4a): Il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu

jew Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Għannu lill-Mulej għanja ġdida:

fil-ġemgħa ta’ ħbiebu t-tifħir tiegħu!

Ħa jifraħ Iżrael bil-Ħallieq tiegħu,

u jithennew ulied Sijon bis-sultan tagħhom! R/.

Ħa jfaħħru biż-żfin l-isem tiegħu,

bid-daqq tat-tanbur u taċ-ċetra!

Għax il-Mulej jitgħaxxaq bil-poplu tiegħu,

u jsebbaħ lill-fqajrin bir-rebħa. R/.

Bil-glorja jithennew ħbiebu,

u jaqbżu bil-ferħ fuq friexhom!

It-tifħir ta’ Alla jkun fuq fommhom,

dan hu ġieħ għall-ħbieb tiegħu kollha. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

ara Ġw 15, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah

Jien għażilt lilkom, jgħid il-Mulej,

u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott u l-frott tagħkom jibqa’.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Għadda l-lejl fit-talb u għażel tnax, li semmiehom appostli.

Lq 6, 12-19

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

Mela darba fost l-oħrajn Ġesù ħareġ lejn l-għoljiet biex jitlob, u għadda l-lejl fit-talb lil Alla. Meta sebaħ, sejjaħ lejh id-dixxipli tiegħu u minnhom għażel tnax, li semmiehom appostli: Xmun, li semmieh Pietru, u ħuh Indrì, Ġakbu, Ġwanni, Filippu, Bartilmew, Mattew, Tumas, Ġakbu ta’ Alfew, Xmun l-Imħeġġeġ, Ġuda ta’ Ġakbu u Ġuda l-Iskarjota, li mbagħad ittradieh.

Imbagħad niżel magħhom u waqaf f’wita, flimkien ma’ kotra kbira ta’ dixxipli u folla kbira ta’ nies minn kull naħa tal-Lhudija u Ġerusalemm u mix-xtajta ta’ Tir u Sidon. Dawn kienu marru biex jisimgħuh u jfejjaqhom mill-mard tagħhom. Min kien imħabbat mill-ispirti mniġġsa kien ifiq; u l-kotra kienet tfittex li tmissu, għax minnu kienet toħroġ qawwa li tfejjaq lil kulħadd.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: