Il-qawwa ta’ Ġesù li tfejjaqna u teħlisna mix-Xitan 

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 11 ta’ Jannar 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna tat-Tlieta tal-I ġimgħa matul is-sena. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Qegħdin fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark u x-xena teħodna mal-ewwel f’Kafarnahum. Kafarnahum kienet belt fuq l-għadira jew il-baħar tant kbir tal-Galilija jew ta’ Tiberijadi. Ġesù adotta din il-belt biex tkun qisha l-hub tat-tliet snin li għamel iterraq jgħallem u jipprietka, ifejjaq u jkeċċi x-xjaten fil-Galilija u fil-Lhudija.

Illum ir-rakkont tal-Evanġelju jeħodna propju fis-sinagoga ta’ Kafarnahum; il-fdalijiet tagħha għadhom magħna sal-lum. Veru li mbagħad, wara Ġesù, is-sinagoga li kien hemm inqerdet u nbniet oħra ħafna isbaħ, imma għad hemm il-pedamenti tas-sinagoga li fiha l-Mulej Ġesù għallem u anke keċċa l-imxajtan. Wieħed jista’ jara propju din l-għatba tas-sinagoga li fuqha rifes il-Mulej.

Fl-ewwel kapitlu ta’ San Mark nirrealizzaw mill-ewwel li hemm taqtigħa kbira bejn il-Mulej Ġesù u x-xogħol kollu li jagħmel ix-Xitan biex ibiegħed lill-bnedmin, lilna, mill-imħabba ta’ Alla. Fis-sinagoga hemm xi ħadd li huwa meħud, ippossedut, mix-Xitan. Ix-Xitan jitkellem permezz ta’ din il-persuna u jagħmel sfida lil Ġesù: “X’għandna x’naqmsu? Ġejt biex teqridna? Jien naf min int: il-Qaddis ta’ Alla” (Mk 1:24).

Ix-Xitan għandu intelliġenza anġelika għax wara kollox hu anġlu li fis-suppervja tiegħu ċaħad lil Alla u għamillu gwerra. Imma x-Xitan huwa ħlejqa; mhuwiex daqs Alla. Fil-preżenza ta’ Alla magħmul bniedem, tal-Iben ta’ Alla, Ġesù ta’ Nazaret, ix-Xitan m’għandux poter imma ta’ spirtu arroganti li hu jibqa’ jisfida. Ġesù ma jixtiqx li l-att ta’ fidi jsir mix-Xitan. San Ġakbu, fl-Ittra tiegħu, jgħidilna: “ix-Xitan jew ix-xjaten jemmnu u jirtgħodu”. Aħna t-talba tagħna hija li nemmnu u nitolbu ħniena.

Fl-Evanġelju ta’ San Mark dan hu l-ewwel att ta’ eżorċiżmu li jagħmel Ġesù; eżorċiżmu li hu differenti mill-fejqan. Infatti, fl-Iskrittura dejjem insibu distinzjoni bejn il-fejqan tal-morda u l-ħelsien mill-ispirti ħżiena. Il-Mulej ta din is-setgħa lill-Knisja tiegħu u l-isqof tad-djoċesi għandu l-istess setgħa ta’ Ġesù fuq l-ispirti ħżiena. Imbagħad l-isqfijiet jiddelegaw saċerdoti ta’ fama tajba, ta’ taħriġ, u anke ta’ studju sabiex ikunu eżorċist, jiġifieri dawk li jitolbu t-talb tal-Knisja. Peress li għandhom id-delega tal-isqof, f’kull djoċesi oħra madwar id-dinja għandhom il-qawwa kollha tal-Knisja u tal-Mulej fuq l-ispirti ħżiena.

Ħafna drabi nħalltu problemi psikoloġiċi ma’ elementi ta’ possessjoni u ngħidu ‘dak qisu daħal xitan fih’. Wieħed irid jagħmel ħafna attenzjoni biex min ikollu problemi psikoloġiċi ma nagħmlulux it-tikketta li hu ppossedut. Hija xi ħaġa li l-esperti, l-eżorċisti tagħna, jistgħu jagħtuna ħjiel tagħha. Ħafna mill-elementi jkunu ġejjin iżjed minn problemi psikoloġiċi allura wieħed m’għandux jara x-Xitan kullimkien imma lanqas m’għandu jgħid li ma jeżistix jew li dawn huma ħmerijiet għax inkunu qegħdin litteralment nilagħbu man-nar.

Ġesù fejjaq imma wkoll ħelisna mill-ħakma tax-Xitan u dik hija d-domanda: “Ġejt teqridna?”. Ġie jeqred is-saltna tal-ħażen u jħabbar is-saltna tal-ħniena, tal-imħabba: is-saltna ta’ Alla. Min iħossu imfixkel għandu jgħid it-talba tal-Missierna li għallimna Ġesù, fejn aħna nitolbu lill-Missier li tiġi saltnatu, li jaħfrilna dnubietna u jeħlisna minn kull deni. Din it-talba biex “jeħlisna minn kull deni” hija wkoll talba biex aħna nkunu meħlusa mill-ħakma tal-ħażin.

Min kien qed jisma ’l Ġesù fis-sinagoga (ara Mk 1:27) baqa’ mistagħġeb fuq żewġ affarijiet: it-tagħlim ġdid mogħti bis-setgħa u bl-awtorità ta’ min qed jgħix dak li qed jgħid imma wkoll il-poter tal-Iben ta’ Alla magħmul bniedem fuq il-ħażen. Kemm tkun ħaġa sabiħa li niggranfaw ma’ Ġesù, biex nuża espressjoni ta’ San Ġorġ Preca, għax bil-qawwa tiegħu u bil-protezzjoni tal-Mulej inkunu tassew siguri.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Sam 1, 9-20
Salm: 1 Sam 2, 1.4-5.6-7.8abċd
L-Evanġelju: Mk 1, 21b-28

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: