QUDDIESA TAL-ĠRIŻMA FIL-BAŻILIKA TA’ SAN PIETRU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ħamis ix-Xirka, 16 ta’ April 1981
1. “Illum twettqet din il-Kitba li intom smajtuha b’widnejkom” Lc 4,21).
Meqjumin u għeżież ħuti
Ma kienx twil wisq iż-żmien li, fil-ħajja ta’ Ġesù Kristu, issepara l-jum li fih ippronunzja għall-ewwel darba dan il-kliem fis-Sinagoga ta’ Nażżaret, mill-jum li fih bdiet titwettaq Fih il-missjoni suprema tal-Midluk.
Kristu l-Midluk: Dak li jiġi fil-milja tal-Ispirtu tal-Mulej, hekk kif qal dwaru l-Profeta Iżaija: “L-Ispirtu tal-Mulej fuqi għaliex il-Mulej ikkonsagrani bid-dlik u bagħatni…” (Iż 61,1).
Hawn hu: il-Midluk jew il-Mibgħut, jinsab fi tmiem il-missjoni tiegħu terrena.
Diġa għaddejjin is-sigħat tal-jiem tal-biżà u fl-istess ħin qaddisa, li tulhom il-Knisja kull sena takkumpanja, permezz tal-fidi u l-liturġija, l-aħħar passaġġ tiegħu, Pascha Domini. U dan il-Knisja tagħmlu billi Fih issib, dejjem mill-ġdid, il-prinċipju tal-ħajja tal-Ispirtu u tal-Verità, tal-ħajja li kellha tirrivela ruħha biss permezz tal-mewt. Dak kollu li kien ġie qabel din il-mewt tal-Midluk kien biss tħejjija għal dan l-Għid uniku.
2.Aħna wkoll inġbarna llum, fis-sigħat ta’ filgħodu ta’ Ħamis ix-Xirka, biex inħejju l-Għid.
Il- Kardinali u l-Isqfijiet, il-Presbiteri u d-Djakni, flimkien mal-Isqof ta’ Ruma, jiċċelebraw l-liturġija tat-tberik tal-Griżma, iż-Żejt tal-Katekumeni u taż-Żejt tal-morda, Il-liturġija matutina ta’ Ħamis ix-Xirka tikkostitwixxi l-tħejjija annwali għall-Ġħid ta’ Kristu li jgħix fil-Knisja, billi jikkomunika lil kulħadd dik il-milja tal-Ispirtu Santu, li hemm Fih stess, billi jikkomunika lil kulħadd il-milja tad-Dlik tiegħu.
L-insara huma “uncti ex Uncto”!
Ninsabu hawn biex inħejju, b’mod konformi mal-karattru tal-ministeru tagħna, l-Għid ta’ Kristu fil-Knisja: biex inħejju l-Għid tal-Knisja f’kull wieħed li jieħu sehem fil-missjoni tiegħu, mit-tarbija li għadha kemm twieldet sal-venerabbli anzjan marid gravament li qiegħed joqrob għat-tmiem ta’ ħajtu. Kull wieħed jieħu sehem fil-missjoni mogħtija lill-Knisja kollha mill-Missier, mill-Iben u mill-Ispirtu Santu, missjoni mqanqla bl-opra tal-misteru tal-Għid ta’ Ġesù Kristu.
Id-dlik u l-missjoni huma propji tal-Poplu kollu ta’ Alla. U aħna ġejna biex inħejju l-Għid tal-Knisja, li minnu, dejjem mill-ġdid, jibdew id-dlik u l-missjoni tal-Poplu ta’ Alla.
“Lil dak li jħobbna u li ħelisna mid-dnubiet tagħna b’demmu, li għamel minna saltna ta’ saċerdoti għal Alla u Missier tiegħu, lilu l-glorja u l-qawwa għal dejjem ta’ dejjem” (Ap 1,5-6).
3. Hekk hu, ninsabu hawn flimkien, fil-komunità taċ-ċelebrazzjoni. Ninsabu flimkien aħna, l-adoraturi umli u amministraturi ndenji tal-misteru tal-Għid ta’ Ġesù Kristu.
Aħna, qaddejja tal-Għid li ma jintemm qatt tal-Knisja, magħżula mill-grazzja ta’ Alla.
Aħna preżenti hawn biex inġeddu mill-ġdid ir-rabta vivifikanti tas-saċerdozju tagħna mas-Saċerdot uniku, mas-Saċerdot etern, ma’ Dak “li għamel minna saltna ta’ saċerdoti għal Alla u Missier tiegħu” (Ap 1,6).
Aħna ninsabu hawn preżenti biex inħejju ruħna sabiex ninżlu flimkien miegħu fl-“abbiss tal-passjoni”, li tinfetaħ flimkien mat- “Triduum sacrum”, biex toħroġ mill-ġdid barra minn dan l-abbiss is-sens tal-indinjità tagħna u l-gratitudni nfinita għad-don, li jiġi pparteċipat minn kull wieħed minna.
Ninsabu hawn, għeżież ħuti, biex inġeddu il-voti tal-fedeltà presbiterjali tagħna. “Issa, dak li huwa meħtieġ fl-amministraturi huwa li kull wieħed jirriżulta fidil” (1Kor 4,2).
Aħna “uncti ex Uncto”!
Ġejna midlukin, bħal ħutna kollha, fil-grazzja tal-Magħmudija u tal-Ġriżma.
Imma, barra minn hekk, kienu wkoll midlukin idejna, li bihom irridu nġeddu s-sagrifiċċju tiegħu propju fuq tant altari ta’ din il-Bażilika, tal-Belt Eterna, tad-dinja kollha.
U huma wkoll midlukin irjusna, ladarba l-Ispirtu Santu għażel uħud minna u sejħilhom biex jippresiedu fil-Knisja, fl-interess apostoliku għall-Knejjes kollha “sollicitudo omnium ecclesiarum”.
“Uncti ex Uncto”!
Kemm huwa inestimabbli għalina dan il-jum! Kemm hija speċjali l-festa tallum: il-jum li fih twelidna lkoll u twieled kull wieħed minna bħala saċerdot ministerjali għall-opra tal-Midluk Divin.
“Intom se tissejħu, saċerdoti tal-Mulej, Ministri ta’ Alla tagħkom se tkunu msejħa (Iż 61,6).
Hekk jgħid il-Mulej: “Jiena se nagħtikom b’mod fidil is-salarju, se nikkonkludi magħkom patt perpetwu.
Se jkun famuż fost il-popli l-ġidd tagħhom, id-dixxendenti tagħhom fost il-ġnus. Dawk kollha li jarawhom, jistmawhom, għaliex huma l-ġidd li l-Mulej bierek” (Iż 61,8-9).
Hekk jesprimi ruħu l-Profeta Iżaija fl-ewwel qari.
Għeżież Huti! Jalla jitwettaq dan il-kliem fuq kull wieħed minna u fuq kulħadd.
Ejjew nitolbu wkoll għal dawk li kisru l-fedeltà lejn il-patt mal-Mulej u lejn id-dlik tal-idejn saċerdotali.
Ejjew nitolbu għal dawk, li warajna, jridu jassumu d-Dlik u l-Missjoni. Jalla jiġu minn partijiet differenti u jidħlu fl-Għalqa tad-Dwieli tal-Mulej, bla ma jittardjaw u bla ma jħarsu lura.
“Uncti ex Uncto”!
Amen.
Miġjub mit-Taljan għall-Malti mnn Emanuel Zarb