Bejn Ġwanni l-Battista u Ġużeppi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 5 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fil-Quddiesa ta’ Għeluq is-Sena Ġużeppina. Parroċċa San Ġużepp Ħaddiem, B’Kara.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Hemm kuntrast qawwi li jidher bejn San Ġwann il-Battista u San Ġużepp.  San Ġwann il-Battista kien “leħen jgħajjat fid-deżert”. Kien leħen qawwi, leħen sod, li nstama’ minn ħafna. San Ġużepp ma kienx leħen jgħajjat, anzi kien leħen li lanqas jinstema’, għax fl-Evanġelju ma ssibx x’qal. San Ġwann il-Battista kien jiġbor ħafna nies madwaru, u lilhom iwassal il-messaġġ tat-tħejjija għall-Mulej. San Ġużepp, fil-ħajja tiegħu, insibuh biss fil-familja, ma’ Marija u Ġesù.  

Imma anke jekk hemm dan il-kuntrast kbir, hemm ukoll rabta kbira. Meta llum, fl-Evanġelju, Ġwanni l-Battista jgħid “hejju t-triq tal-Mulej”, Ġużeppi kien wieħed minn l-aktar li ħejjielu t-triq, li ħejjielu post li seta’ jilqgħu.  U jekk fl-Evanġelju Ġwanni jgħid lin-nies biex iħejju t-triq ħalli “l-bnedmin kollha jaraw is-salvazzjoni ta’ Alla”, Ġużeppi, flimkien ma’ Marija, kienu l-ewwel li raw is-salvazzjoni ta’ Alla, in-nies li rawha l-aktar mill-viċin.

Il-verità hi li San Ġwann il-Battista u San Ġużepp it-tnejn kellhom missjoni mingħand Alla, u t-tnejn qdewha b’fedeltà, anke jekk b’modi differenti. Forsi San Ġużepp hu aktar viċin tagħna, għax aktar nassoċjaw ruħna miegħu fil-ħajja tiegħu ordinarja ta’ familja u xogħol.

Nixtieq li fl-għeluq ta’ din is-sena ddedikata lil San Ġużepp, naħsbu fuq dak li jista’ jgħidilna għall-ħajja tagħna anke wara l-għeluq ta’ din is-sena. Insemmi tliet punti fost ħafna li tista’ ssemmi fuqu, li jiswew għall-ħajja tagħna. 

Bniedem li jisma’

San Ġużepp kien bniedem li jisma’. Dejjem ngħidu li fl-Evanġelju ma nsibux x’qal, imma kull meta nsibuh, dejjem insibuh qed jisma’. Jisma’ lill-anġlu, il-messaġġ li Alla bagħatlu permezz tal-anġlu għal erba’ darbiet; jisma’ lill-oħrajn, bħalma sema’ lil Ġesù, meta ntilef fit-tempju u marru jfittxuh, hu u Marija. Dejjem għalhekk jisma’ lil Alla u lill-oħrajn, u permezz tagħhom jisma’ dak li huma s-sinjali għall-ħajja tiegħu.  

Fil-fatt, meta ngħidu li kien jisma’, ma kienx jisma’ biss il-ħsejjes b’widnejh, imma jisma’ bis-serjetà bil-qalb u, fejn hemm bżonn ukoll, meta jisma’, jibdel il-pjanijiet tiegħu kif għamel aktar minn darba wara l-messaġġ li Alla bagħatlu.

F’dan hu eżempju sabiħ għalina, biex aħna, kemm bħala Knisja komunità u anke individwalment, inkunu nies li nisimgħu. Din hi s-sejħa li qed tagħmel il-Knisja f’Malta lilna lkoll, u qed jagħmel ukoll Papa Franġisku għall-Knisja universali – biex aħna nkunu aktar nies li nisimgħu. Nisimgħu lill-oħrajn, nisimgħuhom mhux biss jitkellmu imma nisimgħuhom bil-qalb. Nisimgħu l-istejjer ta’ tant nies, stejjer sbieħ u stejjer diffiċli ta’ tbatija. Aħna u nisimgħu, inkunu diġà qed ngħixu l-Evanġelju.

Meta ngħid “nisimgħu”, ifisser li nisimgħu bil-qalb, għax aħna nistgħu nisimgħu ħafna u ma nagħtu każ xejn – bħal meta tisma’ ħafna esperti jgħidulek “oqgħod attent”, u int twebbes rasek u tgħid “smajthom, imma qishom ma qaluli xejn”. Mhux hekk irridu nisimgħu, imma nisimgħu bil-qalb, u hemmhekk inkunu diġà qed ngħixu l-Evanġelju. Hemm tant nies fil-komunità li jkunu waħedhom jixtiequ l-ewwel min jismagħhom; tant anzjani fid-djar tagħhom jew fl-isptarijiet jixtiequ min jismagħhom. Hemmhekk inkunu diġà qed naqdu l-missjoni tagħna bħala Nsara kif jgħallimna San Ġużepp.

Bniedem li jgħożż il-ħajja

San Ġuzepp kien bniedem li jgħożż il-ħajja, u jipproteġi l-ħajja. Meta nsibuh fl-Evanġelju, hu dejjem dak li qed iħares il-ħajja: ta’ Marija, jew ta’ Ġesù, jew tagħhom flimkien. Sa mill-bidu, meta ma setax jifhem x’qed jiġri b’Marija, kif kienet tqila, u ma kienx jaf li ġejja minn Alla, x’għamel f’moħħu? Li jibgħatha bil-kwiet. Għaliex? Biex jipproteġi ħajjitha, għax kieku kienu jħaġġruha. U hekk għamel ma’ Ġesù minn qabel twieled – kien diġà qed jaħseb kif jipproteġi l-ħajja tiegħu. Hekk għamel meta kellu bżonn jaħrab mal-familja lejn l-Eġittu, biex jipproteġi l-ħajja tagħhom.

San Ġużepp jgħallimna l-għożża tal-ħajja: li aħna għandna ngħożżu l-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha sat-tmiem naturali tagħha, u f’kull waqt tagħha. Hija din l-għożża tal-ħajja li hi espressjoni sabiħa ta’ dak li nemmnu. Kemm hi sabiħa li aħna ngħaddu din l-għożża tal-ħajja fil-familji tagħna, biex mindu żgħar, it-tfal, l-adolexxenti u ż-żgħażagħ jgħożżu l-ħajja u dak kollu li jħarsilhom il-ħajja!

Bniedem li jħobb

San Ġużepp kien bniedem li jħobb. Kienet din l-imħabba kbira li mexxietu fil-ħajja tiegħu. Meta kien iħares lejn l-oħrajn, ma kienx jara x’se jieħu minnhom, x’se jakkwista minn fuq daharhom, imma x’se jagħti hu lilhom frott tal-imħabba tiegħu. Għalhekk kien ifittex li jara l-interessi tal-oħrajn, kif narawh dejjem. Jaħseb f’Marija u f’Ġesù, kif jagħmel il-ħajja tagħhom isbaħ u kif jagħmel il-ħajja tagħhom aħjar. Din kienet frott tal-imħabba li kienet tmexxih dejjem.

Hu messaġġ sabiħ għalina, għax fl-aħħar mill-aħħar dak hu l-aktar importanti fil-ħajja tagħna – fil-ħajja tal-familja tagħna, il-ħajja ordinarja ta’ kuljum – kemm tmexxina din l-imħabba lejn Alla u lejn l-oħrajn. Hemm naraw kemm il-ħajja fiha sinifikat: meta aħna nkunu nies li nħobbu kif għallimna Ġesù, u kif jurina b’mod sabiħ San Ġużepp fil-ħajja tegħu.

Nitolbu lil San Ġużepp illum biex jħares lilna, lill-familji tagħna, lil din il-komunità parrokkjali, u lill-Knisja universali wkoll; u speċjalment biex jgħinna f’dawn it-tliet affarijiet li tant jiswew għall-ħajja tagħna: li bħalu nkunu nies li nisimgħu bil-qalb, li ngħożżu l-ħajja, u li dejjem tmexxina f’ħajjitna l-imħabba kbira lejn Alla u lejn l-oħrajn.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: