Il-ħajja u l-istorja ta’ Dun Anġ Seychell

Print Friendly, PDF & Email

Għadni kif qrjat il-ktieb Il-ħajja u l-istorja ta’ Dun Anġ Seychell. It-tielet volum fis-sensiela Maltin ta’ 24 Seven Media b’kitba u riċerka ta’ Tonio Bonello (li hu wkoll l-Editur tal-ktieb) u Doris Zammit.

Jien ħdimt għal għal kważi ħames snin (mill-1968 sal-1972) ma’ Dun Anġ, bqajt insegwi kitbietu u ħidmietu u fis-snin li għamilt Editur ta’ Il-Leħen stedint u kien aċċetta li jibda jikteb regolarment f’din il-gazzetta.

L-ewwel darba li smajt b’Dun Anġ Seychell kien mill-ġenituri tal-mara fi żmien il-kontroversja li qamet dwar Santa Katarina. Aktar tard kelli nsir nafu personalment u nkunu kollegi ta’ xulxin fl-istess post tax-xogħol: il-Veritas Press, Ħaż-Żabbar, fejn konna ntellgħu u nistampaw il-gazzetta Il-Ħaddiem. Kien fl-1968. Il-bidu tal-professjoni tiegħi fil-ġurnaliżmu u l-għajnuna ta’ Dun Anġ bil-kelma, bl-eżempju u fil-prattika ma naqsitx. Sentejn wara, fl-1970, ittrasferejna l-uffiċċji tagħna għall-Istitut Kattoliku, Il-Furjana, minn fejn bdejna ntellgħu u nistampaw il-gazzetta Il-Ħajja.

Dun Anġ ma kienx biss impjegat ta’ dawn iż-żewġ gazzetti iżda wkoll kontributuri regolari fost oħrajn bil-paġna tiegħu ta’ opinjoni Ċar u Tond li aktar tard kompla f’gazzetti oħra. Kien jikteb dak li jħoss. Dak li jemmen fih. Ħajta f’kitbietu ma kellux! L-abjad jgħidlu abjad u l-iswed jgħidu iswed. M’hemmx griż għalih. U allura l-kontroversji – u ġiegħli wkoll l-argumenti fosthom ma’ impjegati sħabu – ma kienux nieqsa. Għadni niftakar tajjeb żewġ argumenti separati li kellu ma’ lajk u ma’ saċerdot, it-tnejn impjegati ma’ Il-Ħajja, wara l-elezzjoni ġenerali tal-1971.

Wara l-elezzjoni tal-2017 dħalt f’diskussjoni ma’ għadd ta’ abbonati ta’ Il-Leħen dwar artiklu tiegħu f’dik il-gazzetta. Dun Anġ kellu paġna ta’ opinjoni f’l-orizzont iżda fi żmien il-kampanja tad-divorzju ma baqax jikteb wara li artiklu tiegħu ġie ċċensurat. Dun Anġ għandu pinna tajba partikolarament dwar t-tagħlim soċjali tal-Knisja. Tagħlim li xtaqt ħafna nagħti importanza f’Il-Leħen u għalhekk, bħala Editur ta’ din il-gazzetta (2012-2019) fl-ewwel okkażjoni li ġietni tlabtu jibda jiktiebli opinjoni kull ħmistax. Aċċetta mill-ewwel u bdejna. Baqa’ jikteb regolarment sa wara l-elezzjoni tal-2017 meta, kontra qalbi, kelli mwaqqfu minħabba t-theddid li kelli minn ħafna qarrejja li jwaqqfu l-abbonament tagħhom jekk jerġgħu jaraw artiklu tiegħu f’Il-Leħen! Kelli rekord ta’ ittri għall-pubblikazzjoni. Kollha kontra (minbarra tnejn) l-artiklu tiegħu dwar ir-riżultat ta’ dik l-elezzjoni. Dan minbarra ittri oħra, mhux għall-pubblikazzjoni, li kelli kif ukoll t-telefonati eċċ li saruli.

Dun Anġ illum għandu 88 sena. Minbarra saċerdot hu wkoll kittieb, opinjonista u filantropu. “Persunaġġ li għamel u għadu jagħmel differenza fil-ħajja ta’ tant Maltin, direttament ma’ persuni b’diżabbiltà u indirettament mal-familjari tagħhom u ma’ tant oħrajn minn kull ambjent tal-ħajja”, jikteb Tonio Bonello f’dan il-ktieb. Filfatt, Dun Anġ waqqaf u kien imexxi hu stess djar fiż-Żejtun li fihom jgħixu dawk l-aktar vulnerabbli.

Ix-xogħol fuq il-ktieb Il-ħajja u l-istorja ta’ Dun Anġ Seychell kien ilu sejjer erba’ snin u Tonio Bonello jittama li min jaqrah japprezza aktar il-ħidma kostanti tul għexieren ta’ snin li Dun Anġ wettaq b’tant imħabba u b’dedikazzjoni matul ħajtu. Hu jittama wkoll li dan il-ktieb joħroġ aktar dawk il-karatteristiċi personali u mhux li lilhom Dun Anġ jagħti preferenza fil-ħajja tiegħu ta’ kuljum.

Fid-daħla tiegħu għall-ktieb, il-President ta’ Malta George Vella jikteb li l-monument li Dun Anġ se jibqa’ magħruf għalih bnieh f’ħajtu. “Hu monument ħaj li ġab fil-pratika l-valuri tal-imħabba, tal-karità, tal-ħniena u tal-għożża li kull bniedem għandu jkollu għal għajru speċjalment għal dawk fosthom li l-aktar għandhom bżonn il-ħarsien”.

Il-President ta’ Malta jaf lil Dun Anġ minn tfulitu. Dak li kellu jgħid kien jgħidu u mill-ewwel wera interess partikolari fil-qasam soċjali. Mill-prietki tiegħu wieħed jinduna mill-ewwel li kien jaqra ammont ta’ kotba u jżomm ruħu aġġornat dwar dak li kien għaddej fit-tagħlim soċjali tal-Knisja li jirreferi għalih kontinwament. Għal snin twal Dun Anġ ikkontribwixxa b’artikli fil-gazzetti u b’xandiriet fil-midja dwar suġġetti kontroversjali. “L-imħabba li kellu lejn il-batut u l-kilba biex jagħmel il-karità esprimiha bl-aktar mod konkret meta fetaħ daru biex jilqa’ fiha u joqogħdu miegħu persuna bi bżonnjiet speċjali u li kellhom bżonn kenn, wens, imħabba u għożża li jaf jagħti ambjent ta’ familja. Dak li beda f’dar waħda fiż-Żejtun illum ġie eztiż għal tlett idjar oħra”.

Il-ħidma pastorali li wettaq Dun Anġ jaf biha kulmin kellu bżonn pariri u interventi biex jiġu evitati jew jissewwew separazzjonijiet u problemi oħra matrmonjali. Ħafna huma obbligati lejn Dun Anġ li bil-pariri siewja tiegħu salva ż-żwieġ tagħhom. Il-President ta’ Malta jiddeskrivi lil Dun Anġ bħala bniedem ta’ fidi soda u difensur tal-ħajja mill-bidu tal-konċepiment sal-aħħar nifs.

Daħla oħra fil-ktieb hi tal-Arċisqof Charles J. Scicluna li qal li Dun Anġ jaffaxxinah bħala bniedem li jħobb it-tagħlim. Bniedem li ħaddan l-għerf b’ġenerożità kbira. Fih jammira saċerdot li l-Kelma għamilha ħajja. “Meta niltaqa’ miegħu faċli niftakar fil-kliem ta’ Ġesù ‘kont bil-ġuħ u tmajtuni, kont bil-għatx u sqejtuni, kont għeri u libbistuni, kont marid u ġejtu żżuruni, kont il-ħabs u ġejtu tarawni’.

L-Arċisqof Sciclina jikteb li Dun Anġ sarraf il-kelma tiegħu ta’ għerf f’xhieda konkreta ta’ mħabba. “Nifhem għaliex Dun Anġ jibqa’ dejjem rispettat bħala bniedem ta’ kelma diretta, ċara u profetika. Dak pprietka għamlu. Kellu kelma ta’ verità għal kulmin iltaqa’ miegħu, hu min hu, u qatt ma beża’ jkellem ċar lill-Knisja li tant iħobb”.

L-Arċisqof Scicluna jitlob fid-daħla tiegħu li Malta tibqa’ tkun imbierka b’saċerdoti li jafu jsarrfu l-Kelma f’xhieda sabiħa u li d-dar tagħhom tkun tassew dar miftuħa bħalma l-qalb tagħhom hi miftuħa għal kull bniedem li jiltaqgħu miegħu.

Il-ktieb Il-ħajja u l-istorja ta’ Dun Anġ Seychell hu maqsum fi 11-il taqsima. Fit-taqsima Dwaru u madwaru jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar Dun Anġ il-President Emeritu ta’ Malta George Abela, l-Arċisqof Emeritu Paul Cremona, l-eks Prim Ministru Lawrence Gonzi, l-eks Prim Ministru u l-Membru Parlamentari Ewropew Alfred Sant, il-Ministru Carmelo Abela, id-Deputati Nazzjonalisti Edwin Vassallo u Mario Galea, Monsinjur Victor Grech, is-saċerdoti Martin Micallef, Nikol Aquilina u Joe Fsadni, it-Tabib Andrew Baldacchino, Angelo Zahra u ħutu Toni u Maria. Ilkoll jiddeskrivu min hu dan il-persunaġġ tant magħruf u daqstant ieħor maħbub bħala bniedem b’ruħ u b’qalb tad-deheb.

Il-ktieb qed jinbiegħ mil-librara ewlenin għall-prezz ta’ €24 b’parti mill-qliegħ tmur għal skop filantropiku.   

Riċensjoni minn Michael Caruana

%d bloggers like this: