Ġwanni Pawlu II lill-Istudenti tas-Seminarju Minuri ta’ Ruma

Print Friendly, PDF & Email

QUDDIESA GĦALL-ISTUDENTI TAS-
SEMINARJU RUMAN MINURI PONTIFIĊJU
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Kappella Pawlina, 20 ta’ Diċembru 1981

1. “Hawn jien, jien il-qaddejja tal-Mulej” (Lq 1,38).

Dan il-kliem, ta’ Marija jinsab fiċ-ċentru taċ-ċelebrazzjoni liturġika tallum tar-Rabà Ħadd tal-Avvent.

Ninsabu issa qrib ferm tas-Sollennità tal-Milied, u qlubna jitħeġġu dejjem iktar bix-xewqa u bl-imħabba għal Dak li għandu jiġi. Fil-Ħdud, il-qari tal-liturġija pproponielna l-figura severa ta’ Ġwanni l-Battista, eżempju mdawwal ta’ stennija fl-umiltà u fil-kjaroveġġenza.

Illum, iżda, għandna quddiem għajnejna l-figura ta’ Marija, hekk bħal ma jiddeskrivihielna l-evanġelista Luqa fix-xena klassika tal-Annuzjazzjoni. Ejjew naħsbu dwar kemm artisti pittru u nterpretaw dak il-waqt sublimi: kemm modi differenti ta’ riproduzzjoni tal-esperjenza singulari u d-deċisività ta’ dik is-siegħa! Madankollu kollha jaqblu, għalkemm b’varjetà ta’ stili u ta’ dettalji, fl-enfasi tal-personalità ta’ Marija quddiem l-Anġlu, l-atteġġjament profond tagħha tas-smigħ u tat-tweġiba ta’ disponibiltà totali: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont dak li għidtli”!

2. Dak kien il-waqt tal-vokazzjoni ta’ Marija, u minn dak il-waqt iddependiet l-istess possibiltà tal-Milied. Mingħajr l-Iva ta’ Marija, Ġesù ma kienx jitwieled.

Għeżież ħuti! Għeżież tfal tiegħi! X’lezzjoni hija din għalina lkoll! Intom, hawn preżenti, intom seminaristi jew ħbieb tas-Seminarju, u intom ukoll ġenituri u familjari ta’ dawn it-tfal. Mela, il-Vanġelu tallum huwa tassew addattat għal din il-laqgħa tagħna, biex iġegħlna nirriflettu dwar it-tema kbira tal-vokazzjoni.

Infatti, mingħajr l-Iva ta’ tant erwieħ ġenerużi, mhuwiex possibbli li nkomplu nwelldu lil Ġesù fil-qlub tal-bnedmin, jiġifieri nwassluhom għall-fidi li ssalva, Imma propju dan huwa meħtieġ: li l-“hawn jien” ta’ Marija tirrepeti ruħha mill-ġdid, u kważi terġà tieħu l-ħajja, fid-dedikazzjoni tagħkom u ta’ tant bħalkom, sabiex ma jonqsu qatt  fid-dinja; il-possibiltà u l-ferħ li nsibu lil Ġesù, li nadurawh u li nħallu lilna nfusna nkun mmexxija mid-dawl tiegħu, bħalma diġa seħħ għar-rgħajja fqajrin ta’ Betlem u għall-Maġi li ġew mill-bogħod.

Dina infatti hija l-vokazzjoni: proposta, stedina, anzi solleċitudni li nwasslu lis-Salvatur lid-dinja tallum, li tant għandha bżonn. Rifjut ifisser mhux biss ċaħda tal-kelma tal-Mulej, imma wkoll abbandun ta’ bosta ħutna fl-iżball, fin-nuqqas ta’ sens, jew fil-frustrazzjoni tal-aspirazzjonijiet tagħhom l-iktar sigrieti u l-iktar nobbli, li għalihom la jafu u linqas weħedhom jagħtu tweġiba.

Aħna llum niżżu ħajr lil Marija talli laqgħet is-sejħa divina, ladarba l-aċċettazzjoni minnufih tagħha kienet fis-sors tas-salvazzjoni tagħna. Bl-istess mod, ħafna jistgħu jiżżu ħajr lilkom ilkoll u jberkukom, għaliex, billi aċċettajtu s-sejħa tal-Mulej, se twasslu lilhom il-Vanġelu tal-grazzja (cf. At 20,24), u hekk sirtu, bħalma jikteb San Pawl, “kollaboraturi tal-ferħ tagħhom” (cf. 2Kor 1,24).

3. Imma biex timmatura vokazzjoni huwa meħtieġ il-kontribut tal-familja. Fl-eżortazzjoni riċenti dwar id-dmirijiet tal-familja nisranija fid-dinja tallum, ktibt li hija hi “l-ewwel u l-aħjar seminarju tal-vokazzjoni għall-ħajja  ta’ konsagrazzjoni għas-Saltna ta’ Alla” (Ġwanni Pawlu II, Familiaris Consortio, 53); infatti, “is- servizz imwettaq mill-miżżewġin iu mill-ġenituri insara favur il-Vanġelu huwa essenzjalment servizz ekkleżjali, jiġifieri jerġà jidħol fil-kuntest tal-Knisja kollha bħala komunità evanġelizzata u evanġelizzanti” (Ivi).

Għeżież ġenituri hawn preżenti, inħeġġiġkom b’mod ħaj biex tkomplu dejjem iktar tkunu minn dawn l-irġiel u minn dawn in-nisa, li jħossu għal kollox il-problemi tal-ħajja tal-Knisja, li jwettqu u jagħrfu wkoll jittrażmettu lil uliedhom din is-sensibiltà, bit-talb, il-qari tal-Kelma ta’Alla, l-eżempju ħaj. Normalment vokazzjoni titwieled u timmatura f’ambjent familjari tajjeb, responsabbli, nisrani.  Propju hemm tgħaddas għeruqha u minn hemm tieħu l-possibiltà li tikber u ssir siġra b’saħħitha u mimlija frott delizzjuż. Bla dubju hija meħtieġa koperazzjoni f’armonija mas-Seminarju dijoċeżan u avanz id f’id fid-dmir delikat tal-edukazzjoni u fil-formazzjoni tal-aspiranti tal-Presbiterju. Fil-fatt, is-Seminarju jiżvolġi rwol uniku u deċiżiv. Imma kollox jibda mill-familja u kollox huwa kkondizzjkonat fl-aħħar minn l-aħħar minnha.

,Għalhekk, intom ukoll, għeżież familjari, tagħmlu sehem mill-vokazzjoni ta’ dawn it-tfal. Intom ukoll, f’ċertu serns, tistgħu u għandkom twieġbu lill-Mulerj: “Hawn jien… ħa jsir minni dak li għidt”, waqt li tagħtu Lilu u anzi tirregalawlu l-frott tal-imħabba reċiproka tagħkom. U ibqgħu ċerti li għall-Mulej u għall-Knisja tiegħu vale la pena li timpenjaw ruħkom sa dan il-punt

4. L-anġlu qal lil Marija: “L-Ispirtu Santu jinżel fuqek, u l-qawwa tal-Iktar Għoli tifrex fuqek id-dell tagħha” (Lq 1,35). Mela, jien nirrakkomandakom, minn qalbi lil din il-“qawwa” divina u lilha nafdakom, ladarba “xejn mhu mpossibbli għal Alla” (Lq 1,37); għall-kuntrarju, bil-grazzja tiegħu nistgħu nwettqu “ħwejjeġ kbar” bħalma l-Madonna stess kantat fil-Magnificat (cf. Lq 1,49).

Jalla il-Milied li ġej ikun għani bid-dawl u bil-qawwa għalikom ilkoll:  sabiex tkunu tistgħu tagħrfu sewwa il-mixja li intom imsejħa biex twettqu f’din il-ħajja terrena, biex tistgħu tkunu tistgħu tidħlu għaliha b’determinazzjoni ġeneruża, u tkun tistgħu ssostnuha b’perseveranza u entużjażmu li ma jaqtà qatt. Amen!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: