Festa tal-inklużjoni

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 2 ta’ Jannar 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi fis-Solennità tal-Epifanija. Parroċċa Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

“Il-ġnus kollha tal-art jagħtuk qima, Mulej”. Dan hu li tlabna fis-Salm, u dan il-vers jispjega tajjeb is-solennità tal-Epifanija li qed niċċelebraw illum. Juri kif Ġesù mwieled, Alla li sar bniedem, ġie għall-ġnus kollha, u wera ruħu bħala s-Salvatur tal-ġnus kollha. Epifanija tfisser li Alla wera lilu nnifsu lill-ġnus kollha. Ġew il-Maġi mil-Lvant ifittxuh biex jagħtuh qima.

Ċirku li dejjem jitwessa’

L-Epifanija hija l-festa tal-aqwa inklużjoni tal-fidi tagħna fi Kristu, għax mill- bidu tinkludi lil kulħadd. Dan narawh fiċ-ċirku kontinwament jitwessa’ sa mill-mument tat-twelid tiegħu. Meta twieled, twieled fi ħdan il-familja ta’ Marija u Ġużeppi. Imbagħad bil-mod il-mod iċ-ċirku jibda jikber biex jinkludi lir-rgħajja, u dawn marru jgħidu lil nies oħra. Issa għandna l-maġi li ġew mil-Lvant biex jagħtuh qima – juruna li ċ-ċirku ta’ dawk li jagħrfu u jqimu lil Ġesù kontinwament jitwessa’ biex inkun jinkludi anke lil min ġie mill-bogħod.

Ifisser li Ġesù mhuwiex ta’ xi razza partikulari, jew nazzjon partikulari, imma tal-ġnus kollha. Għalhekk hi festa tal-inklużjoni. L-inklużjoni tfisser diversità, li taċċetta lil min hu differenti minnek. Ma tfissirx li teqred id-differenzi biex kulħadd ikun l-istess. Dawn il-maġi ġew mil-Lvant, u għalhekk kemm jekk mil-Lvant, kif ukoll minn xi naħa differenti tad-dinja, kulħadd għandu postu fi ħdan din il-familja ta’ Alla.

Nixtieq li nħarsu lejn dawn il-maġi, għax fil-mixja tagħhom lejn Ġesù, għandhom ħafna x’jgħallmuna għall-ħajja tagħna. Ħa naraw xi karatteristiċi fihom li tant huma ta’ għajnuna għall-ħajja tagħna.

Għorrief li kapaċi jistaqsu

L-ewwel nett, dawn kienu nies intelliġenti, aħna ħafna drabi ngħidulhom “għorrief”. Kienu nies intelliġenti, imma fl-istess waqt ma ħallewx l-intelliġenza tagħhom titla’ għal rashom għax jaħsbu li huma jafu kollox. Għax kienu verament intelliġenti, kienu jagħrfu s-sinjali – bħalma kienet għalihom il-kewkba – u kienu jistaqsu. Ħaġa li tolqtok hi li meta niltaqgħu magħhom l-ewwel darba fl-Evanġelju, niltaqgħu magħhom jistaqsu.

Ma ħasbux li jafu kollox, imma jistaqsu lil min seta’ jagħtihom direzzjoni, jisimgħu bis-serjetà u bis-saħħa ta’ hekk setgħu jilħqu l-għan tagħhom. Nafu li l-esperti tal-Iskrittura qalu tajjeb li Ġesù kellu jitwieled f’Betlehem tal-Lhudija, u kien ukoll bis-saħħa ta’ dawn l-esperti – għax taw każhom u mhux għamlu ta’ rashom – li marru fid-direzzjoni t-tajba.

Determinati minkejja l-ostakli

Il-maġi kienu wkoll nies determinati. Għall-iskop tagħhom, biex jagħtu qima lis-sultan tal-Lhud, telqu mill-bogħod, mil-Lvant, u għamlu dan il-vjaġġ kollu, jirsistu u jfittxu, sakemm waslu fejn kellhom jaslu. Kienu kapaċi jgħaqqdu flimkien is-smigħ mad-determinazzjoni.

Kienu nies determinati minkejja diversi ostakli li ltaqgħu magħhom fit-triq, u l-agħar ostaklu kien li ltaqgħu ma’ min ried iqarraq bihom. Huma jgħidu: “Rajna l-kewkba tiegħu tiela’, u ġejna nqimuh”. Erodi wkoll ippreżenta ruħu bħala dak li ried jagħtih qima, bl-istess kliem tagħhom: “meta ssibuh, ejjew għiduli, ħalli jien ukoll niġi nqimu”. Nafu li ma kienx dak l-iskop tiegħu. Setgħu faċilment jispiċċaw vittmi tal-qerq tiegħu.

Qalbhom miftuħa għall-verità

Il-maġi kienu nies li qalbhom miftuħa għall-verità, fil-fond ta’ qalbhom għall-Mulej, anke jekk ma kinux għarfuh. Fittxew sakemm waslu għand Ġesù, u hemm imbagħad sabu lil dak li qalbhom kienet qed tfittex u, jgħid ir-rakkont, “inxteħtu bl-art iqimuh”. U ħallew lil Ġesù jimla l-qalbhom tagħhom.

Kienu nies li r-rigali tagħhom li offrew kellhom tifsira kbira. It-tliet rigali li jissemmew mhumiex sempliċiment biex jieħdu xi ħaġa magħhom, jew xi ħaġa ta’ valur, imma rigali li jfissru l-verità ta’ min hu Ġesù u l-missjoni tiegħu.

Fejn meħtieġ, bidla fir-rotta

Kienu nies li l-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù fl-aħħar mill-aħħar biddlet ir-rotta tal-mixja tagħhom. L-Evanġelju jgħid li kienu mwissijin biex imorru lura lejn arthom minn triq oħra u ma jaqgħux għall-qerq ta’ Erodi. U huma kienu lesti, anke jekk intelliġenti, li fejn meħtieġ jibdlu r-rotta biex jimxu tassew fit-triq it-tajba.

Għalhekk hemm ħafna li dawn il-maġi jgħallmuna għall-ħajja tagħna. Dawn il-karatteristiċi kollha huma ta’ għajnuna għalina fil-mixja tagħna ’l quddiem fis-snin tal-ħajja tagħna. Għandna bżonn inkunu nies li nagħrfu s-sinjali, bħalma għarfuhom il-maġi bil-qawwa ta’ Alla; nies li nistaqsu fejn meħtieġ, li nisimgħu tassew, u fl-istess waqt determinati għal dak li hu tajjeb; nies li lesti li negħlbu kull ostaklu biex naslu għand Ġesù, ħalli lilu nqimu, lilu noffru ħajjitna, u minnu nirċievu l-qawwa li tant neħtieġu għall-ħajja tagħna, u jkun hu li jimla l-qalb tagħna. Fejn meħtieġ, ukoll, inħalluh jibdel ir-rotta tal-mixja tagħna, biex ma naqgħux għall-qerq ta’ ħaddieħor.

Meta aħna niġu għall-quddiesa, qed nagħmlu l-istess għażla li għamlu l-maġi, anke jekk ma niġux minn daqshekk ’il bogħod u niġu b’inqas diffikultà. Nitolbu lill-Mulej biex il-laqgħa tagħna miegħu tkun laqgħa li tibdel ħajjitna għall-aħjar, bħalma biddlet il-ħajja tagħhom, u tgħinna ħalli lill-Mulej dejjem nagħrfuh bħala s-Salvatur tagħna u tal-ġnus kollha. Ħa tkun din it-talba li nagħmlu llum, aħna u niċċelebraw din is-solennità sabiħa tal-Epifanija, fejn niftakru li l-Mulej hu l-Mulej għal kull wieħed u waħda minna, għal kulħadd, għall-ġnus kollha.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: