Ir-rivoluzzjoni tal-Milied 

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 25 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Anton Teuma fis-Solennità tat-Twelid ta’ Sidna Ġesu Kristu. Villa Rundle, Victoria.

Omelija mill-Isqof Anton Teuma

Qed nagħmlu quddiesa f’nofs ir-Rabat, f’dan il-ġnien fil-Villa Rundle, waqt li għaddejjin karozzi madwarna… kieku matul il-ġimgħa minn jaf x’kummerċ għaddej! Min jaf x’mixja ta’ ekonomija u ta’ flus tkun għaddejja mill-ħwienet hawnhekk, fiċ-ċentru tal-gżira tagħna ta’ Għawdex! Qegħdin niċċelebraw l-Ewkaristija hawnhekk f’jum il-Milied. Qegħdin infakkru llum xi ħaġa sempliċi, imma fl-istess ħin xi ħaġa tant essenzjali għall-ħajja ta’ kull wieħed u kull waħda minna. Xħin toqgħod tara, x’inhu l-essenzjal? Il-bniedem x’għandu bżonn l-iktar – u din il-pandemija qed tgħallimhulna – u aħna mingħajr xiex ma ngħixux?

Ħafna drabi l-ħajja tagħna ġġibna li mill-kumditajiet nagħmlu ħafna bżonnijiet. L-ewwel nibdew mill-kumdità, imbagħad jispiċċa bżonn. Sa xi għoxrin, tletin sena ilu, min kellu l-aircondition fid-dar? Illum mur għix mingħajr aircondition! Sa għoxrin, tletin sena ilu, min kellu l-mowbajl fil-but? Imma llum mur għix mingħajr mowbajl. Dak li darba kien kumdità, issa sar bżonn; imma dak li kien u hu essenzjali, dak jibqa’ essenzjali. X’inhu dan l-essenzjal? Jekk toqgħod tirrifletti, tgħid: mingħajr mowbajl tgħaddi, xi kultant ikollok tgħaddi mingħajru, għax tispiċċa jew m’għandekx reception, jew ġratlu xi ħaġa, u jkollok tistenna; mingħajr karrozza tgħaddi, għax meta tinqala’ l-ħsara, ikollok tara kif tagħmel u tistenna; mingħajr aircondition, meta jmur id-dawl, ikollok tgħaddi.

Imma x’inhi dik il-ħaġa li aħna mingħajrha ma nistgħux ngħaddu, ma nistgħux ngħixu? Hija ċ-ċelebrazzjoni li qed nagħmlu llum: fi kliem ieħor, hija l-imħabba. Hija l-imħabba l-aktar ħaġa essenzjali; u b’xorti ħażina, fil-ħajja tagħna ta’ kuljum, aktar ma nżidu fil-kumditajiet li jsiru ħtiġijiet, iktar qegħdin ninsew li l-iktar ħaġa importanti fil-ħajja tagħna hija r-rispett lejn xulxin, li nilqgħu lil xulxin, li nieħdu paċenzja b’xulxin, li nħobbu lil xulxin, u li nippruvaw nerfgħu lil xulxin.

Interessanti ħafna l-istorja tal-Evanġelju tal-lum (Lq 2:1-14). Kienu ħafna ċ-ċensimenti li nsibu fit-Testment il-Qadim, fil-Bibbja, u kienu ħafna ċ-ċensimenti li nsibu fl-istorja tad-dinja. Storiċi bħal Virġilju, Taċitu, Ġużeppi Flavju, storiċi antiki jsemmu diversi ċensimenti. L-iskop taċ-ċensiment x’kien? Għalfejn kien jagħmlu l-Imperatur jew min kien imexxi? Għal żewġ raġunijiet: biex ikun jaf kemm għandu nies, ħa jara x’forza militari jista’ jkollu, kemm għandu rġiel, għax dik kienet l-iktar ħaġa importanti; u wkoll biex ikun jaf kemm nies setgħu jħallsu t-taxxa, biex jikkontribwixxu għall-imperu, għall-pajjiż. Mela ħafna drabi, l-iskop taċ-ċensiment kien ikun sabiex min imexxi jkun jista’ jieħu minn dawk li jmexxi, ikun jista’ jinqeda b’dawk li jmexxi.

Imma meta fl-Iskrittura jkun Alla li jikkmanda, li jordna li jsir ċensiment, il-kliem użat huwa ħafna differenti. Mhux ‘mur għodd il-poplu’, mhux ‘mur ara kemm hemm nies’. Le! Alla kull meta jordna li jkun hemm ċensiment jgħid: ‘Mur u erfa’ l-irjus tan-nies, mur u agħti dinjità lil kull persuna’. Interessanti dan il-lingwaġġ, li għalkemm qiegħed fl-Iskrittura u antik, imma għadna ma drajniehx; għax iċ-ċensiment illum, l-istħarriġ illum, dejjem bl-istess skop isir: x’nistgħu nieħdu. Kemm ċensimenti jsiru, ngħidu aħna, mill-azjendi kummerċjali, minn kumpaniji kummerċjali. Kemm ċensimenti jsiru minn Facebook, minn Twitter u mezzi soċjali oħra li nużaw! Għalfejn isiru dawn iċ-ċensimenti? Biex jaqdu lilna, jew biex jieħdu mingħandna? Iċ-ċensiment Alla jagħmlu biex jerfa’ l-irjus tal-poplu, biex jerfa’ r-ras ta’ kulħadd. Rashi, rabbi Lhudi famuż ħafna li għex fil-Medjuevu, jgħid li Alla meta jagħmel ċensiment, ma jagħmlux biss biex jerfa’ r-ras tal-poplu, ir-ras ta’ kull bniedem, imma biex ikun attent li ma jibqa’ ħadd barra. Kemm hi differenti l-loġika ta’ Alla minn din tal-mexxejja tal-popli! Kemm il-mexxejja tal-popli, forsi aħna stess, inħallu nies barra! Saħansitra Ġesù spiċċa wieħed minn dawk li baqgħu barra.

U tiġri din l-istorja fil-kuntest ta’ ċensiment. L-Imperatur hu Ċesari Awgustu, Ottavjanu, l-ewwel wieħed li ġie msejjaħ Sebastos mis-Senat Ruman, jiġifieri ‘divin’. Il-kelma awgustu tfisser ‘alla’. Dan kien l-ewwel wieħed li ssejjaħ hekk: Ċesari Awgustu, Ċesari divin, Ċesari alla. Dan Ċesari ‘alla’ jrid jikkontrolla, irid jieħu, waqt li Alla jagħmel il-moviment bil-maqlub. Wieħed irid jitla’ minn isfel għal fuq, u l-ieħor minn fuq jinżel ’l isfel, minn fuq irid jinżel biex jiltaqa’ mal-umanità tagħna, mal-fraġilità tagħna; mhux isir re jew saċerdot, imma jsir l-iktar ħaġa fraġli, dgħajfa u dipendenti li tista’ teżisti fuq l-art. Hu sar tarbija. Hemm xi ħaġa iktar dipendenti mill-bqija, mid-dinja, mill-bnedmin l-oħra, minn tarbija? Le, m’hemmx. Għax anki annimal, kif jitwieled, kif joħroġ, jitla’ fuq saqajh, u jsib mill-ewwel id-driegħ ta’ ommu, u kapaċi jkampa waħdu. Il-bniedem le, għax għandu bżonn l-għajnuna ta’ ħaddieħor.

It-tarbija Ġesù titwieled fi fraġilità assoluta, biex aħna jew nitilqu, jew inkella titqanqal fina l-ħniena. Meta tara tarbija u din tibki, jew titlaq għax tagħtik rasek u tagħmel l-għażla egoista – ‘Ħa mmur, m’għandix moħħha, m’għandix aptit nisma’; għandi l-inkwiet tiegħi, għandi t-tbatija tiegħi, għandi rasi tuġagħni’ –, jew inkella tqanqal fik, tiftaħlek qalbek u jkollok bilfors tmur tara x’għandha bżonn, tmur tgħinha. Ġesù jitwieled tarbija, Alla jsir bniedem tarbija, sempliċiment biex iqanqal fina l-ħniena, l-imħabba vera, b’mod speċjali lejn id-dgħajjef, lejn min hu fil-bżonn.

Din l-aħbar min jista’ jifhimha? Min hu umli, min ma jippretendix, bħar-ragħajja: qatt ma ppretendew li ser ikollhom aħbar bħal dik. Tafu x’immaġinaw ir-ragħajja meta raw dak id-dawl? Immaġinaw li ġejja s-saħta ta’ Alla. Għax dawk kienu mwarrbin minn kulħadd, misħutin minn kulħadd. Kienu meqjusin bħala mniġġsin, mhumiex parti mis-soċjetà, għax ħadd minnhom ma kien imniżżel fl-arkivju tal-istat. Mhumiex parti mill-fidi, mir-reliġjon, għaliex kienu mniġġsin, u ma setgħux jidħlu t-Tempju. Kulħadd kellu għalihom lir-ragħajja, tant li t-Talmud jgħid li m’hemmx razza agħar minn dik tar-ragħajja. It-Talmud huwa l-kummentarju, jew aħjar, it-tradizzjoni orali, dak li jgħaddi mill-missier għal iben, fil-kummentarju tal-Iskrittura. Tafu x’jgħid ukoll it-Talmud fuq ir-ragħajja? Jgħid: “Jekk jaqagħlek ħmar jew barri fil-bir, qis li tmur tiġbru; imma jekk jaqa’ pubblikan jew ragħaj, ħallih hemm; u ħallih hemm sakemm tinsieh, biex xħin tmur, ma ssibux”. Interessanti kif is-soċjetà Lhudija kienet tqis lir-ragħajja.

Meta dawk raw id-dawl tal-anġlu, ħasbu li ġejja s-saħta ta’ Alla fuqhom. Imma dik li kienet saħta, fil-fatt kienet aħbar tajba. Għalhekk l-Anġlu jgħidilhom: “La tibżgħux” – għax dawk twerwru – “la tibżgħux, għax araw, qiegħed inħabbrilkom ferħ kbir, ferħ li se jkun għall-poplu kollu” (Lq 2:10). X’wassalhom biex jaċċettaw li Alla sar bniedem? Hija l-umiltà tagħhom. Santu Wistin fil-konverżjoni tiegħu kellu problema kbira, meta kien qiegħed isir Nisrani, għax l-Evanġelju kien beda jaċċettah kollu, il-valuri kien jaċċettahom kollha: il-maħfra, l-imħabba, il-ħniena, il-ġustizzja. Santu Wistin kien bniedem għaref, kien bniedem li studja fuq li studja. Imma kellu problema, għax ma setax jaċċetta kif jista’ jkun Alla jsir bniedem. Hu jirrakkonta: ‘U żgur li ma stajtx naċċetta li Alla sar bniedem, għax ma kontx umli biżżejjed biex naċċetta li Alla jsir bniedem. Meta jien sirt umli, sirt veru, ma bqajtx nippretendi, meta jiena ndunajt li ma jiena xejn, li jien fraġli, li jien dgħajjef, meta jiena ndunajt li fija hemm ħafna dgħufija, imbagħad għalija kien ħafna iktar faċli li naċċetta li Alla sar bniedem’. Allura Santu Wistin jikkonkludi: ‘Trid ħafna umiltà, jew trid ħafna verità, biex taċċetta l-umiltà ta’ Alla’.

Il-Mulej jagħtina li mmorru għall-essenzjal. Qegħdin fi żmien diffiċli, imma fl-istess ħin żmien li jgħinna nagħrfu iktar x’inhu l-essenzjal. L-essenzjal hu l-imħabba vera, u m’hemmx imħabba vera mingħajr umiltà. M’hemmx imħabba vera mingħajr sempliċità, mingħajr rispett veru lejn il-persuna, mingħajr ma jien inqisek tassew daqsi, jew forsi iktar minni.

Leave a Reply

%d bloggers like this: