Il-Papa Franġisku jħabbar it-2 ta’ Marzu, bħala jum ta’ talb u sawm għal Ukrajna

Print Friendly, PDF & Email

Waqt l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Papa Franġisku għamel appell mill-qalb għall-paċi fl-Ukrajna, u qal li t-theddida tal-gwerra qed tikkawża uġigħ kbir f’qalbu. “Minkejja l-isforzi diplomatiċi ta’ dawn l-aħħar ġimgħat, qed jinfetħu xenarji dejjem aktar allarmanti”, sostna l-Papa; b’ħafna nies madwar id-dinja kollha jħossu dieqa u wġigħ.

Il-Qdusija Tiegħu talab ukoll biex “il-partijiet kollha nvoluti biex joqgħodu lura minn kull azzjoni li terġa’ tipprovoka iktar tbatija lil-popli, li tiddestabilizza l-konvivenza bejn il-ġnus u ġib fix-xejn il-liġi internazzjonali”.

Meta tkellem fi tmiem l-Udjenza Ġenerali, l-Papa Franġisku stieden lil kulħadd biex it-2 ta’ Marzu, l-Erbgħa tal-Irmied, ikun Jum ta’ Sawm għall-Paċi. “Inħeġġeġ b’mod partikolari lil min jemmen biex dakinhar jiddedika ruħu intensament għat-talb u s-sawm. Ħa tħares is-Sultana tal-Paċi lid-dinja mill-bluha tal-gwerra”.

Hekk kif it-theddida ta’ gwerra qed tiżdied fl-Ewropa tal-Lvant, nhar l-Erbgħa, l-Istati Uniti fittxew li jagħmlu pressjoni fuq ir-Russja, billi żiedu aktar sanzjonijiet. L-Istati Uniti, l-Unjoni Ewropea, l-Ingilterra, l-Awstralja, l-Kanada u l-Ġappun ippjanaw li jimmiraw lejn il-banek u nies ewlenin, filwaqt li l-Ġermanja ffriżat proġett kbir ta’ pipeline tal-gass mir-Russja. S-Segretarju Ingliż għall-Affarijiet Barranin Liz Truss qalet li l-Ingilterra se twaqqaf lir-Russja milli tbigħ id-dejn sovran f’Londra. Dawn il-mossi ġejjin wara lir-Russja skjerat truppi f’reġjuni separatisti tal-Lvant tal-Ukrajna.

Nhar it-Tnejn li għaddew, Putin irrikonoxxa l-indipendenza fir-reġjun ta; Donbass li jmissu mar-Russja, u qajjem biża’ ta’ ġwerra kbira fil-Punent.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-02/pope-announces-2-march-as-day-of-prayer-and-fasting-for-ukraine.html

%d bloggers like this: