Ġwanni Pawlu II f’Ħamis ix-Xirka

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA “IN CENA DOMINI”
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ S. Giovanni in Laterano,
Ħamis ix-Xirka, 16 ta’ April 1981

1. “Waslet is-siegħa tiegħu” (Ġw 13,1).

Hawn aħna iltqajna ma’ għabex il-jum, nhar Ħamis ix-Xirka biex inkunu ma’ Ġesù meta waslet is-siegħa tiegħu. L-evanġelista jgħid li dan kien “qabel il-festa tal-Għid” (Ġw 13,1), u jsejjaħ dik is-siegħa, li kienet waslet, bħala “is-siegħa tal-mogħdija minn din id-dinja għal għand il-Missier” (Ġw 13,1).

Hawn aħna, inġbarna f’din il-meqjuma Bażilika, li hija l-Katidral tal-Isqof ta’ Ruma, biex inkunu ma’ Ġesù Kristu f’din is-siegħa tal-“mogħdija” tiegħu u biex nibdew flimkien miegħu it- “Triduum Paschale” tas-sena tal-Mulej 1981.

2. Ejjew niftħu qlubna, insaħħu s-smigħ intern tal-fidi! Ikellmuna l-ilħna u l-ġrajjiet imfawra bl-ikbar kontenut. Ejjew niftħu qlubna, nindirzzaw il-vista nterna tal-fidi! Jiżvela ruħu quddiemna il-misteru moħbi qabel is-sekli fi ħdan it-Trinità Qaddisa, misteru li fiż-żmien prestabbilit sar il-Ġisem u d-Demm tal-Iben ta’ Alla Inkarnat – u ġie jgħammar fostna taħt l-ispeċi tal-ħobż u tal-imbid fl-Aħħar Ċena.

Hawn hu l-misteru l-kbir tal-fidi tagħna!

Dik is-“siegħa” li waslet – dak iż-żmien u issa – hija qabel kollox it-twettiq tal-profezija magħmula lill-Poplu ta’ Alla tal-patt il-qadim; IL-ħruġ ta’ wlied Iżrael mill-iskjavitù tal-Eġittu permezz tad-demm tal-Ħaruf: Dan il-jum se jkun għalikom memorjal: se tiċċelebrawh bħala l-festa tal-Mulej: minn ġenerazzjoni għal oħra bħala rit perpetwu” (Es 12,14).

Propju allura, meta waslet is-siegħa tiegħu – skont ir-rakkomandazzjoni tal-Ktieb tal-Esodu – Ġesù flimkien mal-Appostli beda jiċċelebra dakinhar, jum il-liberazzjoni tal-Poplu ta’ Alla mill-iskjavitù permezz tad-demm tal-Ħaruf.

3. U hekk hu waqt iċ-ċena, li għaliha nġbarna, huwa qabad il-ħobż, iżża ħajr, qasmu u qal: “Dan huwa ġismi, li huwa għalikom: agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. U wara li kienu ċċenaw, qabad ukoll il-kalċi waqt li qal: “Dan huwa l-kalċi tal-Patt il-Ġdid f’demmi; agħmlu dan, kull darba li tixorbuh, b’tifkira tiegħi”. Hekk idoqq dan il-kliem fil-verżjoni magħmula minn San Pawl fl-ittra lill-Korintin (1Kor 11,24-25).

Waslet, mela, is-siegħa ta’ Ġesù Kristu, il-Ħaruf ta’ Alla. Qorob iż-żmien tal-liberazzjoni tal-Poplu ta’ Alla permezz ta’ demmu. Permezz ta’ Ġismu u ta’ Demmu. Dan huwa ż-żmien tal-Patt il-Ġdid

4. Waslet is-siegħa tal-mogħdija tiegħu.

U din is-siegħa tibqà għaddejja tul is-sekli u l-ġenerazzjonijiet. L-Appostlu jikteb: “Infatti kull darba li tieklu minn dan il-ħobż u tixorbu minn dan il-kalċi, intom tħabbru l-mewt tal-Mulej sakemm jiġi” (1Kor 11,26).

Jekk illum infakkru b’mod speċjali s-siegħa tal-Aħħar Ċena, dan nagħmluh ukoll għaliex din is-siegħa tibqà għaddejja bla taqtà u timla s-sigħat kollha tal-istorja tal-Knisja u tad-Dinja.
Minn mindu waslet, darba għal dejjem, is-siegħa ta’ Kristu, il-Ħaruf ta’ Alla, is-siegħa tal-mogħdija tiegħu minn din id-dinja għal għand il-Missier, dik is-siegħa tibqà u timla s-sigħat kollha sa tmiem id-dinja, ladarba Kristu “wara li ħabb lil tiegħu li kienu fid-dinja, ħabbhom sal-aħħar” (Ġw 13,1). Mela, f’kull siegħa tal-istorja tiġġedded u titwettaq mill-ġdid il-mogħdija tiegħu minn din id-dinja għal għand il-Missier, fil-membri tiegħu li jgħaddu Fih, Miegħu u Għalih, minn din id-dinja għal għand il-Missier.

L-Ewkaristija hija s-sagrament tal-mogħdija tagħna minn din id-dinja għal għand il-Missier.

5. Permezz tal-Ewkaristija l-bniedem – il-bniedem li jġorr fih, f’ċertu sens id-dinja viżibbli kollha, – jgħaddi għal għand il-Missier, li żvela lilu nnifsu lill-bniedem f’Ġesù Kristu: “Min ra lili, ra lill-Missier” (Ġw 14,9). Dak il-bniedem iġorr fih id-dinja u jtiha lura, fi Kristu, lil Alla.

“X’se ntih lill-Mulej / għal dak kollu li tani?” (Sal 116,12).

Biex jgħaddi permezz tal-Ewkaristija l-bniedem hemm bżonn li jkun pur. Għandu jkun pur b’dik il-purezza li jagħtih Kristu: “Jekk ma naħslikx, ma jkollokx sehem miegħi” (Ġw 13,8). Hemm bżonn li l-ewwel nistqarru l-indinjità tagħna u naċċettaw il-purifikazzjoni, li jirregala Kristu, biex imbagħad ikollna sehem fil-mogħdija tiegħu għal għand il-Missier: biex nibdlu flimkien miegħu lid-dinja u ntuha lura lill-Missier.

6. Il-ħasil tar-riġlejn, li bħala rit liturġiku se jkun ripetut minn hawn u ftit ieħor, ifisser dik il-prontezza. Din hija l-prontezza biex tibdel id-dinja u biex itiha lura lill-Missier. Ibiddel id-dinja – verament ibiddel id-dinja – permezz tal-imħabba. Ġesù li jgħaddi minn din id-dinja għal għand il-Missier, iħalli lill-Appostli tiegħu dan il-kmandament: “Nagħtikom kmandament ġdid: li tħobbu lil xulxin, kif ħabbejtkom jien”  (Ġw 13,34).

Il-prontezza biex jibdel id-dinja permezz tal-imħabba tidher f’dan il-ħasil tar-riġlejn, li se jkun rripetut hawn minn hawn u ftit ieħor skont ir-rit liturġiku. Kristu, infatti, fis-siegħa tal-Aħħar Ċena, wara li kien ħasel riġlejn id-dixxipli, qal: “Tajtkom infatti l-eżempju, sabiex bħal ma għamilt jien, tagħmlu intom ukoll”” (Gv 13,15).

Taħsel ir-riġlejn ifisser taqdi. Dak biss li tassew iservi jbiddel id-dinja biex itiha lura lill-Missier.

7. Hekk hu waslet is-siegħa tiegħu: is-siegħa tal-Ħaruf ta’ Alla. Araw kollox huwa mwettaq, sabiex jistà jitwettaq is-Sagrifiċċju tal-Ġisem u tad-Demm. “Kollox sar, sabiex is-Sagrifiċċju jkun jistà jibqà fl-istorja tal-bniedem, fil-ħajja tal-Knisja u sabiex ikun jistà jibdel id-dinja.

Hawn aħna, miġburin f’dan il-Katidral ċelebri nixtiequ nagħmlu minn kollox biex nibdew is- “Sacro Triduum” tal-Għid ta’ Ġesù Kristu. Ħaruf ta’ Alla.

“X’se nagħti lill-Mulej / għal dak kollu li għamel miegħi? / Ngħolli l-kalċi tas-salvazzjoni / u nsejjaħ isem il-Mulej… / Prezzjuża f’għajnejn il-Mulej / hija l-mewt tal-fidili tiegħu” (Sal 116,12-13).

Il-mewt tal-Iben hija bla prezz.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti mnn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: