Is-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena – Il-Ġimgħa
Qari I
Qatt ikkmandajt is-sebħ, qatt wasalt sa għejun il-baħar?
Ġob 38, 1.12-21; 40, 3-5
Qari mill-Ktieb ta’ Ġob
Il-Mulej wieġeb lil Ġob minn ġot-tempesta u qallu:
“Qatt kemm ilek fid-dinja kkmandajt is-sebħ,
jew urejt liż-żerniq postu,
biex jaqbad l-art mit-truf tagħha,
u jfarfar minnha l-ħżiena?
Bih tinbidel bħal tafal taħt is-siġill,
u tiġi mżewqa bħal libsa.
Jinqata’ lill-ħżiena d-dawl tagħhom,
u d-driegħ merfugħ jitkisser.
Qatt wasalt sa għejun il-baħar,
u mxejt fuq il-qiegħ tiegħu?
Qatt urewk bibien l-Imwiet?
Qatt rajt b’għajnejk bibien id-Dlam?
Qatt ħaddant b’ħarstek il-medda sħiħa tal-art?
Taf tgħidli l-wisa’ kollu tagħha?
Minn fejn tgħaddi għal ħdejn id-dawl,
u fejn joqogħdu d-dlamijiet,
biex tmexxihom sas-saltna tagħhom,
jew tqabbadhom it-triq lejn darhom?
Int tafu dan la diġà kont imwieled,
u l-għadd ta’ sninek kbir tassew!”
Ġob wieġeb lill-Mulej u qallu:
“X’nista’ nwieġeb jien li ma niswiex karfa?
Ikolli nqiegħed idi fuq ħalqi!
Darba tkellimt u ma nerġax; darbtejn, u ma nissuktax”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
Salm Responsorjali
Salm 138 (139), 1-3.7-8.9-10.13-14ab
R/. (24b): Mexxini, Mulej, fit-triq ta’ dejjem
Mulej, int tgħarbilni u tagħrafni;
int taf meta noqgħod u meta nqum,
int tagħraf mill-bogħod ħsibijieti.
Int tagħraf il-mixi u l-waqfien tiegħi;
triqati kollha inti tafhom sewwa. R/.
Fejn immur ’il bogħod mill-ispirtu tiegħek?
Jew fejn nista’ naħrab minn quddiem wiċċek?
Jekk nitla’ fis-smewwiet, hemm int;
jekk nimtedd f’qiegħ l-art, int hemm ukoll. R/.
Jekk nilbes il-ġwienaħ tas-sebħ,
u mmur ngħammar fi truf il-baħar,
hemm ukoll tilħaqni idek,
u taqbadni l-leminija tiegħek. R/.
Għax int sawwart il-ġewwieni tiegħi,
u f’ġuf ommi inti nsiġtni.
Irroddlok ħajr, għax b’mod tal-għaġeb għamiltni:
tal-għaġeb huma l-għemejjel tiegħek. R/.
Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
ara Salm 94 (95), 8ab
Hallelujah. R/. Hallelujah
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Hallelujah
Evanġelju
Min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni.
Lq 10, 13-16
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu u libsu l-ixkejjer u qagħdu fuq ir-rmied. Imma l-ġudizzju għad ikun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom. U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet! Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu