L-għażla li nilqgħuh

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 25 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fis-Solennità ta’ Jum il-Milied. Knisja Parrokkjali tal-Lunzjata, Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Ftit ta’ żmien ilu, kien hemm fl-aħbarijiet dokument li kien imħejji għal uffiċċju fl-Ewropa li kien intenzjonat biex jagħti gwida lin-nies kif għandhom jitkellmu b’attenzjoni; u fost l-eżempji – eżempju żbaljat – kien hemm dak li jekk int qed titkellem ma’ xi ħadd li mhux tal-istess reliġjon, flok “Milied” tuża kelma oħra – per eżempju, “il-festi”. Mir-reazzjoni li kien hemm, kienet ovvja li dan kien eżempju żbaljat, għax jekk int qed titkellem fuq ġrajja partikulari – u l-Milied hu ġrajja unika fl-istorja tal-umanità – int tirreferi għaliha b’isimha, mhux taħbi isimha b’kelma oħra. U l-istess, jekk int qed titkellem fuq presepju fejn hemm Ġesù, Marija u Ġużeppi, issejħilhom b’isimhom mhux b’ismijiet differenti.

Jista’ jkun li din l-okkażjoni għenitna wkoll biex nagħrfu realtà li kultant ngħixu aħna, li fil-fatt meta jiġi l-Milied ninsew dak li hu l-aktar importanti u nikkonċentraw fuq affarijiet oħra. Għalhekk huwa importanti li aħna nagħrfu tassew din il-ġrajja tal-Milied x’fissret għalina u xi tfisser għalina, u kemm jeħtieġ li aħna llum nilqgħu l-Aħbar it-Tajba ta’ Ġesù, l-Iben ta’ Alla, li sar bniedem fostna.

Dawk li ma laqgħuhx

Mill-bidu kien hekk. Illum fl-Evanġelju ta’ San Ġwann, hemm dik is-sentenza ta’ niket “ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx”. Meta jgħid “niesu”, hawn mhux qed jitkellem fuq Marija u Ġużeppi – dawk laqgħuh bil-qalb kollha. Hawn qed jitkellem fuq ħafna min-nies tal-inħawi. Nafu li hekk kien. San Luqa jgħid fl-Evanġelju tiegħu: “ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda”. Ġie f’daru u niesu ma laqgħuhx. Dan kien li ġara sa mill-bidu.

Meta toqgħod taħseb ftit kemm hi kiefra, Ġesu twieled mingħajr dar, mingħajr post deċenti fejn jista’ jitwieled; twieled imwarrab, emarġinat, u twieled bl-iktar mod ta’ dgħufija, ta’ dipendenza: tarbija f’maxtura.

L-istedina li jagħmlilna

Imma mbagħad San Ġwann jitkellem fuq nies oħra. Veru hemm dawk li ma laqgħuhx, “imma lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla”. Nafu li kien hemm dawk li ma laqgħuhx, bħal dawk li rrifjutaw li jkun hemm post fejn jista’ jitwieled Ġesù, imma nafu wkoll li kien hemm min laqgħu: Marija, Ġużeppi, ir-rgħajja, in-nies ta’ ħajja ordinarja li laqgħuh u li għalihom Ġesù ġab il-ferħ, il-paċi u l-imħabba sħiħa.

Meta aħna mmorru lura għal din il-ġrajja, nindunaw li mill-bidu nett kien hemm min laqgħu u min warrbu, jew min ma aċċettahx. Għalhekk illum ma għandniex għalfejn niskantaw – mill-bidu kien hekk. Ġesù li ġie biex proprju jinkludi lil kulħadd fil-familja tiegħu, biex jgħaqqad lil kulħadd, biex isalva lil kulħadd, imma fost in-nies kien hemm min aċċettah u kien hemm min ma aċċettahx. Hekk kompliet l-istorja ta’ Ġesù sal-aħħar, u hekk tkompli fl-istorja tal-umanità.

L-istedina li Ġesù qed jagħmel lilna fil-festa tal-Milied hi biex aħna nkunu ma’ dawk li jilqgħuh, dawk li għandhom qalbhom miftuħa għalih. Din hi l-għażla li żgur nixtiequ nagħmlu – għalhekk qegħdin hawn, fil-knisja, għall-quddiesa – u hi għażla li rridu nagħmlu kull jum tal-ħajja tagħna. Lil Alla li ġie fostna biex jagħtina s-salvazzjoni, lil Alla li ġie fostna biex jimliena bl-imħabba tiegħu, aħna nilqgħuh u naċċettawh. Ma nkunux dawk li jwarrbuh, jew inkella dawk li tant indifferenti li qisu ma jeżistix, imma nkunu dawk li jaċċettawh.

Esperjenza ta’ ħafna mħabba, paċi u ferħ

Aħna nafu li bħalma għamel ma’ Ġużeppi u Marija, u mar-rgħajja, l-istess tkun l-esperjenza tagħna meta aħna naċċettawh: jimliena bl-imħabba tiegħu, jimliena bil-paċi u l-ferħ tiegħu. Innutaw kif fl-għar ta’ Betlehem ma kien hemm xejn minn dak li fil-ħajja tagħna kultant inqisu bħala essenzjali u li ma ngħaddux mingħajru; kien kollox fqir, imma kien hemm ħafna mħabba, kien hemm ħafna paċi, ħafna ferħ. Meta Marija u Ġużeppi laqgħu lil Ġesù, dan hu li ġab fil-ħajja tagħhom: imħabba, paċi u ferħ fil-ħajja tagħhom. Hekk jagħmel magħna, ma’ kull wieħed u waħda minna.

Din hi l-istedina li jagħmel lilna llum f’din iċ-ċelebrazzjoni tal-Milied: biex aħna nkunu ma’ dawk li jilqgħuh. Nitolbu lill-Mulej biex jagħtina l-grazzja li aħna dejjem nilqgħuh, li dejjem niftħulu qalbna, ħalli fina jġib ukoll l-imħabba, il-paċi u l-ferħ li hu ġab fost l-ewwel nies li laqgħuh meta twieled fostna.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: