Il-Papa jħeġġeġ lill-Ordni ta’ Malta fil-proċess ta’ tiġdid tiegħu

Print Friendly, PDF & Email

F’ittra datata l-25 ta’ Ottubru 2021, il-Papa Franġisku rringrazzja lill-Kardinal Tomasi tax-xogħol pożittiv li diġà għamel minn meta aċċetta l-ħatra bħala Delegat Speċjali tiegħu tal-Ordni ta’ Malta, u jieħu nota tal-proċess li għaddej biex jiġu aġġornati l-Kostituzzjoni u l-Kodiċi tal-Ordni. Huwa esprima t-twemmin tiegħu li “huwa mportanti li l-Kapitlu Ġenerali Straordinarju jiġi ċċelebrat f’kundizzjonijiet li jassiguraw it-tiġdid meħtieġ fil-ħajja tal-Ordni”.

Fid-dawl ta’ dan, il-Papa estenda lil Fra Marco Luzzago, fil-kariga tiegħu ta’ Logutenent tal-Gran Mastru tal-Ordni Sovran ta’ Malta sal-konklużjoni tal-Kapitlu Ġenerali u l-elezzjoni sussegwenti ta’ Gran Mastru ġdid mill-Kunsill.

Il-Qdusija Tiegħu kompla jispeċifika li, bħala Delegat Speċjali tiegħu, l-Kardinal Tomasi għandu “s-setgħat kollha meħtieġa biex jiddeċiedi kwalunkwe kwistjoni li tista’ tinqala’ għall-implimentazzjoni tal-mandat” fdat lilu, inkluża s-setgħa li jieħu fuqu “aspett tal-mandat tal-gvern ordinarju tal-Ordni, anke jekk ikun hemm deroga mill-Karta Kostituzzjonali attwali u mill-Kodiċi Melitense attwali, kif ukoll biex isolvi l-kunflitti interni kollha fi ħdan l-Ordni ex auctoritate Summi Pontificis”.

Il-Papa Franġisku jtemm jesprimi inkoraġġiment u appoġġ għall-Ordni Sovran ta’ Malta u għall-ħafna ħidmiet ta’ karità li twettaq grazzi għall-kollaborazzjoni tal-membri u voluntiera f’partijiet differenti tad-dinja.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2021-10/pope-order-of-malta-letter-special-delegate-cardinal-tomasi.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: