Il-gradwazzjoni tagħkom trid tkun ukoll messaġġ ta’ tama

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 8 ta’ Marzu 2022: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Quddiesa għall-gradwati l-ġodda tal-Università ta’ Malta. Konkatidral ta’ San Ġwann, Valletta.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Meta Ġesù jitkellem fuq Alla anke f’dan l-Evanġelju li għadna kemm smajna, jippreferi juża l-kelma ‘missier’: “Missierkom jaf x’teħtieġu” (Mt 6:8). “Jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll” (Mt 6:14). Jalla lkoll kemm aħna għandna togħma tajba meta nisimgħu l-kelma ‘missier’. Forsi mhux dejjem hu l-każ imma nifhmu li l-paternità naturali u kull tip ta’ paternità oħra hi sejħa biex dak li jkun jieħu responsabbiltà imma fl-istess ħin jagħti libertà.

Il-Papa Franġisku għamel riflessjonijiet sbieħ dwar il-paternità meta tkellem fuq San Ġużepp, li ma kienx missier naturali ta’ Ġesù, imma kien imsejjaħ juża paternità legali fil-familja ta’ Nazaret, tah ismu u Ġesù kien magħruf bħala bin Ġużeppi l-mastrudaxxa ta’ Nazaret.

Ġużeppi jgħallimna kif tkun missier. “Il-missier,” jgħid il-Papa Franġisku, “hu dak li jagħti kas u jieħu kura”. Nixtieqkom, intom u tiggradwaw, ittemmu fażi oħra tal-istudji u l-ispeċjalizzazzjoni tagħkom, li fil-konfront tagħkom infuskom, tas-soċjetà, tal-klijenti li għad tkunu ta’ servizz għalihom, intom taddottaw l-istil ta’ paternità: li tieħu ħsieb tindokra u fl-istess ħin tagħti dinjità u libertà. Għax hemm paternità li ssir possessiva: il-missier li jipprova jerġa’ jgħix ħajtu fit-tifel jew fit-tifla u jipproġetta mhux biss il-ħolm tiegħu imma kultant ukoll ir-rabja u l-frustrazzjonijiet tiegħu fuq uliedu.

Il-Papa jinsisti li l-paternità matura – u dan hu proċess li jrid iż-żmien u l-paċenzja magħna nfusna u fuqna nfusna – hi xi ħaġa li ġġagħal lil dak li jkun, lill-ulied naturali jew li huma afdati f’idejna, lil kull persuna afdata f’idejna, tagħtiha l-opportunità li tikber, tiffjorixxi bid-doni li għandha f’ambjent ta’ libertà, f’ambjent ta’ għożża, f’ambjent ta’ mħabba.  

Meta Ġesù għallimna nitolbu, għallimna nduru lejn Alla bħala familja mhux bħala individwi u lil Alla ngħidulu ‘missierna’. Hemm ħafna għerf f’din l-għażla ta’ Ġesù għax it-tentazzjoni tagħna hi li ngħixu ħajjitna f’tip ta’ individwaliżmu sfrenat li fih ngħidu: ‘Jiena moqdi? Moqdi kulħadd’. Nixtieq nistedinkom biex fil-ħajja professjonali tagħkom ikollkom dejjem bħala għan prinċipali l-għożża tal-ġid komuni għax waqt li qed tieħu ħsieb ħaddieħor, qed tieħu ħsieb ukoll lilek innifsek. Imma jekk mingħalik se tieħu ħsieb lilek innifsek biss, tispiċċa f’faqar kbir, delużjoni enormi. U jekk nagħmlu hekk, minflok inkattru l-ferħ, il-benesseri, is-saħħa ta’ xulxin, inkissru lil xulxin.

Nixtieq nistedinkom biex fil-ħajja professjonali tagħkom ikollkom dejjem bħala għan prinċipali l-għożża tal-ġid komuni għax waqt li qed tieħu ħsieb ħaddieħor, qed tieħu ħsieb ukoll lilek innifsek

Missierna! Din il-kelma li mhux biss tindika l-paternità ta’ Alla fuqna, imma l-fatt li aħna aħwa, li aħna responsabbli ta’ xulxin. Intom qegħdin tiggradaw f’kuntest partikolari fejn dawn l-ideali ta’ umanità huma mkissra mill-barbarja u l-aggressjoni tal-ftit li għax mingħalihom għandhom il-poter, għandhom l-arroganza biżżejjed jifhmu jew jaħsbu li jistgħu jiddeċiedu min għandu d-dritt jgħix u min għandu dritt imut, min għandu d-dritt għal saqaf fuq rasu, min għandu d-dritt ikollu pajjiżu sovran u demokratiku.

Intom ma tistgħux tiggradwaw f’bozza; intom qegħdin tiggradwaw f’dan il-kuntest, f’dan ix-xenarju meskin li jumiljana bħala razza umana, li jħammrilna wiċċna. Ta’ min nistaqsu kif wasalna għal dan kollu? Kif m’aħniex kapaċi nitgħallmu mit-traġedji tas-seklu li għadda u nirrepetuhom b’impunità f’pajjiżna, fl-Ewropa u fid-dinja. Intom responsabbli wkoll, intom responsabbli llum – tgħidux il-futur! Liema atteġġjament se jkollkom intom u tieħdu responsabbiltajiet li se tagħtikom is-soċjetà u tużaw ir-rikonoxximent li ngħatalkom tax-xogħol tagħkom għas-servizz ta’ ħaddieħor?

Aħna kompliċi ma’ min fil-prepotenza tiegħu jaħseb li l-flus u l-poter hu kollox?

Temmnu tassew li meta nindirizzaw lil Alla Missierna qegħdin nimpenjaw ruħna li ngħixu ta’ aħwa, li quddiemu ma nidhrux weħidna imma mtaqqlin u mfarrġin b’dak li nkunu għamilna lil xulxin? Jekk l-università, l-Alma Mater tagħkom mhix kapaċi tnissel fikom dan is-sens ta’ responsabbiltà għas-soċjetà u għad-dinja, allura tkun falliet. Imma għandi t-tama li dak kollu li rċevejtu mill-Alma Mater mhuwiex biss titlu akkademiku li jkun sabiħ fuq xi CV jew xi karta sabiħa li tagħmilha fi gwarniċ u ddendilha biex tidher u timpressjona. Imma tatkom formazzjoni li tmur lil hemm mill-aspett akkademiku, formazzjoni tal-qalb u tal-kapaċità tagħkom li tkunu messaġġiera ta’ umanità mhux tal-barbarja, ta’ ċiviltà mhux ta’ ideoloġija qerrieda. Intom qegħdin tiggradwaw – mingħajr ma tridu għax m’għażilniehx aħna dan il-kuntest – f’dan il-kuntest u l-gradwazzjoni tagħkom trid tkun ukoll messaġġ ta’ tama. Għandna nies li investew il-ħin, ir-riżorsi, u d-dedikazzjoni bħala komunità: studenti, fakultajiet, staff, amministrazzjoni. Ir-riżultat irid ikun progress fl-umanità. Inkella nkunu qed naħlu ż-żmien.

Waqt li nawguralkom, nixtieqkom – u dan l-aħħar ħsieb tiegħi – li fuq l-insistenza ta’ Ġesù nifhmu li aħna midjunin ma’ Alla għax nonqsu kontinwament, u rridu nitgħallmu naqsmu l-maħfra ma’ xulxin u bejnietna. It-talba li għallimna hekk tgħid: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Mt 6:12). U jinsisti l-Mulej: “Jekk intom taħfru lill-bnedmin l-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom” (Mt 6:14-15). Il-kelma ta’ Ġesù hi ċara. Aħna nduru lejn Alla u ngħidulu ‘Missierna’ u kontinwament nimpenjaw ruħna, inkunu strumenti ta’ rikonċiljazzjoni, strumenti ta’ fejqan, ta’ ġustizzja, ta’ sbuħija, ta’ armonija, ta’ dak kollu li jagħmel iċ-ċiviltà umana tassew dak li għandha tkun u dak li nixtiequ għal kulħadd.    

Intom qegħdin tiggradaw f’kuntest partikolari fejn dawn l-ideali ta’ umanità huma mkissra mill-barbarja u l-aggressjoni tal-ftit

Waqt li nawguralkom, ejjew nitolbu għall-poplu Ukren. Illum nagħmlu att ta’ solidarjetà ma’ tant studenti universitarji fl-Ukrajna li ma jistgħux ikomplu l-istudji tagħhom, li qegħdin forsi jiddefendu s-sovranità ta’ pajjiżhom u jmutu mingħajr ma ninsew ukoll liż-żgħażagħ Russi mibgħuta għall-qtil b’ċiniżmu u b’kefrija kbira. Anke dawk ħajjithom meqruda mill-għażliet żbaljati ta’ min suppost jaf aħjar.

Aħna qegħdin fix-xenarju tal-Ġnus Maqgħuda, li fid-DNA tagħha suppost kellha min tgħallem wara t-Tieni Gwerra Dinjija u sar garanti tal-paċi tad-dinja. Illum bil-veto ta’ dawn il-kbar, li suppost jagħtuna eżempju, deċiżjonijiet importanti ma jistgħux jittieħdu meta jkunu huma l-aggressuri. Ara fiex ġabitna d-dinja: ostaġġ ta’ deċiżjonijiet anakronistiċi! U aħna, li aħna pajjiż żgħir u nafu x’jiġifieri tkun assedjat u umiljat, irridu nirreaġixxu bis-solidarjetà tagħna u nistaqsu lilna nfusna: aħna kompliċi ma’ min fil-prepotenza tiegħu jaħseb li l-flus u l-poter hu kollox? Ir-risposta f’idejkom.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Iż 55:10-11
Salm: 33 (34):4-5,6-7,16-17,18-19
L-Evanġelju: Mt 6:7-15

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: