Ġwanni Pawlu II fil-Kulleġġ Ġermaniku Ungariku

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA FIL-KAPPELLA TAL-KULLEĠĠ PONTIFIĊJU ĠERMANIKU UNGARIKU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLIU II
Ruma, 18 ta’ Ottubru 1981

Għeżież studenti, għeżież Patrijiet u aħwa tas-Soċjetà ta’ Ġesù,
għeżież sorijiret, għażiża familja tal-Kulleġġ!

  1. Fl-ewwel ittra lit-Tessalonkin li mil-lum ‘il quddiem se tkun moqrija fil-liturġija tal-Ħdud, l-Appostlu Pawlu jikteb flimkien ma’ Silvanu u Timotju: “Iva konna ddeċidejna deċiżament li niġu għandkom…” (1Ts 2,18).

Fl-intervall bejn iż-żewġ vjaġġi pastorali fi tnejn minn artijiet twelidkom, fil-Ġermanja u fl-Isvizzera, kien imħabbar li l-Papa kellu jagħmel żjara wkoll fil-Kulleġġ Pontifiċju Ġermaniku Ungariku.

Intom tafu x’għamel impossibbli din iż-żjara u l-vjaġġ ipprogrammat fl-Isvizzera. Imma intom tafu wkoll “li kollox iseħħ għall-ġid ta’ dawk li jħobbu lil Alla” (Rm 8,28). U fl-aħħar illum ingħatatilna l-laqgħa mixtieqa li qiegħda sseħħ b’ferħ iktar profond u bi gratitudni u disponibiltà ferm ikbar lejn Alla.

Flimkien mal-qari tallum nara jien ukoll fikom “komunità… li tgħix f’Alla Missier u f’Sidna Ġesù Kristu” (1Ts 1,1), u kif Pawlu “niżżi ħajr lil Alla għalikom minħabba l-impenn tagħkom fil-fidi, għall-attività tagħkom fil-karità, għat-tama kostanti tagħkom f’Sidna Ġesù Kristu” (cf. 1Ts 1,2s). Mimli ferħ nistà ngħajjat flimkien mal-Appostlu: “Aħna nafu sewwa, ħuti maħbuba ta’ Alla, li kontu magħżulin minnu” (1Ts 1,4). Din l-għażla divina fi Kristu tgħodd għall-membri kollha tal-Poplu ġdid ta’ Alla; imma b’mod speċjali din tgħodd għal dawk li huma msejħin għal sekwenza iktar fidila u imitazzjoni ta’ Kristu.

Intom, għeżież saċerdoti u seminaristi tal-Kulleġġ Germaniku Ungariku, ġejtu magħżula għal din is-sejħa partikolari. Il-wirt storiku tal-Kulleġġ tagħkom jiġġustifika l-kburija li tappartienu lilu; imma din tħeġġiġkom ukoll għal impenn umli. Intom kontu msejħa, fl-intenzjoni tal-fundatur, biex tħabbru l-Bxara t-Tajba f’Artijiet Twelidkom u b’mod speċjali biex taqdu dik l-unità li Ġesù kien jippriedka u li tagħha l-kristjanità (mhux intom biss!) tħoss b’mod profond il-bżonn. Jalla Artijiet Twelidkom, darba waħda l-punti tat-tluq tal-firdiet, ikunu jistgħu issa jkunu wkoll punti tat-tluq għar-rikonċiljazzjoni.

2. Biex nenfasizza l-importanza partikolari tal-eżempju ekumeniku ta’ żmienna, kienet ix-xewqa partikolari tiegħi li nwettaq propju fis-Sena tal-Ġublew tal-Istqarrija Awgustana żjara pastorali fil-Ġermanja fejn Alla ppermettieli li nwettaq laqgħat għonja ta’ risq u ġid mar-rappreżentanti tal-Knejjes kristjani l-oħra – ħaġa li aħna nittamaw b’mod ardenti li sseħħ, bil-grazzja ta’ Alla, ukoll fil-vjaġġ mixtieq tagħna fl-Isvizzera.

Iż-żjara memorabbli tiegħi fir-Repubblika Federali Ġermaniża fl-okkażjoni tas-VII Ċentinarju tal-mewt ta’ San Albertu l-Kbir swiet naturalment qabel xejn għal ħuti rġiel u nisa fil-fidi, għal esperjenza iktar dettaljata tal-komunjoni ekkleżjali fl-effiċjenza komuni ta’ grazzi lil Alla u fil-bdil fratern, swiet għal tiġdid u riflessjoni fuq il-ħajja reliġjuża fil-familji u fil- komunitajiet. Imma propju rigward dak li għidna din iż-żjara swiet fl-istess ħin għall-aspirazzjoni l-kbira tal-Ekumeniżmu: “ut unum sint” (cf. Ġw 17,21). Għaliex Knisja waħda biss ħajja u b’għeruqha fil-fidi tagħha tistà tkun Knisja ta’ djalogu veru.

3.Il-qari tat-Testment il-Qadim fil-liturġija tallum iġibilna quddiem għajnejna kemm hija immeritata l-għażla tagħna u kemm tinħtieġ radikalità: “Jiena sejjaħtlek b’ismek, tajtek titlu minkejja li inti ma tafnix. Jiena l-Mulej u mhemmx ieħor għajri; barra minni mhemmx Alla ieħor” (Iż 45,4-5).

Il-Vanġelu  li għadna kemm smajna jurina kif il-Mulej jikkontrobbilanċja għall-esiġenzi tad-dinja is-sejħa  totalitzzanti ta’ Alla: “Agħtu lil Ċesare dak li huwa ta’ Ċesare u lil Alla dak li huwa ta’ Alla!” (Mt 22,21).

Din is-sentenza stabbilita mill-Vanġelu tissupera l-kuntest tad-disputa ta’ Ġesù mal-Fariżej u ssir kunċett muftieħ għas-superament tal-firda bejn l-eżistenza tagħna fid-dinja u t-tendenza tagħna ta’ Alla. Min jieħu bis-serjetà l-interdipendenza tagħna mal-kożmu u mas-soċjetà irid joqgħod attent mitt-traskuraġni tat-talba ta’ Alla. Min jagħmel minn Alla iċ-ċentru konxju ta’ ħajtu irid iqis li hu għandu fl-istess ħin id-dmir li jwieġeb għalll-esiġenzi tal-konvivenza umana u tal-ħolqien ta’ Alla.

Għeżież studenti tal-Kulleġġ Ġermaniku Ungariku! Fl-isforz personali li nqisu b’mod konġjunt it-tensjoni tagħna lil Alla u  r-residenza tagħna fid-dinja u l-għixien konsegwenti, jistà jgħinkom il-fatt li l-Kulleġġ tagħkom kien imwaqqaf minn San Injazju ta’ Loyola, li l-ispiritwalità tiegħu tiġi kkomunikata lilna f’din id-dar, Skont il- “principium et fundamentum” li huwa ħallielna fil-Ktieb tiegħu tal-Eżerċizzi, il-bniedem inħoloq “biex ifaħħar lil Alla Mulej tagħna. Jonorah u jservih u b’dan il-mod isalva ruħu. L-affarijiet l-oħra fuq l-art inħolqu għall-bniedem, biex jgħinuh fil-kisba ta’ dan l-iskop” (Exercitia spiritualia, 23).

Jalla ħajjitkom tirrendi dejjem lill-ġisem, lin-natura, lid-dinja, lill-istrutturi umani dak li jmiss lilhom, mingħajr ma qatt jiġu assorbiti minn dawn, imma għall-kuntrarju billi jirrendu f’kollox  qima lil Alla kif jgħallimna Injazju!” (Exercitia spiritualia, 24). Mela kunu denji tal-vokazzjoni tagħkom saċerdotali; kunu għall-fidili u għad-dinja “sursum corda” ħajja”.

F’dawn is-snin tal-kulleġġ intom ħielsa minn dak ix-xogħol li iktar tard se jkun l-isforz u l-ferħ tagħkom. Għas-servizz ġejjieni għax-xandir tal-Kelma issa intom imsejħa għas-smigħ tal-Kelma għall-istudju fidil u kultant iebes ukoll. Jistà jkun li għandkom xi biżà li l-kuntatt twil mal-kotba se jirrendilkom diffiċli r-rapport mal-bnedmin. Imma qisu wkoll iċ-ċans li qed jiġi offrut lilkom li tiksbu basket spiritwali solidu f’ġabra trankwilla qabel ma tassumu fuqkom “l-inkwiet ta’ kuljum, l-ansjetà għall-Knisja kollha” (cf. 2Kor 11,28). Ir-rapport u l-familjarità mal-bnedmin nitgħallmuhom fil-kuntatt ma min issa huwa qribna. Agħtuhom dik l-attenzjoni viġilanti, rispettuża, sensibbli, ġeneruża li biha f’isem Ġesù tixtiequ fil-futur tindirizzaw lill-fidili tagħklom.

4. Il-mużajk tal-arzella tal-Knisja tagħkom turi lil Marija Sultana tal-Appostli, għarusa tal-Ispirtu Santu, Omm il-Knisja. F’dan il-Jum tal-Missjonijiet nirrakkomandaw Lilha lil dawk li darba kienu studenti ta’ dan il-Kulleġġ u issa, billi segwew is-sejħa speċjali ta’ Alla, saru missjunarji bħala patrijiet jew inkella – skont l-indikazzjoni tal-“Fidei donum” u bl-approvazzjoni ġeneruża tal-Isqfijiet tagħhom – bħala saċerdoti dijoċeżani. L-ispirtu tagħhom missjunarju jalla janima wkoll lil dawk li minn hawn b’mod konformi mal-ispirtu tal-fondazzjoni tal-Kulleġġ, jerġgħu lura f’Artijiet Twelidhom wara li jkunu assimilaw il-ħsieb u r-ruħ universali tal-Knisja li jiġi msawwab fihom b’mod hekk abbundanti f’din il-belt kożmopolitana, u  jqanqluh min-naħa tagħhom fil-qasam tagħhom.

B’ferħ kbir stajt nisperimenta l-ħsieb u r-ruħ missjunarja, it-talb u s-sagrifiċċju tal-Knisja fil-Ġermanja waqt iż-żjara pastorali tiegħi – bħala tensjoni tal-individwu, tal-familji, tal-komunitajiet, tad-dijoċesijiet u fl-opri interdijoċesasni “Missio” e “Adveniat”.

Permezz ta’ dan l-impenn tal-Knejjes lokali individwali, it-talb kostanti u s-sagrifiċċju tal-fidili kollha jistà jsir dejjem iktar veru dak li s-salmista jħeġġiġna fil-liturġija tallum: “Għannu lill-Mulej mill-art kollha! F’nofs il-popli rrakkontaw il-glorja tiegħu, lin-nazzjonijiet kollha xandru l-għeġubijiet tiegħu!” (Sal 95,1-3).

Għeżież ħuti!” Il-Kulleġġ Ġermaniku Ungariku jiġbor hawn f’Ruma qrib il-Katedra ta’ Pietru s-saċerdoti u s-seminaristi ta’ diversi lsna u nazzjonijiet. Dan hekk isir b’mod partikolari post ta’ laqgħa, ta’ formazzjoni ta’rbit, ta’ għaqda bejn id-diversi Knejjes lokali tal-Ewropa. Jalla l-Kulleġġ ikompli japprofondixxi u jsaħħaħ din l-unità tal-Knisja li tagħha Ruma hija sinjal u punt ċentrali.

Lis-Superjuri kollha, il-Kollaboraturi u l-istudenti, tal-imgħoddi u dawk preżenti ta’ dan il-Kulleġġ stmat, kulfejn qegħdin iservu f’dan il-waqt lill-Knisja ta’ Ġesù Kristu, ejjew f’dan il-jum ta’ festa nitolbu bil-kliem tal-liturġija tallum: “Alla Omnipotenti, int il-Mulej u s-Sid tagħna. Irrendi r-rieda tagħna biex issegwi dak li tordna u agħtina qalb li taqdik fedelment”. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: