Ġwanni Pawlu II fil-parroċċa ta’ San Gaspare del Bufalo

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI LILL-PARROĊĊA TA’ SAN GASPARE DEL BUFALO
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 6 ta’ Diċembru 1981

1. “Il-Ħniena u l-verità se jiltaqgħu, il-ġustizzja u l-paċi se jitbewsu” (Sal 85,11).

Avvent tfisser “miġja” u tfisser ukoll “laqgħa”. Alla li jiġi, joqrob lejn il-bniedem, sabiex il-bniedem jiltaqà miegħu u jsir fidil għal din il-laqgħa. Sabiex tibqà fih, sat-tmiem.

Dan il-ħsieb important, ipproklamat mil-liturġija tat-Tieni Ħadd tal-Avvent, irrid nimmedita flimkien magħkom, għeżież ħuti tal-parroċċa ta’ San Gaspare del Bufalo, figura eżemplari ta’saċerdot Ruman. Huwa waqqaf, fil-15 ta’ Awissu 1815, wara l-maltempata Napoleonika, il-Kongregazzjoni tal-Missjunarji tad-Demm Imqaddes, u wliedu, imsejħa sa mis-sena 1956 biex jaħdmu f’din iż-żona, jieħdu ħsieb pront ta’ rwieħkom u tal-formazzjoni nisranija tagħkom.

B’impenn qawwi u ġeneruż, waqt li jsegwu l-ispirtu tal-Qaddis Fundatur, huma xandru l-fidi permezz tal-ministeru tal-kelma, tas-sagramenti u tal-preżenza sacerdotali tagħhom, u rnexxielhom jibnu, bl-għajnuna tat-tajbin, ukoll din il-knisja spazjuża u funzjonali, li hija tassew monument ta’ arkitettura sagra. Madwarha inbena kumpless ta’ ħtiġijiet lokali għall-bżonnijiet ta’ azzjoni pastorali, li waqt li titlaq minn dan iċ-ċentru tistà ddawwal ruħha lejn il-kwartier biex twettq komunità ekkleżjali vera. Irrid hawn nirrendi xhieda pubblika liż-żelu tar-reliġjużi tad-Demm Prezzjożissmu u niżżihom ħajr għall-opra mwettqa fostkom.

Nindirizza t-tislima kordjali tiegħi lill-Kardinal Vigarju, lill-Isqof Awżiljarju taż-żona, Monsinjur Giulio Salimei, lill-kappillan u lill-kollaboraturi tiegħu, li denjament ħejjew din il-laqgħa.

Insellem lill-gruppi kollha tal-parroċċa, li tgħodd madwar ħamsa u tletin elf abitant: il-Katekisti, il-Grupp Govanili, il-Kor tat-tfal, l-Iscouts u l-Gruppi tal-karità, tar-riflessjoni dwar il-Kelma ta’ Alla, tal-Piccolo Clero, tal-Assistenza soċjali u tal-Attivitajiet kulturali, Ma rrid ninsa lil ħadd; lil kulħadda u lil kull wieħed u waħda nestendi l-ħsieb tiegħi ta’ mħabba fil-Mulej.

B’mod partikolari nindirizza il-ħsieb tiegħi pożittiv liż-żewġ Komunitajiet reliġjużi tas-Sorijiet Adoratriċi tad-Demm ta’ Kristu, li hawn fil-parroċċa jiddedikaw ruħhom għall-iskola, għall-assistenza, għall-katekeżi u għaż-żgħażagħ.

U issa feħsiebni nħaddan b’mod spiritwali l-familja kollha parrokkjali, b’rispett speċjali lit-tfal, liż-żgħażagħ u b’mod speċjali lill-morda, imsejħa biex joffru t-tbatijiet tagħhom għall-bżonnijiet spiritwali tal-parroċċa, anzi tal-Knisja kollha.

2.Fil-liturġija tallum, bħas-soltu, l-ewwel jitkellem Iżaija, il-profeta tal-Avvent il-kbir, Il-messaġġ tiegħu illum huwa ferrieħi, mimli fiduċja: “Ikkunslaw, ikkunslaw il-poplu tiegħi… Kellmu lill-qalb ta’ Ġesusalem, u għajtu li ntemmet l-iskjavitù, tpatta l-ħażen tagħhom… Itlà fuq muntanja għolja, int li twassal aħbarijiet ferrieħa ġo Sijon… Għolli leħnek, la tibżax, ħabbar…Hawn hu Alla tagħna!

Hawn hu, il-Mulej Alla ġej b’qawwa… Hawn hu, miegħu għandu l-premju… Bħal ragħaj huwa jirgħa l-merħla” (Iż 40,1-2.9-11).

Kontemporanju ma’ dan il-messaġġ huwa l-appell biex “titħejja” u biex “tkun imwittija” it-triq, dak stess li jagħmel tiegħu, fil-viċinanzi tal-Ġordan, Ġwanni l-Battista, l-aħħar profeta tal-miġja tal-Mulej. Fi ftit kliem, Iżaija jiddikjara: il-Mulej jiġi… bħala Ragħaj…, hemm bżonn noħolqu l-kondizzjonijiet meħtiega għal-laqgħa miegħu. Hemm bżonn inħejju rwieħna.

“Hawn hu l-Mulej Alla ġej” qalilna, imma fl-istess ħin il-leħen jgħajjat: “Fid-deżert ħejju t-triq għall-Mulej… kull muntanja u kull għolja jitbaxxew; kull art imħarbta tinbidel fi pjanura u dak preċipituż fi pjanura. Allura tirrivela ruħha l-glorja tal-Mulej…” (Iż 40,3-5)

Ejjew, mela, naċċettaw, bil-ferħ kemm il-bxara t-tajba, kif ukoll d-dmirijiet li hija tqiegħed quddiemna. Alla jrid ikun magħna; huwa jiġi bħala dominatur, “bi driegħu jżomm il-poter” imma fuq kollox jiġi bħala ragħaj u bħala tali “huwa jirgħa l-merħla, u bi driegħu jiġborha; iġorr fuq sidru l-ħrief u bil-mod il-mod imexxi n-nagħaġ ommijiet” (Iż 40,11).

Ninsabu hawn biex inqawwu lilna nfusna fil-ferħ u fit-tama tagħna, u fl-istess ħin għaliex nistgħu mill-ġdid, immexxija mill-konvinzjoni dwar il-preżenza ta’ Alla fi triqatna, inħejju t-triq lilu, billi minnha nwarrbu dak kollu li jirrendi diffiċli jew saħansitra mpossibbli l-laqgħa, għaliex nistgħu dejjem nerġgħu lura Għandu!!

3. Għalhekk ejjew nisimgħu b’attenzjoni l-kliem tat-tieni qari tal-liturġija tallum, li fiha jkellimna l-Appostlu Pietru, wieħed jiġifieri li kien xhud tal-ewwel miġja. Id-diskors tiegħu ta’ Avvent huwa orjentat fuq kollox, lejn “il-jum tal-Mulej”, dawk li sperimentaw l-ewwel miġja, ġustament jgħixu fl-istennija tat-tieni, konformi mal-wegħda tal-Mulej.

Għal-lezzjoni ta’ Pietru donnha karatteristika d-djalettika” tal-eternità u taż-żmien, anzi, aħjar, “taż-żmien ta’ Alla” u taż-“żmien tal-bniedem”. Kif nafu, fil-komunitajiet insara tal-ewwel sekli, kienet qawwija l-istennija tal-“Perusia”, jiġifieri tat-tieni miġja ta’ Kristu. Xi wħud kienu bdew jiddubitaw mill-veriċità ta’ din il-wegħda. Is-silta tat-tieni ittra ta’ San Pietru, li smajna ftit ilu twieġeb għal dawn id-diffikultajiet: “Ħaġa waħda iżda ma tridux tinsew, għeżież: quddiem il-Mulej jum hu bħal elf sena u elf sena bħal jum wieħed” (2Pt 3,8).

Dan ifisser: intom bnedmin għandkom il-konċett taż-żmien, l-unitajiet tal-kejl tiegħu, il-kalendarju, l-arloġġ; għandkom il-kriterji tagħkom, li skonthom tiġġudikaw li ż-żmien jitwal wisq jew jiġri b’mod veloċi wisq. Intom tgħixu fiż-żmien, tgħixuh bil-mod tagħkom, u hekk għandu jkun; imma tittrasferixxux din il-konċezzjoni dwar Alla, għaliex quddiemu l-elf sena tagħkom huma bħal jum wieħed; u jum wieħed huwa bħall-elf sena tagħkom. Għalhekk tiġgudikawx il-kategorji tagħkom u tgħidux li Alla għaġġel jew ittardja.

U mbagħad nisimgħu: “Il-Mulej ma jittardjax fit-twettiq…imma juża l-paċenzja lejkom, billi ma jridx li xi wieħed jintilef, imma li lkoll ikollkom mod li tindmu” (2Pt 3,9).

4. Hekk mela, b’mod mhux mistenni, titqiegħed quddiemna x-xbiha ta’ Alla għalliem, ta’ dak ir-Ragħaj magħna magħruf sewwa, li jistenna b’mod paċenzjuż lil dawk li għadhom ma qabdux pala f’idejhom u linqas għadhom bdew “iħejju” u “jwittu” triqathom; li baqgħu torrox għall-għajta ferrieħa : “Hawn hu Alla tagħkom… Hawn hu, il-Mulej Alla ġej”.

Dan iż-żmien uman tagħna, migħux b’mod uman, bil-kontenut u s-sustanza tiegħu li aħna nwettqu, jibqà grazzi għall-paċenzja ta’ Alla. Hekk, dak li għal xiħadd jistà jidher bħala twettiq mitluf tal-wegħda min-naħa ta’ Alla, huwa minflok d-don ħanin magħmul minnu lill-bniedem.

Huwa bdanakollu ċert li “il-jum tal-Mulej  se jiġi, u se jiġi b’mod mhux mistenni; dan se jkun għal kull bniedem sorpriża. Għalhekk, il-problema tal-“konverżjoni”, il-problema tal-“laqgħa”, u li “nkunu ma’ Alla” hija kwistjoni ta’ kuljum; għaliex kull jum jistà jkun għal kull bniedem, għalija, “il-jum tal-Mulej”. Mela irridu nagħmlu d-domanda ta’ Pietru lilna nfusna: liema rridu nkunu aħna fil-qdusija tal-kondotta, fil-ħniena, waqt li nistennew u nħaffu l-ġrajja tal-jum ta’ Alla? (cf. 2Pt 3,11-12)

5. L-aspettattiva eskatoloġika tal-ittra tal-Appostlu: “Smewwiet ġodda u art ġdida, li fihom ikollha għamara stabbli l-ġustizzja” (2Pt 3,13), titkellem dwar il-laqgħa definittiva tal-Ħallieq mal-ħolqien tas-saltna tas-seklu li ġej, li għalih trid timmatura lil kull bniedem permezz tal-laqgħa interna tal-fidi, tat-tama u tal-karità.

Ix-xhieda ta’ din il-verità Ġwanni l-Battista, li fir-reġġjun tal-Ġordan jippriedka “magħmudija ta’ konverżjoni għall-maħfra tad-dnubiet” (Mk 1,4). Jitwettqu b’dan il-mod dwaru l-kliem tal-ewwel qari mill-ktieb ta’ Iżaija. Infatti, Ġwanni, kien ippriedka: “Warajja jiġi wieħed li huwa aqwa minni u lilu jien miniex dehen li jsejjaħli biex naqfillu l-qorq tiegħu. Jien għammidtkom bl-ilma, imma Hu se jgħammed bl-Ispirtu Santu” (Mk 1,7-8).

Ġwanni jiddistingwi b’mod ċar l-“avvent ta’ tħejjija” mill-“avvent tal-laqgħa”. L-avvent tal-laqgħa huwa opra tal-Ispirtu Santu, huwa l-Magħmudija bl-Ispirtu Santu. Huwa Alla stess li jmur jiltaqà mal-bniedem; irid jiltaqà miegħu fil-qalb stess tal-umanità tiegħu, billi hekk jikkonferma din l-umanità bħala xbiha eterna ta’ Alla u fl-istess ħin billi jagħmilha “ġdida”.

Kliem Ġwanni dwar il-Messija, dwar Kristu: “Huwa jgħammidkom bl-Ispirtu Santu”, jilħqu l-għerq stess tal-laqgħa tal-bniedem ma’ Alla ħaj, laqgħa li titwettaq f’Ġesù Kristu u li titnaqqax fil-proċess tal-istennija tas-smewwiet ġodda u tal-art il-ġdida, li fihom tgħammar il-ġustizzja: avvent tad-“dinja futura”. Fih, fi Kristu, Alla assuma l-figura konkreta tar-Ragħaj imħabbra mill-Profeti, u fl-istess ħin huwa sar il-Ħaruf li jneħħi d-dnubiet tad-dinja; għalhekk inserixxa ruħu fost il-folla li kienet issegwi lil Ġwanni, biex minn idejh jirċievi l-magħmudija ta’ penitenza u jsir solidali ma’ kull bniedem, biex imbagħad jittrażmettilu, meta jkun il-waqt, l-Ispirtu Santu, dik il-Qawwa Divina li tirrendina kapaċi li ninħelsu mid-dnubiet u nikkoperaw fit-tħejjija u l-miġja “tas-smewwiet il-ġodda u tal-art il-ġdida”.

“L-istennija ta’ art ġdida” – jgħallem il-Konċilju Vatikan II – m’għandhiex iddgħajjef , imma pjuttost tistimola l-ansjetà fix-xogħol relattiv għall-art preżenti, fejn jikber dak il-korp tal-umanità l-ġdida li diġa jirnexxilu joffri ċerta prefigurazzjoni li ddellel id-dinja futura. Għalhekk, għalkemm wieħed għandu jiddistingwi b’mod preċiż il-progress terren tal-iżvilupp tas-Saltna ta’ Alla, madanakollu, bil-kejl li bih jistà, jikkontribwixxi jew aħjar jorganizza s-soċjetà umana, tali progress huwa ta’ mportanza kbira għas-Saltna ta’ Alla  (Gaudium et Spes, 39).

6. Ejjew nisimgħu l-kelma ta’ Alla bil-konvinzjoni li din meta tiġi milqugħa mill-bniedem għandha l-qawwa tal-“Avvent”, u allura l-ħila li tibdel u li ġġedded. Mela ejjew nippronunzjaw mil- profond tal-qalb il-kliem tas-Salmista: “Se nismà dak li jgħid il-Mulej: Huwa jħabbar il-paċi għall-poplu tiegħu, għall-fidili tiegħu, lil min jerġa lura għandu b’qalbu kollha . Is-salvazzjoni tiegħu hi fil-qrib ta’ min jibżà minnu, u l-glorja tiegħu tgħammar lil artna” (Sal 85,9-10).

Ejjew nippronunzjaw bil-ferħ tali kliem, sabiex dan iniżżel fil-fond ta’qlubna t-tama l-ġdida u l-qawwa l-ġdida, sabiex iħabbru li l-ġlorja ta’ Alla se tgħammar l-art, li s-salvazzjoni hija fil-qrib ta’ dawk li jfittxuh. Alla jħabbar il-paċi, u jirrendi possibbli ż-żminijiet tal-fedeltà u tal-ġustizzja.
“Il-verità tinbet mill-art u l-ġustizzja titfaċċa mis-sema. Meta l-Mulej jikkonċiedi l-ġid tiegħu, l-art tagħna tagħti l-frott tagħha” (Sal 85,12-13).

7. Għeżież ħuti! L-Avvent tagħna jgħaddi f’tali prospettiva, u fiha titwettaq ukoll il-laqgħa tagħna, tassew mixtieqa. Xtaqt li nkun fostkom, li narakom, li nħares lejkom f’għajnejkom u nawguralkom, fil-preżenza ta’ Kristu, ġebla tax-xewka tal-binja tagħna (cf. Ef 2,20-22), jalla l-art tagħkom, jiġifieri l-parroċċa tagħkom, il-kwartier tagħkom jagħtu l-frott tagħhom. U nixtieq ukoll li nawgura lil kull wieħed u waħda minnkom li l-art propja tagħkom, jiġifieri intom stess, djarkom, il-familji tagħkom, jagħtu l-frott tagħhom.

Alla qal: “Kellmu lil qalb Ġerusalem” (Iż 40,2). Jien irrid inkellem lill-qalb ta’ kull wieħed u waħda minnkom, premezz tagħkom, lill-ġirien kollha tagħkom, lill-parruċċani kollha, sabiex taċċettaw bil-ferħ kemm il-messaġġ ta’ dan il-Ħadd tal-Avvent, kif ukoll id-dmirijiet li hu jqegħdilna quddiemna.

Ħejju t-triq lill-Mulej! Iddrittaw il-mogħdijiet tiegħu! Dan iseħħ fis-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, fl-Istqarrija fiduċjuża u umli tal-Avvent, sabiex quddiem it-tifkira tal-ewwel miġja ta’ Kristu, li huwa l-Milied, u fl-istess ħin fil-prospettiva eskatoloġika tal-Avvent definittiv tiegħu, id-dnub jiġi eliminat u mpatti, sabiex il-Knisja tkun tistà tipproklama lil kull wieħed u waħda minnkom li ntemmet l-iskjavitù, li l-Mulej Alla jiġi bil-qawwa.

Ħejjulu t-triq fi qlubkom, fi djarkom, fil-Komunità parrokkjali tagħkom.

Jalla f’kull wieħed u waħda minnkom, u fostkom, jiltaqgħu l-ħniena u l-verità, u jitbewsu l-ġustizzja u l-paċi.

Il-glorja ta’ Alla tgħammar din l-art!

Amen.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: