Il-Maġi li baqgħu barra

Print Friendly, PDF & Email

It-tfal tal-oratorju ta’ Santa Marija kienu ħejjew reċta dwar il-Milied. Kienu kitbu l-kliem huma stess. Kitbu l-kliem kollu tal-angli, tar-ragħajja, ta’ Marija u ta’ Ġużeppi. Kien hemm parti wkoll għall-baqra u għall-ħmara. Qassmu l-partijiet u kulħadd ried jieħu l-parti ta’ Ġuzeppi jew ta’ Marija. Ħadd ma ried dik tal-ħmar. Kellhom ilibbsu ta’ ħmar il-kelb tal-purtinara Luċija. Kien oħxon u kwiet, b’widnejh kbar li bihom kien jixbah lill-ħmar. Sakemm ma jibdiex jinbaħ waqt ir-reċta!

Imma meta Swor Marianna rat il-provi tal-play fuq l-palk, bdiet iddur as-sala u twerżaq: “Mela nsejtuhom lis-Slaten Maġi? Issa x’se nagħmlu?” Frans, it-tifel li kien qed jidderieġi l-play, deffes idejh ġo xagħru. Kien baqa’ biss ġurnata għall-play. Fejn se jsib tliet Slaten Maġi li jafu jaħdmu l-parti? Kien Dun Mikiel, il-viċi tal-parroċċa li sab soluzzjoni: “Insibu tlieta minn nies mir-raħal tagħna. Ngħidulhom x’għandhom jagħmlu bħala Slaten Maġi, imma Slaten Maġi moderni, Għandhom jiġu bl-ilbies tagħhom ta’ kuljum. Jiġu biex jagħtu rigal lil Ġesù. Rigal li jridu huma. Dak li għandhom jagħmlu hu li jispjegaw fi kliemhom x’kien li ġiegħlhom jagħżlu dak ir-rigal partikolari.”

L-idea ingħoġbot. Dak il-ħin stess it-tfal irħewlha fit-toroq biex isibu lit-tliet Maġi, u wara sagħtejn, sabuhom. Fil-lejla tal-Milied, it-teatrin tal-parroċċa kien mimli bin-nies. Il-play kienet sejra ħarir u ntlaqgħet biċ-ċapċip. Kemm ħadu pjaċir il-ġenituri jaraw lit-tfal tagħhom jirreċtaw fuq il-palk quddiem kulħadd. L-iktar meta bdew iċapċpulhom. Il-kelb li kien jagħmilha ta’ ħmar raqad, u l-leħja ta’ San Ġużepp ma waqgħetlux. Imma mingħajr ma ħadd stenna, waslet ix-xena, dik tas-Slaten Maġi, li kellha tkun l-iktar ħin kommoventi tal-lejla.

L-ewwel re kien raġel anzjan, missier ta’ ħamest itfal. F’idejh kellu karta miktuba b’ħafna kliem. Poġġiha ħdejn il-benniena ta’ Ġesù Bambin u qal: “Tliet snin ilu, ħbatt bll-karrozza; dritt ġo karrozza oħra. Ħaduni l-isptar u kont imweġġa’ serjament. It-tobba beżgħu ħafna li m’inix se nfiq. Imma minn dak inhar bdejt insir iktar ferħan u napprezza kull progress żgħir li bdejt nagħmel. Bdejt nifraħ b’kull pass żgħir li nagħmel. Issa ferħan għal kull ħaga żgħira ta’ kuljum li qabel ma kontx nagħti każha. Se nqiegħed din il-karta quddiem Ġesù Bambin b’sinjal ta’ radd il-ħajr.”

It-tieni ma kinitx re, imma reġina, omm ta’ żewġt itfal. Kellha ktieb tal-katekiżmu. Qegħditu ħejn il-benniena tal-Bambin u qalet: “Sakemm it-tfal tiegħi kienu żgħar u kellhom bżonni, kont inħossni importanti. Imbagħad it-tfal kibru u bdejt inħossni ma niswa għal xejn. Imma ndunajt li ta’ xejn noqgħod nitħassar lili nnifsi. Tlabt lill-Kappillan biex nibda ngħallem il-katekiżmu lit-tfal. U hawn sibt sens għal ħajti. Ta’ dan irrid nirringrazzja lil Ġesù li qiegħed hawn fostna.”

It-tielet Re kien żagħżugħ. F’idejh kellu biss karta vojta. Iż-żagħżugħ qiegħed il-karta ħdejn il-benniena ta’ Ġesù filwaqt li qal: “Staqsewni jekk ngħidx iva għal din il-parti. Ma kontx naf x’kelli ngħid, lanqas kif se noqgħod fuq il-palk. Kif tlajt hawn, ħassejtni ma nafx x’se naqbad nagħmel. Għax jien m’għandi xejn x’nagħtih lil Ġesù.” Imbagħad dar lejn il-Bambin, u qallu: “Allura, Bambin Ġesù, noffrilek din il-karta bajda. Naf li int ġejt biex iġġibli l-ferħ. Ġejt biex timla’ lil qalbi, li nħossha vojta. Imma qalbi hi miftuħa u lesta biex tisma’ l-kliem li int trid tikteb fuq il-karta vojta ta’ ħajti. Issa li inti se tkun miegħi, kollox jinbidel u jsir sabiħ.”

U KIEN IT-TIELET RE LI ĦA L-IKBAR U L-ITWAL ĊAPĊIPA!           

Minn Joe Galea

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: