Il-Papa Franġisku wara t-talb tal-Angelus reġa’ tkellem dwar is-sitwazzjoni fl-Ukrajna.
F’dawn il-jiem konna xxukkjati minħabba xi ħaġa traġika: il-gwerra. Bosta drabi tlabna biex ma tinqabadx dit-triq. U mhux se nehdew nitolbu, anzi, nitolbu bil-ħerqa u b’aktar intensità lil Alla. Għaldaqstant inġedded l-istedina lil kulħadd biex it-2 ta’ Marzu, l-Erbgħa tal-Irmied, tkun ġurnata ta’ talb u sawm għall-paċi fl-Ukrajna. Ġurnata biex inkunu qrib it-tbatijiet tal-poplu ukren, biex inħossuna lkoll aħwa u nitolbu b’ħeġġa kbira lil Alla biex il-gwerra tintemm.
Min jagħmel il-gwerra, min jipprovoka l-gwerra, ikun qed jinsa l-umanità. Ma jimpurtahx min-nies, mill-ħajja konkreta tal-persuni, imma jqiegħed l-interessi tiegħu u tas-setgħa qabel kollox. Idur lejn il-loġika djabolika u perversa tal-armi, loġika mill-aktar imbegħeda mir-rieda t’Alla. U jinqata’ min man-nies komuni li trid il-paċi u li f’kull kunflitt tkun il-veru vittma, li tħallas b’ġildha l-ġenn tal-gwerra. Qed niftakar fl-anzjani, f’dawk li f’das-siegħet qed ifittxu kenn, fl-ommijiet maħruba b’uliedhom magħhom…Dawn huma ħutna li hemm bżonn urġenti niftħulhom kuriduri umanitarji u li għandhom ikunu milqugħin.
B’qalbi mċarrta minħabba dak li qed jiġri fl-Ukrajna – u ma ninsewx il-gwerer f’inħawi oħra tad-dinja bħall-Yemen, is-Sirja, l-Etjopja… – intenni: ħa jissikktu l-armi! Alla jieqaf mal-operaturi tal-paċi mhux ma’ min juża l-vjolenza. Għax min iħobb il-paċi, kif tgħid il-Kostituzzjoni Taljana, “jirrifjuta l-gwerra bħala strument ta’ offiża għal-libertà tal-popli l-oħra u bħala mezz biex isolvi l-kontroversji internazzjonali” (Art. 11).
Ara d-diskors kollu tal-Papa Franġisku …