Il-verità hi l-proġett ta’ mħabba ta’ Alla għalina

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 21 ta’ Novembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fis-Solennità ta’ Kristu Sultan tal-ħolqien kollu. Bażilika ta’ Kristu Re, Paola.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Int qiegħed tgħidu; jien sultan. Jien għalhekk twelidt, u għalhekk ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità. U kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18:37). Ġesù qed jgħid dan il-kliem f’mument ta’ umiljazzjoni kbira: arrestat, imżeblah, ikkalunjat u jġibuh quddiem il-Gvernatur Pilatu.

Wara li għadda lejl fil-ħabs tal-qassis il-kbir, wara li wieħed mill-għeżież ħbieb tiegħu ċaħdu b’bewsa fil-ġnien fejn kien imdorri jmur biex jitlob, wara agunija u ansjetà psikoloġika kbira — tant li għeraq l-għaraq tad-demm — u wara ġudizzju farsa, jittieħed quddiem il-gvernatur għax hemm bżonn li jinqatel. “‘Ħuduh intom’ … Imma l-Lhud qalulu: ‘Aħna ma għandna setgħa noqtlu lil ħadd’” (Ġw 18:31). Sentenza maqtugħa diġà, iżda jridu biss li l-gvernatur, bl-awtorità tiegħu, ikun jista’ jwassalha għat-tmiem.

Imma Pilatu, għalkemm baqa’ msemmi fil-Kredu — tant li aħna ngħidu ‘bħal Pilatu f’nofs il-kredu — kellu almenu d-deċenza jistaqsi lill-akkużat: “Mela int sultan?” (Ġw 18:37). Bil-ftit kliem li qal qabel bdiet l-umiljazzjoni l-kbira tiegħu, Ġesù jieħu din l-opportunità biex jispjegalna x’inhi s-saltna tiegħu u xi jġibna hawn ta’ kull sena meta nfakkruh, nigglorifikawh u nirringrazzjawh li hu tassew sultan.

Ġesù jgħid ċar u tond: “Is-saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja” (Ġw 18:36). Din hi aħbar tajba għax is-saltniet ta’ din id-dinja jiġu u jmorru. L-istorja tal-umanità hi mmarkata b’saltniet li ġew u marru. Darba minnhom kien hemm rajħ li qal li se jdum 1,000 sena, biex lanqas dam 100! Kien hemm imperu li kien jiftaħar li fuqu x-xemx ma tinżel qatt, u niżlet u tela’ l-qamar. Saltniet li jiġu u jmorru, iżda s-saltna ta’ Ġesù mhijiex minn dawn għax hi saltna minn dejjem u għal dejjem.

Ġesù għaliex ma jistax jiċħad li hu sultan? Għax l-idea tiegħu ta’ saltna mhijiex forsi kif nifhmuha aħna imma hi espressjoni ta’ idea u ta’ proġett ta’ mħabba li ħareġ mill-qalb ta’ Alla nnifsu li hu mħabba. Ma ninsewx li meta għallimna nitolbu għallimna nitolbu wkoll “tiġi saltnatek’ (Lq 10:2). Imma x’inhi din is-saltna?

X’inhi l-verità?

Kelma oħra li Ġesù juża biex jispjegaha hi l-kelma ‘verità’. Ħafna drabi meta nisimgħu dil-kelma naħsbu biss fl-ideat li jikkorrispondu mar-realtà. Nieżla x-xita, l-art ixxarbet. Dik hi verità. Hemm kawża u effett. Imma għal Alla l-verità hi proġett ta’ mħabba. Hi r-realtà li ħierġa mill-imħabba tiegħu fuqna u għalina. Għalhekk, Ġesù jgħid: “Ġejt fid-dinja, biex nixhed għall-verità” (Ġw 18:37). Donnu qed jgħidilna li nsejna x’inhu l-għan u l-iskop ta’ kollox. Kultant intliftu mat-triq. Jiena ġejt biex infakkarkom, neħliskom, ngħinkom tiskopru l-għan ta’ kollox’.

“Kull min iħobb il-verità jisma leħni” (Ġw 18:37). Fi kliem ieħor nistgħu ngħidu li min iħobb l-imħabba jisma’ leħni. Għax, wara kollox, fit-tmiem ta’ kull jum u ta’ kull żmien, aħna se niġu ġġudikati fuq l-imħabba u dik hi l-verità li se tiġi murija lilna bħala kriterju, bħala kejl ta’ ħajjitna, tal-istorja tagħna.

Il-fedeltà ta’ Alla ma tqarraqx.

Fil-kelma ‘verità’ Ġesù jifhem il-fedeltà ta’ Alla. Alla, li meta jgħidlek ‘inħobbok’ iħobbok bis-serjetà; Alla li meta jgħidlek ‘naħfirlek’, jaħfirlek bis-serjetà; Alla li meta jgħidlek ‘ħobb u aħfer’ qed jirrakkomandalek bis-serjetà. Il-fedeltà ta’ Alla ma tqarraqx. Aħna ħafna drabi fit-triq tagħna nogħtru, niddevjaw u għalhekk hu ħallas b’demmu biex ikollna l-qawwa nirritornaw lejn it-triq tal-verità li hi t-triq tal-imħabba. Il-verità, iżjed milli hi xi ħaġa li titgħallimha bl-amment, hi atteġġjament li tgħixu. Għax min iħobb il-proxxmu jara fih ix-xbieha ta’ Alla, min iħobb il-ħolqien jifhem li ħiereġ mill-id u mid-disinn etern tal-imħabba ta’ Alla u jieqaf u jammira, jipproteġi u jgħożż.

Aħna ħafna drabi nwebbsu qalbna għal xulxin. Donnu ma tinteressaniex iżjed il-verità. Donnu dak kollu li mhux verità jattirana iżjed, jisseduċina: ir-rabja għal xulxin, il-kliem iebes, il-malafama, il-kalunja, il-vjolenza, u l-inġustizzja. Dawn kollha huma ċ-ċaħda tal-verità. “Kull min iħobb il-verità jisma’ leħni” (Ġw 18:37). Ħin minnhom Ġesù jgħid: “Jiena t-triq, il-verità u l-ħajja” (Ġw 14:6). Hu jixhed għall-verità għax jixhed fuq min hu tassew. Din il-kelma għalih hi importanti ħafna għax minn hawn u ftit mumenti wara dan il-kliem, Ġesù jiġi kkundannat għall-mewt bla ħtija, vittma innoċenti tal-inġustizzja tagħna l-bnedmin. Bħala vittma jurina l-qalb mimlija mħabba ta’ min jaħfer u jahder, iħenn, isalva u jeħles.

Il-verità teħlisna

Aħna l-komunità ta’ Ġesù, fiex aħna? Ħin minnhom Ġesù jgħid li l-verità teħliskom, li jekk nagħrfu li l-verità hi l-imħabba, ngħixu ta’ bnedmin ħielsa (ara Ġw 8:36). Allura nistgħu nifhmu u nagħrfu li meta nbejdu f’qalbna għal xulxin, nikkalpestaw lil xulxin b’mod speċjali lil min hu l-iżjed dgħajjef fostna, bil-mod il-mod inkunu qegħdin nagħmlu suwiċidju, qtil tagħna nfusna, nikkundannaw lilna nfusna għall-qerda tagħna nfusna mhux għall-ħelsien tagħna nfusna. Il-verità tagħmilkom ħielsa.

X’għandna bżonn nagħmlu bħala Knisja, bħala familja ta’ Ġesù, ngħid ukoll bħala soċjetà? Dan id-diskors mhuwiex biss konfessjonali imma jagħmel sens għal kull bniedem, għal kull persuna umana. Aħna u nħaddnu l-valuri tal-għożża tassew, tar-rispett lejn kull min hu batut, żvantaġġjat, u bi bżonnijiet speċjali, f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà nkunu qegħdin niskopru l-verità sabiħa tal-umanità tagħna. Anke Ġesù sab min ikasbru meta kien f’agunija fuq is-salib. Kultant nagħmlu hekk ma’ xulxin. “Inżel minn hemm” (Mk 15:30), qalulu. Hekk għedna wkoll uħud minna: “Aqbeż minn hemm”. Nifhmu meta ħuna u oħtna jkunu fuq is-salib? Din iġġegħelna nistaqsu wkoll is-sinifkat tar-ritwali tagħna. Kemm aħna devoti tal-Ġimgħa l-Kbira u tal-Milied li ġej fuqna! Imma nifhmu s-sinifikat profond ta’ dak li niċċelebraw? Inti tista’ tgħid li l-Ġimgħa l-Kbira tħobbha ħafna imma mbagħad tara bniedem ibati u tgħidlu biex jaqbeż. Xi tħoss l-omm li tisimgħek tgħid hekk? U jekk ikun ħuk, jew ibnek tgħid l-istess? “Kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”.

Aħna u nħaddnu l-valuri tal-għożża tassew, tar-rispett lejn kull min hu batut, żvantaġġjat, u bi bżonnijiet speċjali, f’sitwazzjonijiet ta’ diffikultà nkunu qegħdin niskopru l-verità sabiħa tal-umanità tagħna.

Aħna bħala Knisja qegħdin f’din it-triq u f’dan il-vjaġġ bħala Knisja waħda li nisimgħu lil xulxin, anke bħala Knisja Kattolika mmexxija mill-Papa Franġisku. Qegħdin f’dan il-proċess li nisimgħu lil xulxin. Imma importanti li nieqfu u nisimgħu leħen il-Mulej jgħajjat fis-sofferenza ta’ ħutna, jokrob f’kull min għandu bżonn l-għajnjuna fostna fil-Baħar Mediterran u madwar did-dinja. Anke dawk huma leħen Ġesù. “Kull min iħobb il-verità jisma’ leħni”. Min jisma’ leħen Ġesù ma jibqax komdu għax il-leħen ta’ Ġesù jċaqlaqna ’l hawn u ’l hemm u joħroġna mill-comfort zone tagħna; jisfidana nwessgħu t-tinda tagħna, inqawwu u nkabbru l-qalb tagħna. Dawn huma kriżijiet profondi imma mingħajrhom la nimmaturaw u lanqas nikbru.

Jalla l-Mulej fil-ħniena tiegħu jdaħħalna fis-saltna tiegħu ta’ mħabba, ta’ mogħdrija, ta’ għożża u ta’ verità.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: