Il-Knisja toffri għajnuna lill-migranti maqbuda fuq il-baħar

Print Friendly, PDF & Email

Il‑Knisja f’Malta permezz tal‑Kummissjoni Migranti, il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi u l‑JRS tappella lill‑awtoritajiet biex jieħdu azzjoni immedjata u jassiguraw li l‑persuni li qed ifittxu l‑ażil, li bħalissa jinsabu maqbuda bejn sema u ilma, jingħataw kenn u jiġu salvati.

Il‑ġimgħa li għaddiet ’il fuq minn 220 tfal, nisa u rġiel ġew salvati minn Sea Eye miż‑żona ta’ tfixxija u salvataġġ Maltija għadhom maqbuda bejn sema u ilma, f’kundizzjonijiet ta’ temp li qed jiggravaw, wara li Malta rrifjutat li tagħti aċċess fil‑portijiet tagħha. Ilbieraħ Alarm Phone rrappurtaw li hemm 70 persuna oħra li jinsabu f’diffikultà u qed jitolbu għall‑għajnuna fiż‑żona ta’ tfittxija u salvataġġ Malti.

Il‑Knisja f’Malta temmen bis‑sħiħ li huwa inuman u illegali li n‑nies jitħallew mitluqa bejn sema u ilma, u l‑esperjenza turi li din l‑istrateġija ma sservix ta’ deterrent biex tieqaf il‑migrazzjoni sfurzata iżda tipperikola l‑ħajja bla bżonn.

Kif ilha tagħmel matul dawn l‑aħħar snin, il‑Knisja f’Malta lesta toffri l‑għajnuna u s‑servizzi tagħha, kif ukoll takkomoda numru ta’ persuni li qed ifittxu l‑ażil fil‑proprjetajiet tagħha, fejn bħalissa qed tilqa’ madwar 250 persuna.

Għalhekk, qed isir appell mill‑qalb lill‑Gvern Malti u lill‑awtoritajiet responsabbli biex ma jpoġġux il‑ħajja tan‑nies f’riskju permezz ta’ negozjati politiċi u diplomatiċi. Fl‑istess ħin, il‑Kummissjoni Ewropea hi mħeġġa żżid l‑isforzi ta’ solidarjetà fost l‑istati membri, sabiex tkun tista’ ssalva l‑ħajjiet u ttaffi l‑pressjoni minn fuq il‑pajjiżi tal‑fruntiera.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: