Ġwanni Pawlu II fil-Viżta Pastorali fil-parroċċa ta’ San Tumas ta’ Villanova.

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI FIL-PARROĊĊA TA’ SAN TUMAS TA’ VILLANOVA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Castelgandolfo, 11 ta’ Ottubru 1981

1. Niżżi ħajr bil-qalb għall-istedina magħmula lili biex inżur il-knisja parrokkjali ta’ Castel Gandolfo, Waqt li ninsab fid-dijoċesi ta’ Albano nixtieq bil-qalb insellem lid-dijoċesi kollha fil-persuni tal-Kardinali titulari Francesco Carpino u tal-Isqof, Mons. Gaetano Bonicdelli.

U nsellem lill-parroċċa waqt li nindirizza lil dawk kollha preżenti, lill-kappillan, lill-kollaboraturi tiegħu fil-pastorali, lill-Kongregazzjonijiet reliġjużi maskili u femminili, u lill-parruċċani kollha. B’mod partikolari nsellem lil-lajċi kollha li, waqt li jgħixu fil-parroċċa, jiżvolġu f’diversi modi dawk id-dmirijiet ta’ apostolat, li dwarhom qalilna tant ħwejjeġ l-aħħar Konċilju.

Din is-sena ġejt Castel Gandolfo fis-6 ta’ Awissu, wara rikoveru fl-isptar li ħa diversi xhur, biex inkun nistà nwettaq hawn il-konvalexxenza, Dakinhar li wasalt, waqt li sellimt lill-abitanti miġbura fil-pjazza ewlenija, għidt, waqt li ndikajt il-knisja parrokkjali tagħkom: “Ġo Castel Gandolfo wieħed jgħix fil-prospettiva ta’ Marija Mtellgħa s-Sema”. Lilha nfatti hija ddedikata l-parroċċa tagħkom. Illum, waqt li ngħatali li noffri dan is-sagrifiċċju ewkaristiku f’din il-knisja, nixtieq mill-ġdid intenni dan il-kliem b’qalbi kollha.

2. Irrid ukoll niżżikom ħajr, għaliex matul il-vaganza tiegħi hawn intom tiffaċilitawli t-twettiq ta’ dawk il-ministeri pastorali, li huma marbutin mal-missjoni tal-Isqof ta’ Ruma, b’mod partikolari il-laqgħa ta’ pellegrini numerużi li l-Ħadd jitilgħu hawn fuq għar-reċta komuni tal-Angelus, bħal ma seħħ ukoll, f’dan il-perijodu, kull nhar ta’ Erbgħa, sal-Gimgħa l-oħra meta erġajt bdejt l-udjenzi f’Ruma.

Il-liturġija tallum, bil-kliem tas-Salm 23, titkellem dwar il-Mulej li huwa r-Ragħaj tal-poplu tiegħu, Ragħaj ta’ kull ruħ: tassew ir-Ragħaj it-Tajjeb.

Huwa hu dak li jiggarantixxi lill-merħla tiegħu, li hija aħna, l-abbundanza u r-sikurezza tal-mergħat tal-grazzja tiegħu. Il-Mulej għalhekk huwa s-sors tal-ferħ tagħna: “Jekk ikollok timxi f’wied mudlam, la tibżax li jiġrilek xi ħsara, għaliex inti miegħi” (Sal 23,4). Taħt it-tmexxija tiegħu aħna moħħna mistrieħ u navanzaw faċilment fil-mixja ta’ ħajjitna u tar-responsabiltajiet tagħna.

3. San Pawl fl-Ittra lill-Filippin jittraduċi, f’ċertu sens, it-test tas-Salm Qadim fil-lingwa tat-Testment il-Ġdid, meta jikteb: “Alla tiegħi, min-naħa tiegħu,  jimla kull bżonn tagħkom skont l-għana tal-glorja f’Ġesù Kristu” (Fil 4,19).

Inħeġġiġkom, għeżież ħuti, biex tgħixu l-istess fidi tal-Appostlu!. Ejjew infittxu din l-għana, li Alla joffri lill-bnedmin f’Ġesù Kristu! Ejjew inkunu nafu ntennu mal-Appostlu: “Kollox nistà f’dak li jagħtini l-qawwa” (Fil 4,13).

Sfortunatament, illum, bosta bnedmin donnhom m’għandhomx is-sens tal-għana spiritwali li tiġi mill-komunjoni mal-Mulej. Bosta huma ttraduti minn atteġġjament materjalistiku u lajċista, li ma jridx jintebaħ b’din id-dimensjoni superjuri tal-bniedem. Hemm bżonn noqogħdu b’sebà għajnejn minn dawn il-prospettivi sekolaristiċi. Għalhekk hija meħtieġa konverżjoni kontinwa tal-moħħ u tal-qalb.

Hekk biss l-għana ta’ Alla, offerta lill-bnedmin fi Kristu, tirrivela ruħha dejjem iktar fil-milja tagħha għall-ħars tal-erwieħ tagħna.

4. U għalhekk ukoll fl-okkażjoni tal-laqgħa tallum mal-parroċċa tagħkom nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom u lil kulħadd li ma ġġibux ruħkom fil-konfront tal-istedina għall-“festa tat-tieġ għal ibnu”, kif għadna kif smajna fil-Vanġelu tallum.

Infatti l-ewwel mistednin ma “ridux jiġu” (Mt 22,3); oħrajn imbagħad “ma ħabblux moħħhom” (Mt 22,5); oħrajn saħansitra waslu li jinsulentaw u joqtlu lill-qaddejja li wasslu l-istedina (cf. Mt 22,6). Dawn kollha, fil-verità “ma kienx jixirqilhom” (Mt 22,8), probabilment għaliex bi preżunzjoni bla precedent u awtosuffiċjenti stmaw il-festa inutli jew inkella inferjuri għall—esiġenzi u l-pretensjonijiet tagħhom. Fil-fatt kienu l-foqra li aċċettaw l-istedina, dawk li kienu jintasbu “f’salib it-toroq…, tajbin u ħżiena” (Mt 22,9.10), jiġifieri dawk li fl-umiltà tagħhom għarfu l-għana immeritata tad-don ta’ Alla u aċċettawh b’sempliċità. Hemm bżonn li wkoll aħna inkunu qabel kollox koxjenti tal-istedina għall-komunjoni trasformanti mal-Mulej, li titwassal lilna mill-Kelma ta’ Alla u mill-predikazzjoni tal-Knisja; u barra minn hekk, li nkunu nafu nilqgħuh b’qalbna kollha, b’disponibiltà sħiħa, fiċ-ċertezza li l-Mulej irid biss il-promozzjoni tagħna., is-salvazzjoni tagħna. Fl-aħħarnett, bħal ma tissuġġerixxi l-allegorija tsal-libsa tat-tieġ li ttemm il-parabbola, aħna wkoll imsejħa biex nippreżentaw ruħna lill-Mulej  lebsin ilbies addattat; dan jikkonsisti fl-opri tajbin li għandhom isegwu l-fidi tagħna, bħal ma jwissina l-istess Ġesù: “Jekk il-ġustizzja tagħkom (jiġifieri ħajjitkom migħuxa) ma taqbiżx dik  tal-iskribi u tal-Fariżej , ma tidħlux fis -saltna tas-smewwiet” (Mt 5,20). Imma jekk dan jitwettaq, allura l-festa tkun sħiħa u qawwija.

5. Naħseb li l-awguri li llum se nestendi lill-parroċċa ta’ Castel Gandolfo, lill-parruċċanai kollha tagħha, huma miġbura bl-aħjar mod u l-iktar inċiżiv fil-kliem, li smajna flimkien mal-kant tal-“Alleluia”: “Missier il-Mulej tagħna Ġesù Kristu jagħtina l-ispirtu tal-għerf, sabiex inkunu nistgħu nagħrfu liema hija t-tama tas-sejħa tagħna” (cf. Ef 1,17-18).

Ippermettu li b’dan il-kliem ta’ San Pawl nesprimi dak kollu li, f’qalbi, inħoss lejkom, għeżież ħuti, li tgħixu hawn f’Castel Gandolfo fil-prospettiva tal-Assunzjoni ta’ Omm Alla. Lilha wkoll nirrikorri b’talba mħeġġa, sabiex tgħin  fit-twettiq ta’ dawn ix-xewqat qaddisa. Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: