Ġwanni Pawlu II fl-450 sena mid-dehriet tal-Madonna fi Guadalupe

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-450° ANNIVERSARJU TAD-
DEHRIET TA’ SIDTNA TA’ GUADALUPE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Bażilika ta’ San Pietru,
12 ta’ Diċembru 1981


Sinjuri Kardinali,
Għeżież ħuti fl-Episkopat, 
Maħbubin ħuti,

1.Biċ-ċelebrazzjoni ta’ din l-Ewkaristija nixtieq nieħu sehem magħkom, maġemb l-altar tal-Mulej, f’att ta’ qima filjali lil Omm Kristu u l-Knisja, li lilha l-poplu Messikan jersaq lejha b’mod speċjali f’dawn il-jiem, għall-kommemorazzjoni tal-450° anniversarju tal-preżenza ta’ Marija Santissma ta’ Guadalupe f’ Tepeyac.

B’dan il-mod jiena inħejji ruħi, pellegrin tal-fidi, bħal dik l-għodwa tas-27 ta’ Jannar 1979, biex inkompli dak il-ġest marjan li wettaqt fis-Santwarju tal-poplu tal-Messiku u tal-Amerika Latina kollha, u li fih għal sekli intweriet il-maternità ta’ Marija. Għalhekk, inħoss li dan il-post sagru li fih qegħdin niltaqgħu, il-Bażilika ta’ San Pietru, testendi ruħha bl-għajnuna tax-xbiha teletrażmessa sal-Bażilika ta’ Guadalupe, minn dejjem qalb spiritwali tal-Messiku imma b’mod partikolari f’din iċ-ċirkustanza singulari.

Iżda mhux biss f’dak il-post, u linqas fin-nazzjon Messikan kollu tidwi din it-taħbita ta’ fidi nisranija, marjana u ekkleżjali, imma huma ħafna ħafna l-qlub li, min-nazzjonijiet kollha tal-Amaerka, mit-Tramuntana sa Nofsinhar, jingħaqdu f’pellegrinaġġ devot lejn l-Omm ta’ Guadalupe.

Huwa prova s-sehem sinifikattiv għal din iċ-ċelebrazzjoni, għall-għaqda mal-popli tal-Pajjiżi rispettivi tagħhom, tar-Rappreżentanti tal-Pajjiżi Latino-Amerikani u tal-Peniżola Iberika, magħqudin bi rbit ta’ kultura u mid-devozzjoni marjana.

Nixtieq li l-preżenza tiegħi fostkom ikollha wkoll sinifikat fiżiku; imma billi mhux possibbli, stedint fostkom bħala Legat tiegħi lill-Kardinal Segretarju tal-Istat Agostino Casaroli, biex ikun l-estensjoni tal-persuna tiegħi matul dawn iċ-ċelebrazzjonijiet u sinjal tar- rieda tajba speċjali tiegħi.

2. Il-messaġġ ta’ Guadalupe u l-preżenza tal-meqjuma Xbiha ta’ Sidtna li tippresiedi fit-tempju ġdid tagħha, kif kienet għal kważi tliet sekli fil-Bażilika preċedenti , huwa fatt reliġjuż ta’ kobor ewlieni, li mmarka b’mod deċiżiv it-toroq tal-evanġelizzazzjoni fil-kontinent Amerikan u ssiġilla l-konfigurazzjoni tal-kattoliċiżmu tal-poplu Messikan u tal-espressjonijiet vitali.

Din il-preżenza ta’ Marija fil-ħajja tal-poplu saret karatteristika ineliminabbli tar-reliġjożità radikata tal-poplu Messikan. Prova tajba ta’ dan kienu l-folol ma jaqtgħux li, fis-sekli li għaddew, iddiriġew il-mixja tagħhom lejn l-Omm u Sinjura, u li ħdejha ġeddew l-intenzjoni tagħhom ta’ fedeltà lejn il-fidi nisrainja. Huma provi evidenti wkoll il-kważi tminn miljuni ta’ nies li kull sena jmorru pellegrinaġġ lejn it-Tempju tagħha, hekk kif il-preżenza ta’ Marija fit-tant djar, fabbriki, toroq, knejjes u muntanji tal-Pajjiż.

Dan il-fatt Guadalupjan jiġbor elementi kostituttivi u espressivi li fihom valuri reliġjużi profondi u li trid tkun taf tivvalorizzahom sabiex ikunu, dejjem iktar,, kanali ta’ evanġelizzazzjoni futura.

3. Se nillimita ruħi biex nesponi tliet aspetti li jkopru sinifikat speċjali.

Fil-messaġġ Guadalupjan toħroġ b’qawwa singulari r-referenza kostanti għall-maternità verġinali ta’ Marija. Il-poplu fidil dejjem żamm, infatti, għarfien ħaj li l-Omm twajba tas-sema li warajha jinġabru mploranti hija il-Verġni dejjem perfetta” tat-tradizzjoni nisranija l-antika, l-aeiparthénos tas-Santi Padri Griegi, il-verġni tal-Vanġelu (cf. Mt 1,18-15; Lc 1,26-38), il-“mimlija bil-grazzja” (Lq 1,28), oġġett ta’ benevolenza divina singolarissma li tiddestina li tkun Omm Alla nkarnat, it-Theotokos tal-Konċilju ta’ Efesu, id-“Deipara” meqjuma fil-Maġisteru ekkleżjali kollu sa żminijietna.

Quddiem din ir-realtà hekk għanja u profonda, għadu kultant iħoss b’mod sempliċi u mhux sħiħ, imma bi spirtu sinċier ta’ fidi u ta’ ubbidjenza lejn il-Knisja, dan l-istess poplu, kattoliku fil maġġoranza tiegħu u Guadalupjan fit-totalità tiegħu, irrejaġixxa b’manifestazzjoni entużjasta ta’ imħabba marjana, li għaqqditu f’sentiment kollettiv komuni u rrendielu iktar simbolika l-għolja ta Tepeyac. Ladarba f’dak il-post iltaqà miegħu nnifsu, fil-professjoni tar-reliġjożità marjana żelanti tiegħu, l-istess ta’ popli oħra tal-Amerika, ikkultivata wkoll f’Santwarji oħra, kif stajt personalment nosserva matul iż-żjara tiegħi fil-Brazil.

4. Aspett ieħor fundamentali pproklamat mill-messaġġ Guadalupjan huwa l-maternità spiritwali ta’ Marija lejn il-bnedmin kollha tant magħqudin b’mod intimu mal-maternità divina.  Infatti fid-devozzjoni Guadalupjana tidher mill-bidunett dan il-fattur karatterizzanti, li r-Rgħajja dejjem sostnew u l-fidili għexu b’fiduċja ċerta. Fattur imgħallem fil-kontemplazzjoni ta’ Marija fl-irwol singulari fl-intern tal-misteru tal-Knisja mgħoddi lilha mill-missjoni tagħha ta’ Omm is-Salvatur.

Propju għaliex aċċettat b’mod liberu li tieħu sehem fil-pjan feddej ta’ Alla, hija ħadet sehem b’mod attiv, magħquda ma’ Binha, fl-opra tas-salvazzjoni tal-bnedmin. Dwar din il-funzjoni esprima ruħu b’mod imdawwal il-Konċilju Vatikan II: Marija, “billi kkonċepiet lil Kristu, iġgeneratu, tematu, ippreżentatu lill-Missier fit-Tempju, batiet ma’ Binha agoniżżżanti fuq is-salib, ikkoperat b’mod għal kollox speċjali fl-opra tas-Salvatur bl-ubbidjenza, il-fidi, it-tama u l-karità mħeġġa, biex tirrestawra l-ħajja soprannaturali tal-erwieħ. Minħabba dan kienet għalina Omm fl-ordni tal-grazzja  (Lumen Gentium, 61).

Dan huwa tagħlim li, barra milli jindika l-koperazzjoni tal-Verġni santissma fir-restawr tal-ħajja soprannaturali tal-erwieħ, jiddefinixxi l-missjoni tagħha bħala Omm spiritwali tal-bnedmin.

Għalhekk il-Knisja tikkonferilha l-qima tagħha ta’ mħabba mħeġġa “meta tikkunsidra l-Maternità spiritwali ta’ Marija lejn il-membri kollha tal-Ġisem Mistiku” (Pawlu VI, Marialis Cultus, 22). Fuq din l-istess linja ta’ tagħlim, Pawlu VI b’mod konsistenti ddikjara lil Marija “Omm il-Knisja” (cf. AAS, [1964] 1007). Għal din l-istess raġuni xtaqt jiena wkolli nafda lill-Omm Alla l-popli kollha tad-dinja (7 ta’ Ġunju u 8 ta’ Diċembru 1981).

Dawn l-argumenti duttrinali saru esperjenza migħuxa, li għadha għaddejja sallum fl-istorja reliġjuża Latino-Amerikana, u iktar b’mod iktar konkret tal-poplu Messikan, dejjem inkuraġġit f’din it-triq mir-Rgħajja tiegħu. Opra din mibdija mill-figura episkopali ta’ Fra Ġwanni di Zumarraga u kompluta b’mod żelanti minn ħutu u s-suċċessuri tiegħu. Dan kien impenn segwit b’mod insistenti kullimkien u mwettaq b’mod singulari fis-Santwarju Guadalupjan, bħala punt komuni ta’ ftehim. Hekk ukoll seħħ f’dan iċ-ċentinarju li jimmarka fl-istess ħin li ż-żmien stess l-450° anniversarju tal-arċidijoċesi tal-Messiku. Għal darba oħra, il-poplu fidil esperimenta l-preżenza konsolanti u animatriċi tal-Omm, kif wara kollox dejjem ħass matul l-istorja tiegħu kollha.

5. Guadalupe u l-messaġġ tagħha, fl-aħħarnett, il-ġrajja li ħolqot u esprimiet bil-mod l-iktar preċiż il-fatturi ewlenin tal-kultura oriġinali tal-poplu Messikan, mhux bħal xi ħaġa li timponi ruħha minn barra, imma f’armonija mat-tradizzjonijiet tiegħu kulturali.

Infatti fil-kultura Azteka predominanti ippenetrat, għaxar snin wara l-konkwista, il-ġrajja evanġelizzanti ta’ Marija ta’ Guadalupe, meqjusa bħala xemx ġdida, ħallieqa ta’ armonija fost l-elementi f’taqtigħa u li fetħet era oħra. Din il-preżenza evanġelizzanti, bix-xbiha mestiza ta’ Marija li tgħaqqad iż-żewġ razez, tikkostitwixxi sinjal prominenti ta’ krejattività konnaturali ma kultura ġdida kristjana f’Pajjiż u, b’mod parallel, f’kontinent. Għal dan ġustament il-Konferenza ta’ Puebla tistà tgħid li “il-Vanġelu nkarnat fil-popli tagħna jgħaqqadhom f’oriġinalità storika u kulturali  li nsejħu Amerika Latina. Din l-identità hija simbolizzata b’mod tassew imdawwal mill-wiċċ mestizju ta’ Marija ta’ Guadalupe li tqiegħed lilha nfisha fil-bidu tal-evanġelizzazzjoni” (Puebla, 446). Għalhekk fiż-żjara tiegħi lis-Santwarju tsa’ Guadalupe jiena nsistejt li “minn mindu l-Indju Juan Diego tkellem dwar is-Sinjura ħelwa ta’ Tepeyac, int Omm ta’ Guadalupe, dħalt b’mod deċiżiv fil-ħajja nisranija tal-poplu Messikan” (Ġwanni Pawlu II, Omelia, 27 gennaio 1979Insegnamenti di Giovanni Paolo II, II [1979] 161). U b’mod effettiv, il-koeżjoni madwar il-valuri essenzjali tal-kultura tan-nazzjon Messikan jitwettqu madwar valur fundamentali. Li għall-Messikani – bħal ma’ għal-Latin Amerikan – kien Kristu, ippreżentat minn Marija ta’ Guadalupe. Minħabba dan, Hija  b’rriferenza ovvja għal Binha, ikkostitwiet iċ-ċentru tar-reliġjożità popolari tal-poplu Messikan u tal-kultura tiegħu, u kienet preżenti fil-waqtiet deċiżivi ta’ ħajtu ndividwali u kollettiva.

6. Din ir-realtà kulturali, flimkien mal-preżenza tant sabiħa tal-Omm u Sinjura, jikkostitwixxu element potenzjali li għandu jkun żviluppat fil-virtwalitajiet evanġeliċi tiegħu kollha fi prospettiva futura, bl-iskop li jmexxi lill-poplu fidil, permezz ta’ Marija, lejn Kristu, ċentru tal-ħajja kollha nisranija. B’dan il-mod il-ħniena marjana m’għandhiex titħalla tagħti dejjem iktar importanza lir-“ rabta li ma tinħallx u r-riferenza essenzjali tal-Verġni għas-Salvatur Divin” (Pawlu VI, Marialis Cultus, 25).

Mhemmx dubju li minn hawn, mill-għerq reliġjuż li għandu jispira l-aspetti l-oħra kollha tal-kultura; mill-irbit tal-fidi li jgħaqqdu ma’ Alla u min-nota marjana, wieħed għandu jfittex fil-Messiku, kif ukoll fin-nazzjonijiet l-oħra, il-fatturi promuturi tal-komunjoni u tal-parteċipazzjoni li għandhom imexxu għall-evanġelizzazzjoni tad-diversi setturi tas-soċjetà.

Minn hawn għsandha tittieħed ispirazzjoni għal impenn urġenti favur il-ġustizzja, biex ifittex b’mod serju li  jimla d-diżlivelli gravi eżistenti fil-kamp ekonomiku, soċjali u kulturali; biex jibni din l-għaqda fil-libertà li jagħmlu mill-Messiku u kull wieħed mill-Pajjiżi tal-Amerka, soċjetà solidali u pparteċipata b’mod responsabbli, komunità awtentika u sagrosanta ta’ fidi, fidila għall-esiġenzi tagħha u miftuħa b’mod drammatiku  għal integrazzjoni konvenjenti – li tibda mill-komunjoni tal-kredu – f’livell nazzjonali, latinamerikan u internazzjonali.

F’din il-prospettiva wiesgħa, immexxi mill-Verġni ta’ Guadalupe, patruna tal-Amerika Latina, jiena nindirizza ħsibijieti u mħabbti lill-popli kollha tal-kontinent , b’mod speċjali lil dawk li jbatu ċaħdiet maġġuri, u b’mod partikolari  għal dawk tal-Amerika Ċentrali, illum milquta b’mod partikolari minn sitwazzjonijiet ierbsa u dolorużi li jqanqlu tant preokkupazzjoni f’ruħi u fl-opinjoni pubblika kollha, minħabba l-konsegwenzi negattivi tagħhom rigward konvivenza paċifika u minħabba r-riskju li jinvolvi l-ordni internazzjonali stess.

Huwa meħtieġ u urġenti li l-fidi marjana u nisranija tagħti ħeġġa għal azzjoni ġeneralizzata favur il-paċi għal dawk il-popli li tant qegħdin ibatu; li jqegħdu fil-prattika medtodi effikaċi ta’ ġustizzja li jissuperaw id-distanza krexxenti ta’ bejniethom li jgħixu fil-ġid u dawk li jonqoshom ukoll dak indispensabbli;  għandu jkun megħlub, permezz ta’ proċedimenti li jorbtuh mal-istess għeruqu, il-fenomenu tas-sovverżjoni-ripressjoni li jitma l-ispirali ta’ vjolenza fatali; għandha tkun ristabbilita fil-moħħ u fl-azzjonijiet ta’ kulħadd; l-istima għall-valur suprem u l-protezzjoni tas-sagralità tal-ħajja; għandha tkun eliminata kull tip ta’ tortura li tiddegrada l-bniedem, billi jiġu rispettati b’mod integrali d-drittijiet umani u reliġjużi tal-persuna; hemm bżonn niggwidaw b’impenn il-promozzjoni tal-persuni, mingħajr impożizzjonijiet li jimpedixxu t-twettiq liberu bħala ċittadini, membri ta’ familja u ta’ komunità nazzjonali. M’għandhiex tkunm eliminata r-riforma meħtieġa ta’ ċerti strutturi nġusti, waqt li jiġu evitati fl-istess ħin metodi ta’ azzjoni li jwieġbu għal  ideat ta’ ġlieda tal-klassi; hemm bżonn promozzjoni tal-edukazzjoni kulturali ta’ kulħadd, billi tiġi ssalvagwardata d-dimensjoni umana u reliġjuża ta’ kull ċittadin jew missier ta’ familja.

Impenn għal moralità pubblika għandu jkun l-ewwel rekwiżit fl-instawrazzjoni ta’ moralità privata solida; u jekk inhu ċert  li għandhom ikunu salvagwardati l-esiġenzi ta’ konvivenza ordnata, qatt il-persuna umana u l-valuri tagħha m’għandhom ikunu suġġetti għal korpi jew finalitajiet, u linqas m’għandhom ikunu vittmi ta’ idejoloġiji msaterjalistiċi – ta’ kewalunkwè tip li jkunu – li jifgaw fl-esseri uman id-dimensjoni traxxendentali tiegħu.                                                  

L-imħabba tal-bniedem xbiha ta’ Alla, l-għażla preferenzjali tiegħu għa dak l-iktar fqir – mingħajr esklużiżmi linqas mibegħda –,  ir-rispett lejn id-dinjità tiegħu u lejn il-vokazzjoni terrena u eterna tiegħu, għandhom ikunu l-parametru gwida li għalih għandu jaspira fil-valuri tal-fidi.

F’dan l-ispirtu ta’ servizz lill-bniedem, ukoll mill-punt di vista nazzjonali u internazzjonali, aċċettajt – ftit jiem qabel iż-żjara tiegħi lis-Santwarju ta’ Guadalupe – l-opra ta’ medjazzjoni bejn in-nazzjonijiet aħwa tal-Argentina u taċ-Ċili.

Dan kien jikkonsisti fli jkun evitat minnufih, u jiena evitajtu, konflitt ta’ gwerra li kien jidher imminenti, u li kien se jkollu konsegwenzi fatali. Issa ili kważi tliet snin li ili naħdem fuq din l-opra, mingħajr ma nevita ebda sforz u linqas ħin.

Nistieden lil kulħadd biex jitlob lill-Omm ta’ Ġuadalupe, sabiex tinħall minnufih din il-kontroversja wiesgħa u diffiċli. Il-vantaġġi għaż-żewġ popli interessati jkunu kbar ħafna – bħalma għall-Amerika Latina kollha u wkoll għad-dinja – li b’mod l-iktar imħeġġeġ jistennew tali riżultat. Prova ta’ dan huma l-firem numerużi miġbura fost iż-żgħażagħ u li se jkunu depożitati quddiem dan l-altar.

Jalla dawn iż-żgħażagħ ikunu l-ħabbara tal-paċi.

Jekk jeżaminaw b’mod seren is-sagrifiċċji li l-qbil jimplika, allura jaraw li tkun ħaġa ta’ sodisfazzjon li jiffaċċjawha, meta jitqies il-ġid superjuri.

7. F’riġlejn il-Verġni ta’ Guadalupe inqiegħed dawn l-intenzjonijiet, flimkien mal-problemi u d-diffikultajiet tal-Amerika Latina kollha.

Kunm int o Omm, Dik li tipproteġi l-Isqfijiet, is-saċertdoti, ir-reliġjużi rġiel u nisa sabiex, imfawra bl-imħabba profonda għall-Knisja u ġenerożament fidili għall-missjoni tagħhom, ikomplu għaddejjin bid-dixxerniment propju fis-servizz ekkleżjali tagħhom u jibnu fil-verità u fil-karità l-poplu ta’ Alla. Kun int Dik li tispira l-mexxejja, sabiex b’rispett profond tad-drittijiet ta’ kull ċittadin u fi spirtu ta’ servizz lejn il-poplu tagħhom, ifittxu dejjem il-paċi, il-ġustizzja, il-qbil, il-veru progress, il-moralità fil-ħajja pubblika kollha. Kun int Dik li ddawwal b’intenzjonijiet ta’ ġustizzja u ta’ onestà lil dawk li għandhom f’idejhom il-poter ekonomiku u soċjali, sabiex ma jittraskurawx l-esiġenzi tal-ġustizzja fir-relazzjonijiet komunitarji, u b’mod speċjali ma’ dawk l-inqas favoriti. Għin liż-żgħażagħ u lill-istudenti, sabiex iħejju sewwa biex iħeġġu enerġiji ġodda ta’ onestà, kompetenza u ġenerożità fir-relazzjonijiet soċjali.

Ħsares bi tjubija lill-bdiewa, sabiex jilħqu livell ta’ ħajja iktar ġusta u dekoruża. Ipproteġi lil ħut Juan Diego, l-indiġeni, sabiex ikun mogħti lilhom post denju fis-soċjetà, mingħajr emarġinazzjoni u bla diskriminazzjoni. Iggwida lit-tfal, sabiex dejjem ikollhom l-eżempju tajjeb u l-imħabba ta’ missirijiethom. Ipproteġi fl-għaqda, il-familji, sabiex ikunu qawwija u perseveranti fl-imħabba nisranija. U mill-waqt li int Imperatriċi tal-Ameriki, ifrex il-protezzjoni tiegħek fuq in-nazzjonijiet kollha tal-Kontinent Amerikan u fuq dawk li ġabu hawn il-fidi u l-imħabba fik.

Ara, fl-aħħarnett, Omm, li din iċ-ċelebrazzjoni ċentenarja tal-poplu Messikan, li juri l-fedeltà marjana tiegħu fl-450 sena li għaddew, ikun, fik, il-bidu ta’ fedeltà mġedda lil Kristu u lill-Knisja tiegħu. Hekk ikun.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: