Is-solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu li l-liturġija qed tippreżentalna llum toffrilna okkażjoni biex naħsbu ftit mhux biss dwar Kristu nnifsu, imma wkoll dwar is-saltna tiegħu.
Fl-Evanġelju naqraw li l-kuruna li kien qed iġorr f’rasu dakinhar li huwa stess iddikjara lilu nnifsu sultan ma kienetx waħda tad-deheb imma tax-xewk. It-tron li kien inkurunat fuqu kien salib. Il-ministri ewlenin li kienu fuq il-lemin u fuq ix-xellug tiegħu kienu żewġ kriminali. Fl-istess waqt il-biċċa l-kbira ta’ dawk li qiesu lilhom infushom bħala tiegħu u li huwa stess sejħilhom ħbieb, kienu ħarbu. “Lesti tixorbu l-kalċi li ser nixrob jien?” Huwa dan il-prezz tad-dixxipulat?
Imma nistaqsi lili nnifsi, kif wasalna li lil dak li huwa stess iddikjara li saltnatu mhux ta’ hawn, libbisnih bħas-slaten ta’ din id-dinja? Meta ser nindunaw li s-sultan tagħna mhux ser insibuh komdu ġol-palazzi imma jiġri mat-toroq, ifittex li dawk mitlufa biex jaqlalhom minn ma riġlejhom ix-xewk li jkunu ġabru matul it-triq, biex wara jżidu mal-kuruna ta’ rasu? Jista’ jkun li dan huwa il-gawhar li jżejjen il-kuruna tiegħu?
Sa mit-Testment il-Qadim, il-Poplu ta’ Alla dejjem xtaq li jkollu sultan bħal dawk ta’ popli oħra. Lil Samwel talbuh, “Agħmlilna sultan biex imexxina bħall-ġnus kollha”. (1 Sam. 8:5) U Samwel li kien profeta, mhux għax bassar il-futur imma għax fid-dawl ta’ dak li kien ġa ġara għaraf x’għad jista’ jiġri, weġibhom,
“Is-sultan li jsaltan fuqkom; jeħdilkom is-subjien tagħkom, u jqegħedhom mal-karrijiet u maż-żwiemel, u jiġru quddiem il-karru tiegħu. U jagħmel minnhom kaptani ta’ elf u ta’ ħamsin raġel, biex jaħartu l-ħrit tiegħu, u jaħsdu l-ħsad tiegħu, u jaħdmu l-għodod għall-gwerra u t-tagħmir għall-karrijiet tiegħu. U jieħu l-bniet tagħkom biex jaħdmu l-fwieħa, isajjru u jagħġnu. U mir-raba’ tagħkom, mill-oqsma tad-dwieli tagħkom, u taż-żebbuġ tagħkom jieħu l-aħjar, u jagħtihom lill-qaddejja tiegħu.”
F’kelma waħda, ried jgħidilhom li dawn is-slaten tad-dinja jerdgħu demm il-poplu. Imma Kristu Sultan mhux hekk. Kristu ta demmu kollu biex jifdi lil kulħadd. Minn dejjem kien, għadu u jibqa’, is-sultan tal-periferiji mhux tal-palazzi. Jekk irrid insibu, allura ma nistax nibqa’ komdu, magħluq għall-irdoss tal-istrutturi li bnejna, kemm jekk dawn huma tal-ġebel u kemm jekk mod ieħor. Jekk qed naħsbu li fiċ-ċentralizzazzjoni tagħna nfusna ħa nsibu s-soluzzjonijiet li ninħtieġu, allura qegħdin niżbaljaw.
Hawn niġi għal domanda oħra li qajjem f’moħħi Monsinjur Arċisqof Charles Scicluna ftit tal-jiem ilu f’wieħed mid-diskorsi li għamel. Jiena, li forsi b’arroganza dejjem qist lili nnifsi wieħed minn ta’ ġewwa, jista’ jkun li qiegħed fil-periferija u li dawk li dejjem qisthom bħala barranin, huma eqreb minni lejn Kristu Ġesù?