Nunzju għall-Ukrajna: ‘Il-konverżjoni lejn Alla hija parti essenzjali mill-Konsagrazzjoni’.

Print Friendly, PDF & Email

Isqfijiet u fidili Kattoliċi minn madwar id-dinja kollha, ngħaqdu spiritwalment mal-Papa Franġisku għall-Att tal-Konsagrazzjoni tar-Russja u l-Ukrajna lill-Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija.

F’kumment dwar l-Att tal-Konsagrazzjoni, n-Nunzju Appostoliku għall-Ukrajna, l-Arċisqof Visvaldas Kulbokas, qal li l-Verġni ta’ Fatima qed titlob lil kulħadd biex jikkonverti. “Imma l-konverżjoni ma tfissirx li tikkonverti għal denominazzjoni, għal ċerta Knisja, jew għal konfessjoni. Anzi, l-konverżjoni tikkonċerna lin-nies kollha – Kattoliċi, Ortodossi, Luterani, Battisti, u segwaċi ta’ reliġjonijiet oħra”.

In-Nunzju Appostoliku tal-Ukrajna żied, “Konverżjoni tfisser li ssir persuna umani, reali, li tgħix is-solidarjetà u l-fraternità fost in-nies. Huwa għalhekk li dan l-att tal-konsagrazzjoni ma jfissirx mument maġiku li nitolbu biss lill-Verġni Marija biex tipproteġina u ssib is-soluzzjonijiet għal din il-gwerra u għal kull tip ta’ gwerer. Iżda, għandna nagħtu sehem bil-konverżjoni tagħna nnfusna”.

L-Arċisqof Kulbokas spjega li hu għalhekk li l-Papa Franġisku għażel li jibda l-Att tal-Konsagrazzjoni bl-att penitenzjali, bil-qrar u r-rikonċiljazzjoni tagħna ma’ Alla. “Meta nirrikonċiljaw ruħna mal-Mulej u mal-umanità, ma’ ħutna, allura nistgħu ngħidu li għamilna s-sehem tagħna, wettaqna l-missjoni tagħna, dak li hu possibbli b’dak li hu tagħna, u bir-responsabbiltà tagħna fil-bini tal-paċi”.

Wara dan, qal in-Nunzju, nitolbu lill-Verġni Marija tinterċedi għalina u nitolbu għall-miraklu u wkoll bħala att ta’ Ħniena Divina biex tagħtina l-paċi.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2022-03/ukraine-nuncio-act-consecration-mary-conversion-peace.html

%d bloggers like this: