Għajnuna żgħira f’waqtha taf tkun tiswa mitqlu deheb

Print Friendly, PDF & Email

Żak kien student fi skola sekondarja.  Darba waħda nhar ta’ Ġimgħa,  hu u sejjer lura d-dar, ra lil student ieħor iġorr turrun kotba.  “X’kien,” beda jaħseb bejnu u bejn ruħu, “li dan ħareġ dawn il-kotba kollha mill-locker u se jeħodhom id-dar, minn flok  se jieħu biss dawk li  għandu bżonn?”  U ddeċieda li jimxi warajh.  F’daqqa waħda, tliet studenti oħra akbar minnu, resqu lejn dak it-tifel mgħobbi bil-kotba u bdew jinkuh.  Wieħed tajjarlu n-nuċċali u rmieh fis-silġ, u l-oħrajn xerrdulu l-kotba ‘l hawn u ‘l hinn.  Qabdu jidħqu u telqu.

Żak ħaffef malajr u laħaq it-tifel li issa kien qed jibki.  “Ħa ngħinek issib in-nuċċali, imbagħad niġbru l-kotba flimkien.”  Hekk għamlu.  “Jien jisimni Żak.  Jekk trid ngħinek iġġorr il-kotba.”  It-tifel l-ieħor issa waqaf jibki. “Grazzi.  Jisimni David,” u  qallu fejn kien joqgħod.  “Mela mhux bogħod ħafna minni” qallu Żak.   Ġabru l-kotba kollha u bdew mixjin.

“X’kien qed iġġorr dawn il-kotba u n-noti lejn id-dar?” saqsieh Żak.  David beda jtemtem, “Għax…għax r-r-ridt nagħmel naqra revision fi tmiem il-ġimgħa.” “Tajjeb ħafna,” qallu Żak, fil-waqt li beda jaħseb li David forsi kien xi nerd.  Komplew mixjin, u din tat bidu għal ħbiberija bejniethom. Din baqgħet tikber wara li spiċċaw is-sekondarja, is-6th Form u l-Universita’.  Meta ġew biex jiggradwaw, David ibbrilla u ġie l-ewwel fil-kors.  Għalhekk intagħżel bħala valedictorian, i.e. dak li jagħmel id-diskors tal-okkażżjoni.  David beda dan id-diskors jekk:

“Irrid qabel xejn niżżi ħajr lil dawk kollha li għenuni biex nasal s’hawn, b’ mod partikulari lill-ħabib tiegħi Żak Thompson. Iva, Żak.  Dak in-nhar li ltqajna l-ewwel darba wara l-iskola, jien kont xbajt  niġi bullied minn dawk it-tliet studenti. Naddaft il-locker u kont qed inġorr kollox lejn id-dar,  għax dak in-nhar ma kontx se nagħmel xi revision imma  kont iddeċidejt li mhux se mmur skola aktar. Fil-fatt kont qtajtha li filgħaxija kont se nneħħi ħajti b’idejja. Mingħajr ma taf, Żak, dak in-nhar int salvajtli ħajti meta rajtek tgħinni nsib in-nuċċali fis-silġ u tiġborli l-kotba.  Kont sibt lil xi ħadd li jimpurtah minni u li offrieli l-ħbiberija sinċiera tiegħu, ħbiberija li baqgħet tikber sal-lum.  Din il-ħbiberija sinċiera għalija swietli mitqlu deheb.”

Minn Edward Tagliaferro

%d bloggers like this: