Pubblikazzjoni ġdida għal żmien ir-Randan

Print Friendly, PDF & Email

Kemm hija għażiża l-Kelma tiegħek, Mulej! Lectio Divina għall-Evanġelju ta’ żmien ir-Randan – Sena C.

Dan huwa l-isem ta’ ktieb ġdid miktub minn Rev Dr Martin Micallef, fis-sensiela “Reliġjon u Ħajja – Bibbja 24/30” ippubblikat mill-Franġiskani Konventwali, Malta 2022 – ISBN 978-9918-603-27-5 – pp. 132. Il-ktieb jinkludi Lectio Divina għal ħames siltiet tal-Evanġelju tal-Ħdud għas-sena liturġika C, bit-tappi tradizzjonali tal-Lectio Divina, jiġifieri Lectio, Meditatio, Oratio, Contemplatio u Operatio.

F’dawn ir-riflessjonijiet Rev Micallef jurina kif fi żmien ir-Randan niġu mistednin sabiex nerġgħu nħarsu lejn il-ħajja tagħna u ngħixuha bħala wlied Alla, kif tassew aħna. Fl-Ewwel Ħadd l-awtur jakkumpanjana fl-episodju tat-tentazzjonijiet ta’ Ġesù li matulhom wera li kien tassew l-Iben ta’ Alla. Fit-Tieni Ħadd jgħinna nitilgħu ma’ Ġesù fuq muntanja u naraw is-sbuħija tiegħu li ddewwaqna minn kmieni l-glorja tal-Qawmien. Fit-Tielet Ħadd iwassalna biex nisimgħu sejħa qawwija għall-indiema f’relazzjoni mal-paċenzja kbira li l-Mulej juri lejna l-midinbin. Fir-Raba’ Ħadd jistedinna biex nikkontemplaw il-ħniena kbira ta’ Alla permezz tal-parabbola tal-missier ħanin li kellu żewġ ulied ingrati lejh. Fil-Ħames Ħadd imbagħad jippreżentalna l-episodju tal-mara li nqabdet fid-dnub u kif Ġesù, filwaqt li ħelisha mill-kundanna tal-mewt, wera l-ipokrisija ta’ dawk li kienu qed jakkużawha.

B’din il-pubblikazzjoni Rev Micallef ikun temm tliet pubblikazzjoni li għandhom iservu biex jgħinnuna napprezzaw, nifhmu u nitolbu aktar bil-qari tal-Evanġelju tal-Ħdud tar-Randan fiċ-ċiklu tat-tliet snin. Il-ktieb jinbiegħ mic-CAK u mill-libreriji reliġjużi għall-prezz ta’ 6 ewro. Għal aktar tagħrif ara

https://ruhmalta.com/kemm-hi-ghaziza-l-kelma-tieghek-mulej.html

%d bloggers like this: