Il-Milied huwa festa ta’ ferħ mhux mil-lat soċjali biss iżda aktar fuq livell spiritwali.

Print Friendly, PDF & Email

Riflessjoni fuq il-Milied

1• Ġesù sar bniedem bħalna

L-ewwel nett għandna biex nifirħu li l-Iben ta’ Alla sar bniedem bħalna f’kollox minbarra mid-dnub. Il-bniedem ġie maħluq fuq xbieha ta’ Alla. U avolja l-bniedem dineb baqa’ xbieha ta’ Alla. Bil-miġja ta’ Sidna Ġesù Kristu fid-dinja kiseb dinjità akbar. L-Iben ta’ Alla ma hax is-sura ta’ anġlu li huwa superjuri għalina l-bnedmin iżda ta’ bniedem. Xi teoloġi jsostnu li d-dnub tal-anġli kienet ribelljoni ta’ suppervja meta semgħu li Ġesù Kristu ser jieħu n-natura ta’ bniedem. Il-qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Attard kien iħobb isemmi kwotazzjoni tal-kittieb George Bernanos li jgħid: ““Hemm f’kull qatra ilma l-istess ilma fl-oċean, f’kull ġamra l-istess nar li hemm fix-xemx, u f’kull bniedem l-istess Bin il-bniedem li hemm f’Ġesù.”

Meta nħarsu lejn il-presepju nifirħu meta naraw lil Ġesù tarbija fil-maxtura. Hawnhekk nilmhuh bħat trabi l-oħra jibda l-kors ta’ ħajtu fuq din l-art. Iżda d-dehra tiegħu fil-maxtura għandha tfakkarna li din it-tarbija mhijiex bniedem biss iżda l-Iben ta’ Alla li sar bniedem. San Alfons de Liguori fil-għanja tal-Milied “Ħallejt o Alla is-sema jikteb” :

Ħallejt o Alla s-sema,

Biex tgħix fost il-bnedmin

Sirt bniedem wieħed minna

Biex tifdi lill-ħatjin

2• Ġesù huwa l-Iben ta’ Alla li sar bniedem

L-idea ta’ inżul mis-sema hija kollha kemm hija bibblika. Fit-Testment il-Qadim insibu d-dehra ta’ Alla li Ġakobb kellu f’Betel. Il-ktieb tal-Ġenesi jgħidilna: “U ħolom u jara sellum wieqaf fl-art, u rasu tmiss mas-sema, u jara l-anġli ta’ Alla telgħin u neżlin miegħu. U l-Mulej kien qiegħed fuqu” (28,12). Dan is-sellum bl-anġli telgħin u neżlin miegħu huwa figura li turi kemm il-miġja ta’ Kristu qarrbet lill-bniedem lejn Alla.

Fil-ktieb tal-profeta Isaija nsibu l-profezija f’forma ta’ tnehida li tgħid: “Mhux li kont iċċarrat is-smewwiet u tinżel u quddiemek jitheżżu l-iġbla” (63,19b). Fl-istess ktieb insibu t-tama mis-sema f’forma ta’ stennija. Insibu miktub: “Qattru, ja smewwiet, mill-għoli, u ha jraxxax is-sħab ir-rebħ” (Is 45, 8)

Fil-ktieb tal-profeta Danjel insibu miktub: “Billejl deherli li qiegħed nara bħal Iben ta’ bniedem, ġej fis-sħab tas-sema, li baqa’ sejjer sax-Xiħ fil-għomor u tressaq quddiemu. U lilu ngħatat ħakma, ġieħ u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens u poplu u lsien. Il-ħakma tiegħu ħakma għal dejjem, li ma tgħaddix, u s-saltna tiegħu li ma tinqeridx” (7, 13-14).

Sidna Ġesù Kristu stess isemmi l-inżul tiegħu mis-Sema fil-Kapitlu VI ta’ San Ġwann meta jqabbel lilu nnifsu mal-manna li ġiet mis-sema bħala ikel għall-poplu Lhudi. Huwa stess jgħidilna: “dan hu l-ħobż li niżel mis-sema, biex min jiekol minnu ma jmutx. Jien hu l-ħobż ħaj li niżel mis-sema, biex min jiekol minnu jgħix għal dejjem (Ġw 6, 50-51a).

Fuq kollox ma nkunux għedna kollox jekk ma nistqarrux li l-miġja ta’ Kristu fid-dinja seħħet bil-kooperazzjoni tal-Verġni Marija li tat-“Iva” tagħha lill-anġlu Gabrijiet sabiex huwa jkun jista’ jitnissel fil-ġuf tagħha mill-Ispirtu s-Santu filwaqt li tatu t-twelid fil-għar ta’ Betlem.

3• Ngħixu ta’ nsara fil-Milied.

Dawn il-ħsibijiet sbieħ għandhom jimbutawna sabiex niċċentraw ħajjitna madwar Sidna Ġesù Kristu li tant ħabbna ġie fostna l-bnedmin. Iżda nkunu nonqsu jekk ma narawx lil Kristu fil-proxxmu tagħna li anki jista’ jagħtina l-inkwiet jew ikun imbiegħed minn Alla. Proxxmu huwa wkoll dak li ma nistgħu nieħdu xejn minnu iżda għax fil-bżonn għandna ngħinuh.

Fuq kollox il-Milied jistimulana biex inħossu li Kristu huwa qrib tagħna avolja kultant ma nħossuhx. Anki għal dawk li forsi f’dawn il-festi tal-Milied għaddejjin minn xi forma ta’ tbatija għandhom jitfarrġu peress li prinċipalment din hija festa ta’ Kristu. Iċ-ċelebrazzjonijiet l-oħra li jiġu mal-Milied bħal ikliet u parties għalkemm jsebbħu l-atmosfera iżda huma sekondarji u mhumiex l-essenzjali.

Ġesù huwa l-manna tal-Ġdid Testment. Huwa l-ħobż li ħaj li niżel mis-sema biex aħna nkunu nistgħu nitrejqu fih. Iżda ta’ min jinnota li Ġesù tant ħabb lill-bniedem li ħallielna l-Ewkaristija li hija ta’ konsolazzjoni u faraġ għan-nisrani

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: